L-Unjoni Ewropea u s-sħab kummerċjali tagħha
Tul is-snin, l-UE tbiegħdet mill-produzzjoni ta’ prodotti ta’ valur baxx li jirrikjedu ħafna ħaddiema sabiex tispeċjalizza fi prodotti tad-ditta b’valur ogħla. Bl-ekonomija miftuħa tagħha, il-kummerċ huwa essenzjali għall-UE, li hija fundatriċi u attur ewlieni fl-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO). Barra minn hekk, biex tegħleb l-ostakli għall-kummerċ u jkun hemm kundizzjonijiet ekwi għan-negozji tagħha, l-Unjoni tinnegozja għadd ta’ ftehimiet ta’ kummerċ ħieles.
Il-bażi legali
L-Artikolu 207 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea jistabbilixxi l-politika kummerċjali komuni bħala kompetenza esklużiva tal-Unjoni Ewropea.
Il-pożizzjoni ċentrali tal-UE
L-UE, iċ-Ċina u l-Istati Uniti huma l-akbar ekonomiji tad-dinja, u fl-2023 irrappreżentaw rispettivament madwar 17.5%, 17% u 25.7% tal-prodott domestiku gross (PDG) globali. Bis-saħħa tal-PDG tagħha ta’ madwar EUR 17-il triljun u tan-natura miftuħa tas-suq tagħha, l-UE kellha rwol ċentrali fit-tfassil tas-sistema tal-kummerċ globali, fost l-oħrajn, billi appoġġjat lid-WTO. Il-ftuħ ekonomiku ġab vantaġġi sinifikanti għall-UE, peress li aktar minn 30 miljun impjieg fl-UE jiddependu mill-kummerċ estern u minħabba li t-tkabbir ekonomiku globali mistenni jiġi ġġenerat prinċipalment barra mill-Ewropa. Atturi ekonomiċi ġodda u innovazzjoni teknoloġika, b’mod partikolari d-diġitalizzazzjoni, biddlu l-istruttura u x-xejriet tal-kummerċ internazzjonali. L-ekonomija globali tal-lum hija integrata ħafna, u l-ktajjen tal-provvista globali fil-biċċa l-kbira ssostitwew il-kummerċ tradizzjonali ta’ prodotti lesti.
Għalkemm il-kriżi finanzjarja globali tal-2009 kellha impatt negattiv fuq il-prestazzjoni ekonomika tal-UE, l-UE kienet kapaċi żżomm pożizzjoni relattivament b’saħħitha fil-kummerċ fil-merkanzija filwaqt li ssaħħaħ ir-rwol ewlieni tagħha fil-kummerċ fis-servizzi. Il-pandemija tal-COVID-19 naqqset ir-ritmu tat-tkabbir ekonomiku u tat bidu għal diskussjoni dwar ir-rilokazzjoni tal-industriji lura lejn l-Ewropa (magħrufa bħala “rilokalizzazzjoni”). Ir-rilokalizzazzjoni x’aktarx li tiġi applikata b’mod selettiv f’setturi kritiċi, filwaqt li l-ktajjen tal-provvista globali jesperjenzaw ċertu livell ta’ frammentazzjoni minħabba fornituri dejjem aktar separati ta’ merkanzija u ta’ servizzi.
Ir-rwol tal-Kummissjoni Ewropea u tal-Parlament Ewropew
Il-kummerċ internazzjonali kien wieħed mill-ewwel setturi li fihom l-Istati Membri qablu li jiġbru flimkien is-sovranità tagħhom. Konsegwentement, taw mandat lill-Kummissjoni biex tittratta l-kwistjonijiet relatati mal-kummerċ, inkluż in-negozjar ta’ ftehimiet kummerċjali internazzjonali, f’isimhom. Fi kliem ieħor, filwaqt li l-UE taġixxi bħala entità waħda, tinnegozja ftehimiet kummerċjali, kemm bilaterali kif ukoll multilaterali, f’isem l-Istati Membri kollha tagħha. Kif jidher mir-rekord tagħha fis-sistema tad-WTO għas-soluzzjoni ta’ tilwim, l-UE kienet kapaċi tiddefendi l-interessi proprji tagħha f’tilwimiet kummerċjali internazzjonali. L-UE użat ukoll għodod kummerċjali internazzjonali biex tippromwovi l-valuri u l-politiki tagħha u qiegħda tipprova testendi l-prattiki regolatorji tagħha għall-bqija tad-dinja, filwaqt li tradizzjonalment tingħata preferenza lil sistema ta’ kummerċ internazzjonali b’mod miftuħ u ġust.
Fl-2009, it-Trattat ta’ Liżbona saħħaħ ir-rwol tal-Parlament billi għamlu koleġiżlatur fi kwistjonijiet li jinvolvu l-kummerċ u l-investiment, fuq l-istess livell mal-Kunsill. Barra minn hekk, it-Trattat ta lill-Parlament rwol aktar attiv fin-negozjar u fir-ratifika ta’ ftehimiet kummerċjali internazzjonali, peress li l-kunsens tiegħu issa huwa obbligatorju. Madankollu, xi elementi tal-politika kummerċjali għadhom f’idejn l-Istati Membri. Fis-16 ta’ Mejju 2017, il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (QĠUE) ippubblikat opinjoni li ċċarat id-diviżjoni bejn il-kompetenzi nazzjonali u dawk tal-UE.
Il-politika u l-orjentazzjoni tal-kummerċ
Meta n-negozjati multilaterali fi ħdan id-WTO dwar l-Aġenda ta’ Doha għall-Iżvilupp waqfu fl-ewwel għaxar snin tas-seklu 21, l-UE kellha ssib modi alternattivi biex tiggarantixxi aċċess aħjar għas-swieq ta’ pajjiżi mhux tal-UE. Għal dan il-għan, ġiet introdotta ġenerazzjoni ġdida ta’ ftehimiet ta’ kummerċ ħieles komprensivi, li jmorru lil hinn minn tnaqqis tariffarju u kummerċ fil-merkanzija. L-ewwel wieħed minn dawn il-ftehimiet ta’ kummerċ ħieles tal-“ġenerazzjoni l-ġdida” ġie konkluż mal-Korea t’Isfel u, wara r-ratifika mill-Parlament, daħal fis-seħħ formalment f’Diċembru 2015. Il-Ftehim ta’ Kummerċ Multipartitiku bejn l-UE u l-Perù, il-Kolombja u aktar tard l-Ekwador (mill-2016), fis-seħħ mill-2013, il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni mal-pajjiżi tal-Amerka Ċentrali (mal-Honduras, man-Nikaragwa, mal-Panama, mal-Costa Rica, ma’ El Salvador u mal-Gwatemala), li l-pilastru kummerċjali tiegħu ġie applikat b’mod proviżorju mill-2013, il-Ftehim Ekonomiku u Kummerċjali Komprensiv (CETA) bejn l-UE u l-Kanada, applikat b’mod proviżorju minn Settembru 2017, il-ftehim ta’ kummerċ ħieles bejn l-UE u Singapore, fis-seħħ minn tmiem l-2019, u l-ftehim ta’ kummerċ ħieles bejn l-UE u l-Vjetnam, fis-seħħ min-nofs l-2020, huma lkoll xhieda tal-politika l-ġdida. Il-Ftehim ta’ Sħubija Ekonomika mal-Ġappun daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Frar 2019. Fit-13 ta’ Diċembru 2023, l-Unjoni u ċ-Ċilì ffirmaw il-Ftehim Qafas Avvanzat modernizzat bejn l-UE u ċ-Ċilì, liema ftehim ġie approvat mill-Parlament Ewropew fid-29 ta’ Frar 2024. Il-ftehim ta’ kummerċ ħieles bejn l-UE u New Zealand ġie approvat mill-Parlament Ewropew fit-22 ta’ Novembru 2023.
Peress li n-negozjati mal-Istati Uniti dwar is-Sħubija Trans-Atlantika ta’ Kummerċ u ta’ Investiment (TTIP) ġew sospiżi fl-2016, l-UE ffukat fuq ftehimiet mal-Istati Uniti f’oqsma speċifiċi, bħal tariffi fuq prodotti industrijali jew valutazzjoni tal-konformità. In-negozjati dwar ftehim kummerċjali mal-membri fundaturi tal-Mercosur tlestew fl-2019, u l-abbozz ta’ ftehim qed jistenna r-ratifika. L-UE fetħet ukoll in-negozjati tal-ftehim ta’ kummerċ ħieles mal-Indoneżja, mat-Tuneżija, mal-Filippini u mal-Awstralja. Fl-2021 tnedew mill-ġdid in-negozjati mal-Indja, fl-2023 tnedew dawk mat-Tajlandja, u n-negozjati mal-Malażja se jitkomplew malli l-kundizzjonijiet ikunu favorevoli.
Fl-2020 u fl-2021, il-pandemija tal-COVID-19 naqqset b’mod sostanzjali l-kummerċ internazzjonali fil-merkanzija, inkluż dak tal-UE mas-sħab kummerċjali ewlenin tagħha. Il-gwerra mhux ġustifikata u mhux provokata tar-Russja kontra l-Ukrajna kellha impatt fuq is-swieq tal-enerġija u tal-ikel.
Fi Frar 2021, il-Kummissjoni ppreżentat ir-Rieżami tal-Politika Kummerċjali tagħha, intitolata “Politika Kummerċjali Miftuħa, Sostenibbli u Assertiva”, li għandha l-għan li twitti t-triq għall-politika kummerċjali sal-2030. Ir-Rieżami tal-Politika Kummerċjali hija s-suċċessur tal-istrateġija “Kummerċ għal Kulħadd” tal-2015 u tirrifletti l-bidliet ġeopolitiċi li seħħew minn dak iż-żmien ’l hawn, billi tintroduċi termini bħal “assertività” u “reżiljenza” fil-vokabolarju tal-kummerċ, flimkien mal-kunċetti magħrufa sew ta’ “ġustizzja” u “sostenibbiltà”. Hija għandha l-għan li tallinja l-politika kummerċjali mal-isfidi attwali u tiffaċilita t-tranżizzjoni ekoloġika u dik diġitali permezz ta’ “Awtonomija Strateġika Miftuħa”.
Is-sħab kummerċjali ewlenin tal-UE
L-Ewropa hija l-akbar esportatur ta’ prodotti manifatturati u servizzi tad-dinja. Fl-2023, l-Istati Uniti kienu d-destinazzjoni għall-merkanzija tal-UE bl-ogħla sehem ta’ esportazzjonijiet totali ekwivalenti għal 19.7% , segwiti mir-Renju Unit (13%) fit-tieni post, li qabżet liċ-Ċina (8.8%). Fl-2022, sħab kummerċjali importanti oħra għall-merkanzija f’ordni dekrexxenti kienu l-Iżvizzera (7%) u t-Turkija (4%).
Fir-rigward tal-kummerċ fis-servizzi, fl-2022 l-Istati Uniti kienu s-sħab kummerċjali ewlenin tal-UE, segwiti mir-Renju Unit u l-Iżvizzera.
L-investiment
L-UE hija l-akbar investitur tad-dinja u benefiċjarju ewlieni tal-investiment dirett barrani (IDB) ta’ pajjiżi oħra. Id-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Liżbona fl-2009 kompla jestendi l-kompetenzi esklużivi tal-UE fi kwistjonijiet relatati mal-kummerċ internazzjonali, li issa jinkludu l-IDB. Biex jiġi ċċarat l-ambitu preċiż tal-kompetenzi tagħha fl-investiment, il-Kummissjoni talbet lill-QĠUE għal opinjoni dwar il-ftehim ta’ kummerċ ħieles bejn l-UE u Singapore. L-Opinjoni 2/15 tal-QĠUE tal-2017 dwar l-ftehim ta' kummerċ ħieles bejn l-UE u Singapor ikkonfermat li l-maġġoranza tal-aspetti tal-IDB jaqgħu taħt il-kompetenza esklużiva tal-UE, b’xi eċċezzjonijiet, b’mod partikolari s-soluzzjoni ta’ tilwim[1].
Sehem tal-IDB dinji fl-2022 (f’biljuni ta’ USD u % tat-total)
Stokk eżoġenu | Stokk endoġenu | |
---|---|---|
Id-dinja f’biljuni ta’ USD | 44 252.759 (100%) | 39 852.940 (100%) |
L-UE | 11 170.459 (25.24 %) | 12 726.307 (31.9%) |
L-Istati Uniti | 10 461.684 (23.64 %) | 8 048.114 (20.19%) |
Iċ-Ċina | 3 822.449 (8.64 %) | 2 931.653(7.4%) |
Il-Kanada | 1 439.848 (3.25%) | 2 033.032(5.1%) |
Il-Ġappun | 225.367 (0.5%) | 1 948.555 (4.9%) |
Ir-Renju Unit | 2 698.563(6.1%) | 2 203.114 (5.5%) |
Sors: Il-kalkoli tad-Direttorat Ġenerali għall-Politiki Esterni tal-Unjoni tal-Parlament Ewropew ibbażati fuq iċ-ċifri tal-Kummissjoni Ewropea/l-Eurostat
F’Diċembru 2020, l-UE kkonkludiet fil-prinċipju n-negozjati għal Ftehim Komprensiv dwar l-Investiment maċ-Ċina, li qed jistenna r-ratifika. Il-ftehimiet ta’ protezzjoni ta’ investiment ma’ Singapore u l-Vjetnam ġew ratifikati fl-2019 u fl-2020 rispettivament. L-UE varat ukoll negozjati dwar l-investiment mal-Myanmar, u se tesplora l-possibbiltà li tagħmel l-istess mat-Tajwan u ma’ Hong Kong. Se jiġu kkunsidrati negozjati mal-Iran wara l-adeżjoni tiegħu mad-WTO. F’Diċembru 2020, l-UE kkonkludiet ukoll Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni (FKK) mar-Renju Unit, li għalih il-Parlament ta l-kunsens tiegħu f’Mejju 2021. Il-Ftehim bejn l-UE u r-Renju Unit jipprevedi tariffi żero fuq il-kummerċ fil-merkanzija u jkopri wkoll l-investiment u diversi oqsma ta’ politika oħra.
Żur il-paġna ewlenija tal-Parlament Ewropew dwar il-kummerċ u l-globalizzazzjoni.
Wolfgang Igler