L-isport huwa qasam li fih ir-responsabbiltajiet tal-UE nkisbu bid-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Liżbona f’Diċembru 2009. L-UE hija responsabbli mill-iżvilupp ta’ politika bbażata fuq l-evidenza u mit-trawwim tal-kooperazzjoni u l-ġestjoni ta’ inizjattivi bħala appoġġ għall-attività fiżika u l-isport madwar l-Ewropa. Għall-ewwel darba ġiet stabbilita linja baġitarja speċifika fil-qafas tal-ewwel programm Erasmus+ (2014-2020) biex jiġu appoġġjati proġetti u networks relatati mal-isport.
Il-bażi legali
Minkejja li t-Trattati ma semmewx kompetenza ġuridika tal-UE speċifika għall-isport qabel l-2009, il-Kummissjoni lestiet il-pedamenti għal politika tal-UE dwar l-isport permezz tal-White Paper tal-2007 dwar l-Isport u l-pjan ta’ azzjoni Pierre de Coubertin.
L-UE kisbet kompetenza speċifika fil-qasam tal-isport permezz tat-Trattat ta’ Liżbona. L-Artikolu 6(e) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jagħti lill-UE l-kompetenza biex tappoġġja jew tissupplimenta l-azzjonijiet tal-Istati Membri fil-qasam tal-isport, filwaqt li l-Artikolu 165(1) jistabbilixxi d-dettalji ta’ politika dwar l-isport, u jiddikjara li l-Unjoni “għandha tikkontribwixxi għat-tmexxija ’l quddiem tal-kwistjonijiet Ewropej tal-Isports, waqt li tieħu inkunsiderazzjoni n-natura speċifika tiegħu, l-istrutturi tiegħu bbażati fuq il-volontarjat u l-funzjoni soċjali u edukattiva tiegħu”. L-Artikolu 165(2) jirreferi għall-“iżvilupp tad-dimensjoni Ewropea fl-isport, billi tkun promossa l-ġustizzja u t-trasparenza fil-kompetizzjonijiet sportivi u l-kooperazzjoni bejn il-korpi responsabbli mill-isport, u billi tkun protetta l-integrità fiżika u morali tal-isportivi, speċjalment ta’ dawk l-aktar żgħażagħ fosthom”. Fl-aħħar nett, skont l-Artikolu 165(3) tat-TFUE l-Unjoni u l-Istati Membri għandhom jinkoraġġixxu kooperazzjoni ma’ pajjiżi terzi u mal-organizzazzjonijiet internazzjonali kompetenti fil-qasam tal-edukazzjoni u l-isport, partikolarment il-Kunsill tal-Ewropa. L-UE b’hekk għandha bażi legali biex tappoġġja s-settur tal-isport strutturalment bil-programm Erasmus+, u biex titkellem b’vuċi waħda fil-fora internazzjonali u mal-pajjiż mhux tal-UE. Il-ministri tal-isport tal-UE jiltaqgħu wkoll fil-laqgħat tal-Kunsill Edukazzjoni, Żgħażagħ, Kultura u Sport. Fl-istess ħin, l-UE teżerċita s-setgħat tal-liġi mhux vinkolanti tagħha f’oqsma relatati mill-qrib bħall-edukazzjoni, is-saħħa u l-inklużjoni soċjali permezz tal-programmi ta’ finanzjament rispettivi.
L-objettivi
Il-ħolqien ta’ kompetenza speċifika fl-isport fit-Trattati fetħet possibbiltajiet ġodda għall-azzjoni tal-UE fil-qasam tal-isport. L-UE taħdem biex jinkisbu aktar ġustizzja u trasparenza fil-kompetizzjonijiet sportivi u għal protezzjoni tal-integrità morali u fiżika tal-isportivi, filwaqt li tittieħed inkunsiderazzjoni n-natura speċifika tal-isport. Barra minn hekk, l-UE tappoġġja l-idea li l-isport jista’ jtejjeb il-benesseri ġenerali, jgħin biex jingħelbu kwistjonijiet soċjetali usa’ bħar-razziżmu, l-esklużjoni soċjali u l-inugwaljanza bejn il-ġeneri, jipprovdi benefiċċji ekonomiċi sinifikanti madwar l-Unjoni u li huwa għodda importanti fir-relazzjonijiet esterni tal-UE. B’mod partikolari, l-UE għandha x’taqsam ma’ tliet aspetti: (1) ir-rwol soċjetali tal-isport; (2) id-dimensjoni ekonomika tiegħu; u (3) il-qafas politiku u ġuridiku tas-settur tal-isport.
Il-kisbiet
A. L-evoluzzjoni tal-politika dwar l-isport
1. Il-White Paper dwar l-Isport u l-pjan ta’ azzjoni Pierre de Coubertin
Il-White Paper dwar l-Isport tal-2007 tal-Kummissjoni kienet l-ewwel “inizjattiva komprensiva” dwar l-isport mill-UE. Permezz tal-implimentazzjoni tal-azzjonijiet proposti, il-Kummissjoni ġabret evidenza utli rigward il-kwistjonijiet li kellhom jiġu indirizzati fil-ġejjieni. Il-White Paper ipprevediet għadd ta’ objettivi, inklużi, fost oħrajn:
- it-tisħiħ tar-rwol soċjetali tal-isport;
- il-promozzjoni tas-saħħa pubblika permezz tal-attività fiżika;
- it-tisħiħ tal-attivitajiet ta’ volontarjat;
- it-tisħiħ tad-dimensjoni ekonomika tal-isport u l-moviment liberu tal-plejers;
- il-ġlieda kontra d-doping, il-korruzzjoni u l-ħasil ta’ flus;
- il-kontroll tad-drittijiet tal-media.
2. L-iżvilupp tad-dimensjoni Ewropea fl-isport
Il-White Paper tal-Kummissjoni dwar l-Isport u d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Liżbona fl-2009 wittew it-triq għall-komunikazzjoni tal-Kummissjoni ta’ Jannar 2011 bit-titolu “L-Iżvilupp tad-Dimensjoni Ewropea fl-Isport”. Din il-komunikazzjoni indirizzat ir-rwol ġenerali tal-isport, b’mod partikolari fir-rigward tal-impjegabilità, l-inklużjoni soċjali u s-saħħa pubblika. Hija ffokat ukoll fuq aspetti relatati ma’ avvenimenti sportivi internazzjonali, inkluż l-iffirmar tal-Konvenzjoni Kontra d-Doping tal-Kunsill tal-Ewropa, arranġamenti u rekwiżiti ta’ sikurezza għal avvenimenti sportivi, kif ukoll standards għall-aċċessibilità ta’ avvenimenti sportivi u postijiet għal persuni b’diżabilità. Fl-aħħar nett, hija rreferiet ukoll għal kwistjonijiet ekonomiċi relatati mal-isport (il-bejgħ kollettiv tad-drittijiet tal-media, id-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, il-finanzjament trasparenti u sostenibbli tal-isport u l-applikazzjoni tal-liġi dwar l-għajnuna mill-Istat fl-isport).
3. Il-Pjan ta’ Ħidma tal-UE għall-Isport
Il-Pjan ta’ Ħidma tal-UE għall-Isport huwa wieħed mill-aktar dokumenti importanti tal-UE dwar il-politika dwar l-isport. Dan jiffoka fuq l-attivitajiet ewlenin tal-Unjoni fil-qasam u jaġixxi bħala strument ta’ gwida għall-promozzjoni tal-kooperazzjoni bejn l-istituzzjonijiet tal-UE, l-Istati Membri u l-partijiet ikkonċernati tal-isport.
L-ewwel Pjan ta’ Ħidma għall-Isport (2011-2014) ġie adottat mill-Kunsill fl-2011. Fl-1 ta’ Diċembru 2020 il-Kunsill tal-Ministri Ewropej għall-Isport adotta r-raba’ Pjan ta’ Ħidma tal-UE għall-Isport (2021-2024). L-attività fiżika li hija elenkata bħala prijorità ewlenija, għandha pożizzjoni prominenti fil-pjan, li jinkludi l-ħolqien ta’ opportunitajiet sportivi għall-ġenerazzjonijiet kollha. Il-pjan għandu wkoll l-għan li jsaħħaħ “l-irkupru u r-reżiljenza għall-kriżijiet tas-settur tal-isport waqt u wara l-pandemija tal-COVID-19”. Oqsma oħra ta’ azzjoni ewlenija jinkludu l-prijoritizzazzjoni tal-ħiliet u l-kwalifiki fl-isport permezz ta’ skambji tal-aħjar prattiki u l-bini tal-għarfien, il-protezzjoni tal-integrità u l-valuri, kif ukoll id-dimensjonijiet soċjoekonomiċi u ambjentali tal-isport u l-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri. L-UE għandha wkoll l-għan li żżid il-proporzjon ta’ nisa f’pożizzjonijiet ta’ tmexxija u kkowċjar fl-isport, li tippromwovi kundizzjonijiet ugwali għall-atleti kollha u li ttejjeb il-kopertura tal-media dwar in-nisa fl-isport.
Skont it-tranżizzjoni ekoloġika tal-UE, “sport ekoloġiku” huwa meqjus ukoll bħala prijorità, billi l-pjan jipproponi l-iżvilupp ta’ qafas komuni b’impenji kondiviżi li jqisu l-Patt Klimatiku Ewropew. Qiegħda titqiegħed aktar enfasi fuq l-innovazzjoni u d-diġitizzazzjoni fl-oqsma kollha tas-settur tal-isport.
4. Azzjonijiet ta’ wara l-pandemija tal-COVID-19
F’Ġunju 2020, il-Kunsill adotta l-konklużjonijiet tiegħu dwar l-impatt tal-pandemija tal-COVID-19 fuq is-settur tal-isport, filwaqt li ppropona miżuri differenti għall-irkupru tiegħu. Id-dokument enfasizza kif is-settur kollu ntlaqat ħażin ħafna, inkluż f’termini ekonomiċi. Il-Kunsill enfasizza kif huma meħtieġa strateġiji ta’ tkomplija wara l-pandemija fil-livell lokali, nazzjonali, reġjonali u tal-UE biex jiġi appoġġjat is-settur tal-isport u jinżamm il-kontribut importanti tiegħu għall-benesseri taċ-ċittadini tal-UE. Il-Kunsill b’hekk inkoraġġixxa lill-istituzzjonijiet tal-UE biex jissupplimentaw l-isforzi nazzjonali billi jidderieġu appoġġ finanzjarju lis-settur permezz ta’ programmi u fondi disponibbli tal-UE bħal Erasmus+, il-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà, il-fondi tal-Politika ta’ Koeżjoni u l-Inizjattivi ta’ Investiment fir-Rispons għall-Coronavirus (CRII, CRII+).
Fl-10 ta’ Frar 2021, il-Parlament adotta riżoluzzjoni li affermat mill-ġdid il-konklużjonijiet tal-Kunsill iżda saħqet li l-għajnuna finanzjarja ma għandhiex tkun limitata biss għal avvenimenti sportivi ewlenin għall-ispettaturi u li l-miżuri ta’ rkupru huma ta’ importanza kruċjali għall-isport għad-dilettanti. Barra minn hekk, il-Kummissjoni ntalbet tiżviluppa approċċ Ewropew biex tittratta l-effetti negattivi tal-pandemija fuq is-settur tal-isport.
B. Azzjonijiet u programmi
1. Erasmus+
L-isport huwa parti integrali minn Erasmus+, il-programm għall-azzjoni tal-UE fil-qasam tal-edukazzjoni, it-taħriġ, iż-żgħażagħ u l-isport. Il-programm attwali għall-2021-2027 jalloka 1.9% tal-baġit globali tiegħu lill-isport.
Il-promozzjoni tal-“mobilità għat-tagħlim tal-persunal tal-isport, kif ukoll il-kooperazzjoni, il-kwalità, l-inklużjoni, il-kreattività, u l-innovazzjoni fil-livell tal-organizzazzjonijiet tal-isport u l-politiki tal-isport” ġew enfasizzati bħala wieħed mit-tliet objettivi ewlenin tal-programm Erasmus+ attwali. L-azzjonijiet biex jinkiseb dan l-objettiv jinkludu, fost oħrajn, it-trawwim tal-mobilità, speċjalment għall-persunal fl-isport għad-dilettanti, u ż-żieda fil-possibilitajiet ta’ tagħlim virtwali, il-ħolqien ta’ sħubiji għall-kooperazzjoni u l-iskambji tal-aħjar prattiki, inkluż sħubiji fuq skala żgħira, it-trawwim ta’ aċċess aktar mifrux u inklużiv għall-programm, u l-appoġġ għal avvenimenti sportivi mingħajr skop ta’ qligħ li jippromwovu kwistjonijiet ta’ rilevanza għall-isport għad-dilettanti.
2. Il-Ġimgħa Ewropea tal-Isport
Il-Parlament, fir-riżoluzzjoni tiegħu ta’ Frar 2012 dwar id-Dimensjoni Ewropea fl-Isport, għall-ewwel darba ppropona li ssir “Ġurnata Ewropea tal-Isport” madwar l-UE. F’Settembru 2015 tnediet il-Ġimgħa Ewropea tal-Isport bil-għan li tippromwovi l-isport u l-attività fiżika madwar l-Ewropa fil-livelli nazzjonali, reġjonali u lokali u tħeġġeġ liċ-ċittadini Ewropej jibnu stil ta’ ħajja aħjar u aktar san. Kif wera stħarriġ tal-Ewrobarometru li sar fl-2022, 62% tal-Ewropej qatt jew rari jipprattikaw jew jilagħbu xi tip ta’ sport. B’riżultat ta’ dan, ibatu kemm is-saħħa u l-benesseri tal-persuni, kif ukoll tbati l-ekonomija, b’żieda fin-nefqa fuq il-kura tas-saħħa, telf ta’ produttività fuq il-post tax-xogħol u tnaqqis fl-impjegabilità.
Mill-2017, il-Ġimgħa Ewropea tal-Isport bdiet issir bejn it-23 u t-30 ta’ Settembru madwar l-Ewropa kollha, bl-Istati Membri u l-pajjiżi sħab jorganizzaw firxa varjata ta’ attivitajiet u avvenimenti. Fl-2023, saru 36,000 avveniment li involvew kważi 11-il miljun persuna.
3. Proġetti għall-inklużjoni soċjali
L-inklużjoni soċjali hija fost l-ogħla prijoritajiet tal-UE għar-rwol tal-isport fis-soċjetà. Peress li jgħaqqad in-nies flimkien u jibni l-komunitajiet, l-isport jista’ jikkontribwixxi b’mod importanti għall-integrazzjoni tal-migranti fl-UE. Il-Kummissjoni tappoġġja proġetti u networks li jippromwovu l-inklużjoni soċjali tal-migranti, permezz tal-programm Erasmus+.
4. Premjijiet
Mill-2022, il-Kummissjoni tat il-premjijiet tal-#BeActive u l-#BeInclusive. Dawn il-programmi ta’ premjazzjoni jippremjaw ideat u inizjattivi innovattivi żviluppati fl-Ewropa minn individwi jew organizzazzjonijiet biex jippromwovu l-isport u l-attivitajiet fiżiċi. Huma jippromwovu wkoll “it-tneħħija tal-ostakli soċjali” permezz tal-isport sabiex ilaqqgħu lin-nies flimkien u jgħinu biex jinħoloq sens ta’ identità Ewropea.
Ir-rwol tal-Parlament Ewropew
Fil-Parlament, l-iżvilupp tal-politika Ewropea dwar l-isport huwa kompetenza tal-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni (CULT). Fl-2012, il-Parlament adotta riżoluzzjoni dwar id-Dimensjoni Ewropea fl-Isport, li wittiet it-triq għall-Ġimgħa Ewropea tal-Isport. Barra minn hekk, il-Parlament indirizza l-kwistjonijiet tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri fl-isport, kif ukoll ir-rwol tal-isport fil-ġlieda kontra r-razziżmu. Ir-rwol ewlieni tal-isport jissemma wkoll fir-riżoluzzjoni tal-2016 dwar l-integrazzjoni fis-suq tax-xogħol u l-inklużjoni soċjali tar-rifuġjati, li tissottolinja r-rwol importanti tal-isport bħala strument għat-trawwim ta’ djalogu soċjali u interkulturali billi jistabbilixxi rabtiet pożittivi bejn il-popolazzjoni lokali u r-rifuġjati u l-applikanti għall-ażil.
Is-Sottokumitat tal-Parlament għad-Drittijiet tal-Bniedem (DROI) iddiskuta regolarment id-drittijiet tal-bniedem fil-kuntest ta’ avvenimenti sportivi kbar ospitati f’pajjiżi bħar-Russja (l-Olimpijadi tax-Xitwa 2014), il-Brażil (it-Tazza tad-Dinja tal-Irġiel 2014 tal-FIFA, l-Olimpijadi tas-Sajf 2016) u l-Qatar (it-Tazza tad-Dinja tal-Irġiel 2022 tal-FIFA). Wara l-ewwel seduta ta’ smigħ dwar l-isport u d-drittijiet tal-bniedem, li ffokat fuq is-sitwazzjoni tal-ħaddiema migranti fil-Qatar fi Frar 2014, fl-2015 saret seduta ta’ smigħ konġunta mal-Kumitat CULT dwar il-ksur tad-drittijiet tal-bniedem b’rabta ma’ avvenimenti sportivi kbar.
Il-Parlament ilu wkoll attiv ħafna fil-ġlieda kontra x-xiri tal-logħob u l-korruzzjoni fl-isport, u f’Marzu 2013 adotta riżoluzzjoni dwar is-suġġett. Din kienet segwita b’riżoluzzjoni f’Ġunju 2015 dwar ir-rivelazzjonijiet ta’ każijiet ta’ korruzzjoni fl-ogħla livelli tal-FIFA u riżoluzzjoni fi Frar 2017 bit-titolu “Approċċ integrat għall-Politika tal-Isport: governanza tajba, aċċessibilità u integrità”.
Fl-emendi tiegħu għall-proposta tal-Kummissjoni dwar il-programm Erasmus+ 2021-2027, il-Parlament ippropona li partijiet mill-baġit ta’ Erasmus+ jiġu allokati mill-ġdid, sabiex jiġi żgurat li aktar kowċis tal-isport u atleti żgħażagħ ikollhom l-opportunità li jipparteċipaw fi skemi ta’ mobilità.
Fit-23 ta’ Novembru 2021, il-Parlament adotta riżoluzzjoni bit-titolu “Il-politika tal-UE dwar l-isport: valutazzjoni u toroq possibbli ’l quddiem”. Fiha, huma rrakkomandati azzjonijiet differenti bħal aktar finanzjament għall-isport għad-dilettanti, regolamentazzjoni aħjar tat-trasferimenti tal-plejers, paga ugwali u viżibilità akbar għan-nisa fl-isport, protezzjoni aħjar tat-tfal fl-isport u żieda fl-għadd ta’ sigħat allokati għall-attivitajiet fiżiċi fl-iskejjel. Ġie ssuġġerit ukoll il-ħolqien ta’ “koordinatur tal-isport tal-UE” bil-kompitu li jsaħħaħ il-kooperazzjoni transsettorjali.
Fl-aħħar nett, fl-10 ta’ Novembru 2022 ġiet adottata riżoluzzjoni dwar l-isport elettroniku u l-video games, li fiha l-Parlament jikkonkludi li l-isport elettroniku u l-isport huma setturi differenti. Din ir-riżoluzzjoni stiednet lill-Kummissjoni biex tfassal karta biex tippromwovi l-valuri Ewropej fil-kompetizzjonijiet tal-isport elettroniku u biex tikkunsidra l-ħolqien ta’ viża għall-persunal tal-isport elettroniku. Il-Parlament jirrikonoxxi l-potenzjal tal-video games sportivi u tal-isport virtwali għall-esplorazzjoni ta’ forom ġodda ta’ involviment tal-partitarji u ż-żieda fil-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ f’attivitajiet fiżiċi, iżda jirrikonoxxi l-ħtieġa li l-isport elettroniku jiġi ssalvagwardjat mix-xiri tal-logħob u mil-logħob tal-azzard illegali. Jemmen li l-UE għandha tadotta approċċ responsabbli għall-video games u l-isport elettroniku billi tippromwovihom bħala parti minn stil ta’ ħajja tajjeb għas-saħħa li jinkludi l-attività fiżika, l-interazzjoni soċjali wiċċ imb wiċċ u l-involviment f’attivitajiet kulturali.
Għal aktar informazzjoni dwar dan is-suġġett, jekk jogħġbok ara s-sit web tal-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni.
Lina Sasse / Kristiina Milt