Id-drittijiet tal-bniedem
L-Unjoni Ewropea hija impenjata biex tappoġġja d-demokrazija u d-drittijiet tal-bniedem fir-relazzjonijiet esterni tagħha, f’konformità mal-prinċipji fundaturi tagħha tal-libertà, id-demokrazija u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, għal-libertajiet fundamentali u għall-istat tad-dritt. L-UE tfittex li tintegra kwistjonijiet marbuta mad-drittijiet tal-bniedem fil-politiki u fil-programmi kollha tagħha, u għandha strumenti ta’ politika differenti fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem għal azzjonijiet speċifiċi – inkluż il-finanzjament ta’ proġetti speċifiċi permezz tal-istrumenti finanzjarji tagħha.
Il-bażi legali
- L-Artikolu 2 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE): Il-valuri tal-UE. Il-valuri li fuqhom hija msejsa l-UE huma dawk “tar-rispett għad-dinjità tal-bniedem, il-libertà, id-demokrazija, l-ugwaljanza, l-istat tad-dritt u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, inklużi d-drittijiet ta’ persuni li jagħmlu parti minn minoranzi”;
- L-Artikolu 3 tat-TUE: L-objettivi tal-UE. Fir-“relazzjonijiet tagħha mal-bqija tad-dinja”, l-UE tikkontribwixxi għall-“qerda tal-faqar u l-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem b’mod partikolari dawk tat-tfal, kif ukoll għar-rispett sħiħ u għall-iżvilupp tad-dritt internazzjonali, partikolarment ir-rispett għall-prinċipji tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti”;
- L-Artikolu 6 tat-TUE: il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali u l-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem. Għalkemm il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (l-Artikolu 6(1)) tirreferi espressament biss għall-implimentazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, l-istituzzjonijiet u l-korpi tal-UE u l-Istati Membri tagħha jeħtiġilhom jirrispettaw ukoll il-Karta fir-relazzjonijiet esterni tal-UE. Il-pajjiżi li se jingħaqdu mal-UE wkoll jeħtiġilhom jikkonformaw mal-Karta. L-Artikolu 6(2) jirrikjedi li l-UE taderixxi mal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem (4.1.2);
- L-Artikolu 21 tat-TUE: il-prinċipji li jispiraw l-azzjoni esterna tal-Unjoni. Dawn il-prinċipji huma d-demokrazija, l-istat tad-dritt, l-universalità u l-indiviżibbiltà tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, ir-rispett għad-dinjità tal-bniedem, l-ugwaljanza u s-solidarjetà, u r-rispett għall-prinċipji tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti tal-1945 u tad-dritt internazzjonali. Fl-Artikolu 21, l-UE tħaddan il-prinċipju tal-“indiviżibbiltà tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali” u timpenja ruħha li tqis id-drittijiet ekonomiċi u soċjali bl-istess importanza tad-drittijiet ċivili u politiċi;
- L-Artikolu 205 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE): dispożizzjonijiet ġenerali dwar l-azzjoni esterna tal-Unjoni. Dan l-Artikolu jipprevedi li l-azzjonijiet internazzjonali tal-UE għandhom ikunu ggwidati mill-prinċipji stabbiliti fl-Artikolu 21 tat-TUE.
Il-politika tad-drittijiet tal-bniedem tal-UE
Fl-2012, il-Kunsill adotta Qafas Strateġiku dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija, akkumpanjat minn pjan ta’ azzjoni biex jimplimenta l-qafas. Il-qafas jiddefinixxi l-prinċipji, l-objettivi u l-prijoritajiet għat-titjib tal-effikaċja u l-konsistenza tal-politika tal-UE matul l-10 snin li ġejjin. Dawn il-prinċipji jinkludu l-integrazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-politiki kollha tal-UE (bħala “fil tad-diskors”), inkluż meta l-politiki interni u esterni jikkoinċidu, u jinkludu wkoll l-adozzjoni ta’ approċċ imfassal aħjar. B’segwitu għal proposta mill-Kummissjoni u l-Viċi President/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà (VP/RGħ), f’Novembru 2020 il-Kunsill adotta t-tielet Pjan ta’ Azzjoni tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija. Dan jistabbilixxi l-ambizzjonijiet u l-prijoritajiet tal-UE għall-perjodu 2020-2024, strutturati madwar ħames oqsma ewlenin ta’ azzjoni:
- il-protezzjoni u l-awtonomizzar tal-individwi;
- il-bini ta’ soċjetajiet reżiljenti, inklużivi u demokratiċi;
- il-promozzjoni ta’ sistema globali għad-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija;
- it-teknoloġiji ġodda: l-isfruttament tal-opportunitajiet u indirizzar tal-isfidi;
- il-kisba ta’ riżultati permezz tal-kollaborazzjoni.
Il-Kunsill adotta sensiela ta’ linji gwida tematiċi dwar id-drittijiet tal-bniedem. Dawn jipprovdu struzzjonijiet prattiċi għar-rappreżentanzi tal-UE madwar id-dinja dwar:
- azzjoni kontra l-piena tal-mewt;
- djalogi dwar id-drittijiet tal-bniedem;
- id-drittijiet tat-tfal;
- l-azzjoni kontra t-tortura u trattament krudili ieħor;
- il-protezzjoni tat-tfal waqt kunflitti armati;
- il-protezzjoni tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem;
- ir-rispett tad-dritt umanitarju internazzjonali;
- il-ġlieda kontra l-vjolenza fil-konfront tan-nisa u l-bniet;
- il-promozzjoni tal-libertà ta’ reliġjon u twemmin;
- il-protezzjoni tad-drittijiet tal-persuni LGBTI;
- il-promozzjoni tal-libertà tal-espressjoni online u offline;
- in-nondiskriminazzjoni fl-azzjoni esterna;
- l-ilma tajjeb għax-xorb u s-sanitazzjoni.
L-istrateġiji tal-pajjiżi tal-UE dwar id-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija jsegwu approċċ minn isfel għal fuq immirat lejn l-integrazzjoni tal-linji gwida u l-prijoritajiet tal-UE dwar id-drittijiet tal-bniedem f’dokument ta’ politika uniku u koerenti. Huma adattati għal kull pajjiż u jistabbilixxu għanijiet għal perjodu ta’ tliet snin.
L-UE regolarment tinkludi d-drittijiet tal-bniedem fid-djalogi politiċi ma’ pajjiżi mhux tal-UE jew ma’ organizzazzjonijiet reġjonali. Hi twettaq ukoll djalogi u konsultazzjonijiet speċifikament iddedikati għad-drittijiet tal-bniedem ma’ madwar 60 pajjiż.
Il-ftehimiet kummerċjali bilaterali u d-diversi ftehimiet ta’ assoċjazzjoni u ta’ kooperazzjoni bejn l-UE u l-pajjiżi mhux tal-UE jew organizzazzjonijiet reġjonali jinkludu klawżola li tagħti definizzjoni tad-drittijiet tal-bniedem bħala “element essenzjali”. Din il-klawżola sservi ta’ punt ta’ aċċess għall-involviment u d-djalogu, iżda wkoll bħala bażi għall-impożizzjoni ta’ miżuri xierqa, bħat-tnaqqis jew is-sospensjoni tal-kooperazzjoni, fil-każ ta’ ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem u tal-prinċipji demokratiċi. Fl-iskemi ta’ kummerċ preferenzjali tal-UE għall-pajjiżi li qed jiżviluppaw, hemm previsti inċentivi għar-ratifika u l-implimentazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u d-drittijiet tal-ħaddiema (5.2.3).
Ġie stabbilit mekkaniżmu ta’ kundizzjonalità qawwi għall-pajjiżi tat-tkabbir (5.5.1). Qabel ma jissieħbu fl-UE, dawn il-pajjiżi jridu jiżviluppaw istituzzjonijiet stabbli li jiggarantixxu d-demokrazija, l-istat tad-dritt, id-drittijiet tal-bniedem u r-rispett għall-minoranzi u l-protezzjoni tagħhom, proċess appoġġjat b’mod attiv mill-UE. Il-Politika Ewropea tal-Viċinat (5.5.5) hija bbażata wkoll fuq valuri komuni tad-demokrazija, l-istat tad-dritt u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem. L-UE tappoġġja lill-pajjiżi sħab fl-implimentazzjoni tar-riformi u tapplika approċċ “aktar għal aktar” (aktar integrazzjoni u flus biex jiġi ppremjat il-progress).
Il-missjonijiet ta’ osservazzjoni elettorali tal-UE għandhom ukoll l-għan li jtejbu d-drittijiet tal-bniedem billi jiskoraġġixxu l-intimidazzjoni u l-vjolenza matul l-elezzjonijiet u billi jsaħħu l-istituzzjonijiet demokratiċi.
L-UE tippromwovi d-drittijiet tal-bniedem permezz tal-parteċipazzjoni tagħha f’fora multilaterali bħat-Tielet Kumitat tal-Assemblea Ġenerali tan-NU, il-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU, l-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa u l-Kunsill tal-Ewropa. L-UE tippromwovi wkoll b’mod attiv il-ġustizzja internazzjonali, pereżempju permezz tal-Qorti Kriminali Internazzjonali.
B’baġit ta’ EUR 1,511-il biljun allokat għall-perjodu 2021-2027, il-programm tematiku dwar id-drittijiet tal-Bniedem u d-demokrazija fl-ambitu tal-Istrument ta’ Viċinat, ta’ Kooperazzjoni għall-Iżvilupp u ta’ Kooperazzjoni Internazzjonali – Ewropa Globali prinċipalment jappoġġja u jipproteġi l-atturi tas-soċjetà ċivili li jippromwovu d-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija. Karatteristika importanti ta’ dan l-istrument hija l-fatt li l-awtorizzazzjoni tal-gvern tal-pajjiż sieħeb mhijiex meħtieġa. Barra minn hekk, l-UE impenjat ruħha li progressivament tintegra approċċ ibbażat fuq id-drittijiet fil-programmi ta’ żvilupp kollha tagħha, abbażi tas-sett ta’ għodod żviluppat mill-Kummissjoni fl-2014 u aġġornati fl-2021.
F’Diċembru 2020, il-Kunsill adotta regolament li jistabbilixxi reġim globali ta’ sanzjonijiet b’rabta mad-drittijiet tal-bniedem. Dan ir-reġim jippermetti li jiġu mmirati individwi, entitajiet u korpi – inkluż atturi statali u mhux statali – li huma responsabbli għal ksur u abbużi serji tad-drittijiet tal-bniedem madwar id-dinja u li huma involuti fihom jew assoċjati magħhom. Fit-22 ta’ Marzu 2024, fid-dawl tal-gwerra ta’ aggressjoni Russa li għaddejja kontra l-Ukrajna u l-mewt ta’ Alexei Navalny, il-Kunsill impona miżuri restrittivi kontra 33 individwu u 2 entitajiet addizzjonali. Minn April 2024, il-Kunsill impona miżuri restrittivi (iffriżar tal-assi u, meta kien rilevanti, projbizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar) fuq total ta’ 104 individwi u 26 entità.
Fid-dawl tal-evidenza u s-sensibilizzazzjoni dejjem akbar dwar il-ksur tad-drittijiet tal-bniedem li jseħħ fil-ktajjen tal-valur globali, il-koleġiżlaturi tal-UE ilhom minn Frar 2022 jaħdmu fuq direttiva dwar id-diliġenza dovuta tas-sostenibbiltà korporattiva. Din id-direttiva se tirrikjedi b’mod legali li l-kumpaniji jidentifikaw u, meta meħtieġ, jipprevjenu, itemmu jew jimmitigaw l-impatti negattivi tal-attivitajiet tagħhom fuq id-drittijiet tal-bniedem u l-ambjent. Id-direttiva ġiet adottata formalment mill-Parlament u mill-Kunsill.
Proposta komplementari għal regolament li jipprojbixxi prodotti magħmula b’xogħol furzat fis-suq tal-UE ġiet approvata mill-Kumitati tal-Parlament għall-Kummerċ Internazzjonali u għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur, u qed tistenna l-adozzjoni formali mill-koleġiżlaturi tal-UE.
Rapport annwali dwar id-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija fid-dinja, imħejji mill-VP/RGħ u adottat mill-Kunsill, jagħti ħarsa ġenerali lejn il-qagħda tad-drittijiet tal-bniedem fid-dinja, kif ukoll tal-azzjonijiet tal-UE matul is-sena.
L-atturi
Il-Kunsill Ewropew jiddefinixxi l-interessi strateġiċi tal-UE u l-linji gwida ġenerali tal-politika estera u ta’ sigurtà komuni (PESK) (5.1.1).
Il-Kunsill Affarijiet Barranin ġeneralment jittratta l-kwistjonijiet marbuta mad-drittijiet tal-bniedem relatati mal-PESK jew mal-politiki kummerċjali jew ta’ żvilupp tal-UE. Il-Grupp ta’ Ħidma dwar id-Drittijiet tal-Bniedem tal-Kunsill, li jwettaq xogħol ta’ tħejjija għal diskussjonijiet u deċiżjonijiet ta’ livell għoli dwar kwistjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem, huwa magħmul minn esperti fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem mill-Istati Membri u rappreżentanti mis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) u l-Kummissjoni.
Kull delegazzjoni tal-UE għandha “punt fokali” tad-drittijiet tal-bniedem. Id-delegazzjonijiet tal-UE għandhom rwol ewlieni fl-iżvilupp u l-implimentazzjoni tal-istrateġiji ta’ kull pajjiż dwar id-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija, fit-tħejjija ta’ djalogi dwar id-drittijiet tal-bniedem, fl-involviment ma’ difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u s-soċjetà ċivili, u fl-identifikazzjoni ta’ prijoritajiet għall-assistenza finanzjarja tal-UE.
Il-Kummissjoni tinnegozja ftehimiet internazzjonali, tissorvelja l-proċess tat-tkabbir u l-politika tal-viċinat u tmexxi programmi ta’ żvilupp u strumenti ta’ finanzjament (f’kooperazzjoni mill-qrib mas-SEAE).
Ir-rwol tar-Rappreżentant Speċjali tal-UE għad-Drittijiet tal-Bniedem huwa dak li jżid l-effikaċja u l-viżibbiltà tal-politika tal-UE fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem. Ir-rappreżentant speċjali għandu mandat wiesa’ u flessibbli u jaħdem mill-qrib mas-SEAE. Bħalissa, il-kariga hija okkupata minn Olof Skoog, li beda l-funzjonijiet tiegħu fl-1 ta’ Marzu 2024.
Il-Parlament jikkontribwixxi għall-iżvilupp tal-politiki tal-UE u jissorvelja l-ħidma tal-istituzzjonijiet l-oħra tal-UE.
Skont l-Artikoli 207 u 218 tat-TFUE, il-biċċa l-kbira tal-ftehimiet internazzjonali jeħtieġu l-approvazzjoni tal-Parlament biex jidħlu fis-seħħ. Pereżempju, fl-2011, il-Parlament imblokka l-protokoll tat-tessuti għall-Ftehim ta’ Sħubija u Kooperazzjoni bejn l-UE u l-Użbekistan, prinċipalment minħabba kwistjonijiet marbuta mat-tħaddim tat-tfal. Il-Parlament ta l-approvazzjoni tiegħu biss fl-2016 wara titjib sinifikanti fl-użu tax-xogħol tat-tfal u tax-xogħol furzat.
L-Artikolu 36 tat-TUE jobbliga lill-VP/RGħ jikkonsulta lill-Parlament dwar l-aspetti prinċipali u l-għażliet fundamentali tal-PESK, u jinforma lill-PE bl-evoluzzjoni ta’ dawn il-politiki. Il-Parlament jista’ jistaqsi mistoqsijiet jew jagħmel rakkomandazzjonijiet lill-Kunsill jew lill-VP/RGħ.
Ir-riżoluzzjonijiet tal-Parlament għandhom l-għan li jissensibilizzaw dwar l-abbużi tad-drittijiet tal-bniedem, jappoġġjaw lid-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u jsawru l-politika tal-UE dwar id-drittijiet tal-bniedem permezz ta’ proposti ta’ politika konkreti. Ir-riżoluzzjonijiet jistgħu jkunu parti mill-proċess leġiżlattiv, eżitu tar-rapporti fuq inizjattiva proprja tal-kumitati parlamentari jew ir-riżultat tad-dibattiti ta’ urġenza li normalment isiru nhar l-Erbgħa ta’ kull sessjoni plenarja fi Strażburgu bl-għan li jenfasizzaw il-ksur flagranti tad-drittijiet tal-bniedem fid-dinja kollha. Ir-riżoluzzjoni annwali tal-Parlament dwar id-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija fid-dinja u l-politika tal-Unjoni Ewropea dwar il-kwistjoni tanalizza l-kisbiet tal-politika tal-UE u l-isfidi li qed tiffaċċja.
Is-Sottokumitat tal-Parlament dwar id-Drittijiet tal-Bniedem (DROI), marbut mal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin (AFET), huwa responsabbli għal kwistjonijiet li jikkonċernaw id-demokrazija, l-istat tad-dritt, id-drittijiet tal-bniedem – inklużi d-drittijiet tal-minoranzi – f’pajjiżi mhux tal-UE u l-prinċipji tal-liġi internazzjonali, u biex jiżgura koerenza bejn il-politiki esterni kollha tal-UE u l-politika tagħha dwar id-drittijiet tal-bniedem. Is-sottokumitat jieħu ħsieb ukoll il-ġestjoni ta’ kuljum tal-fajls relatati mad-drittijiet tal-bniedem, filwaqt li d-delegazzjonijiet tiegħu jżuru regolarment il-pajjiżi u l-istituzzjonijiet rilevanti. Is-sottokumitat jissorvelja s-segwitu għar-riżoluzzjonijiet ta’ urġenza tal-Parlament, u jkollu skambji frekwenti mas-SEAE dwar id-djalogi tal-UE dwar id-drittijiet tal-bniedem.
Il-kwistjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem fir-relazzjonijiet esterni tal-UE huma wkoll trattati mill-kumitati li ġejjin: il-Kumitat għall-Affarijiet Barranin (AFET), il-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali (INTA), il-Kumitat għall-Iżvilupp (DEVE) u l-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi (FEMM). Bl-istess mod, id-drittijiet tal-bniedem huma element essenzjali tal-ħidma tad-delegazzjonijiet permanenti tal-Parlament, li jinteraġixxu ma’ parlamenti mhux tal-UE b’mod bilaterali u fil-kuntest ta’ assemblej parlamentari.
Bis-saħħa tas-setgħat baġitarji tiegħu (skont l-Artikolu 14 tat-TUE u l-Artikolu 310(1) tat-TFUE), il-Parlament għandu vuċi fl-allokazzjoni ta’ fondi lill-Ewropa Globali u lill-istrumenti ta’ finanzjament l-oħrajn użati għall-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem. Barra minn hekk, il-Parlament huwa koleġiżlatur għall-istrumenti ta’ finanzjament estern.
Kull sena, il-Parlament Ewropew jagħti l-Premju Sakharov għal-Libertà tal-Ħsieb lil attivisti tad-drittijiet tal-bniedem madwar id-dinja kollha. Fid-19 ta’ Ottubru 2023 Jina Mahsa Amini u l-Moviment “Nisa, Ħajja, Libertà” fl-Iran rebħu l-Premju Sakharov għall-2023. Ir-rebbieħa tal-2022 kienu l-poplu kuraġġuż tal-Ukrajna, irrappreżentat mill-president, il-mexxejja eletti u s-soċjetà ċivili tiegħu. Il-President Ukren Volodymyr Zelenskyy tkellem permezz ta’ video link fiċ-ċerimonja tal-għoti tal-premjijiet fl-14 ta’ Diċembru 2022 fi Strażburgu. Fl-2021, il-Premju Sakharov ingħata lil Alexei Navalny, l-aktar personaġġ prominenti tal-oppożizzjoni tar-Russja, magħruf għall-ġlieda tiegħu kontra l-korruzzjoni u l-abbużi tad-drittijiet tal-bniedem. Navalny miet fis-16 ta’ Frar 2024 u ġie mfakkar mill-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola bħala ġellied li l-kuraġġ tiegħu se jibqa’ jidwi minn ġenerazzjoni għal oħra. Ir-rebbieħa preċedenti jinkludu Nelson Mandela, Malala Yousafzai, Raif Badawi u l-oppożizzjoni demokratika fil-Belarussja. Il-Parlament ħoloq in-Network tal-Premju Sakharov biex jappoġġja r-rebbieħa tal-Premju Sakharov, jiżviluppa l-kuntatti bejniethom u jħeġġeġ attivitajiet konġunti.
Il-Parlament jippromwovi d-drittijiet tal-bniedem bħala parti mill-attivitajiet usa’ tiegħu ta’ appoġġ għad-demokrazija, li jinkludu l-osservazzjonijiet elettorali, l-azzjonijiet ta’ qabel u ta’ wara l-elezzjoni, il-bini tal-kapaċità parlamentari, il-medjazzjoni u d-djalogu dwar il-promozzjoni tad-demokrazija (5.4.2).
Il-President tal-Parlament tappoġġja b’mod attiv id-drittijiet tal-bniedem permezz ta’ dikjarazzjonijiet u ittri u billi tiddiskuti kwistjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem meta tiltaqa’ ma’ atturi importanti.
Rasma Kaskina