Il-Parlament Ewropew: proċeduri elettorali

Il-proċeduri għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew huma rregolati kemm mil-leġiżlazzjoni Ewropea li tistabbilixxi regoli komuni għall-Istati Membri kollha kif ukoll mid-dispożizzjonijiet nazzjonali speċifiċi, li jvarjaw minn Stat Membru għal ieħor. Id-dispożizzjonijiet komuni jistabbilixxu l-prinċipju ta’ rappreżentanza proporzjonali, ir-regoli dwar il-limiti u ċerti inkompatibbiltajiet mal-mandat ta’ Membru tal-Parlament Ewropew. Ħafna kwistjonijiet importanti oħra, bħal pereżempju s-sistema elettorali eżatta li tkun intużat u n-numru ta’ kostitwenzi, jiġu rregolati mil-liġijiet nazzjonali.

Il-bażi ġuridika

Ir-regoli komuni

A. Prinċipji

It-Trattati fundaturi (1.1.1) iddikjaraw li l-Membri tal-Parlament Ewropew għall-bidu kellhom jinħatru mill-parlamenti nazzjonali, iżda pprevedew li maż-żmien kellhom jiġu eletti b’vot universali dirett. Din id-dispożizzjoni ġiet implimentata mill-Kunsill qabel l-ewwel elezzjonijiet diretti tal-1979 permezz tal-Att tal-20 ta’ Settembru 1976 li jikkonċerna l-elezzjoni tar-rappreżentanti tal-Parlament Ewropew b’vot universali dirett (l-Att Elettorali tal-1976). Biddlet b’mod profond il-pożizzjoni istituzzjonali tal-Parlament Ewropew, u kienet id-dokument fundatur ta’ Unjoni Ewropea aktar demokratika.

Fl-1992, it-Trattat ta’ Maastricht (1.1.3) ippreveda li l-elezzjonijiet kellhom isiru f’konformità ma’ proċedura uniformi u li l-Parlament Ewropew kellu jfassal proposta għal dan il-għan, liema proposta kellha titressaq għal adozzjoni unanima mill-Kunsill. Madankollu, peress li l-Kunsill ma seta’ jaqbel dwar l-ebda waħda mill-proposti, it-Trattat ta’ Amsterdam introduċa l-possibbiltà li jiġu adottati “prinċipji komuni”. Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/772/KE, Euratom tal-25 ta’ Ġunju u tat-23 ta’ Settembru 2002 immodifikat l-Att Elettorali tal-1976 skont dan, u introduċiet il-prinċipju tar-rappreżentanza proporzjonali u għadd ta’ inkompatibbiltajiet bejn il-mandati nazzjonali u dawk Ewropej.

L-aħħar emendi għall-Att Elettorali tal-1976 ġew adottati bid-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE, Euratom) 2018/994 tat-13 ta’ Lulju 2018, li tinkludi dispożizzjonijiet dwar il-possibbiltà ta’ metodi differenti ta’ votazzjoni (votazzjoni minn qabel, votazzjoni elettronika, online u bil-posta); dwar il-limiti; dwar il-protezzjoni tad-data personali; dwar il-penalizzazzjoni tal-“votazzjoni doppja” mil-leġiżlazzjoni nazzjonali; dwar il-votazzjoni f’pajjiżi terzi; u dwar il-possibbiltà li l-partiti politiċi Ewropej ikunu jidhru fuq il-karti tal-vot.

Permezz tat-Trattat ta’ Liżbona (1.1.5), id-dritt tal-vot u d-dritt tal-kandidatura kisbu status ta’ dritt fundamentali (l-Artikolu 39 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea).

B. Applikazzjoni: id-dispożizzjonijiet komuni fis-seħħ

1. Id-dritt tal-vot u d-dritt tal-kandidatura ta’ persuni li mhumiex ċittadini

Skont l-Artikolu 22(2) tat-TFUE, “kull ċittadin tal-Unjoni li jirrisjedi fi Stat Membru li tiegħu ma jkollux iċ-ċittadinanza, ikollu d-dritt li jivvota u li joħroġ bħala kandidat għall-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew fl-Istat Membru fejn huwa jirrisjedi”. L-arranġamenti għall-implimentazzjoni ta’ dan id-dritt ġew adottati skont id-Direttiva tal-Kunsill 93/109/KE, kif emendata l-aħħar bid-Direttiva tal-Kunsill 2013/1/UE, li l-Artikolu 6 tagħha jistipula li “kull ċittadin tal-Unjoni li joqgħod fi Stat Membru li tiegħu mhuwiex ċittadin u li, b’deċiżjoni ġudizzjarja individwali jew b’deċiżjoni amministrattiva, sakemm din tal-aħħar tista’ tkun soġġetta għal rimedji ġudizzjarji, iċċaħħadlu d-dritt għall-kandidatura skont il-liġi tal-Istat Membru ta’ residenza jew il-liġi tal-Istat Membru taċ-ċittadinanza tiegħu, m’għandux jitħalla jeżerċita dak id-dritt fl-Istat Membru ta’ residenza fl-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew”.

2. Is-sistema elettorali

Skont l-Att Elettorali emendat tal-1976, l-elezzjonijiet Ewropej iridu jkunu bbażati fuq rappreżentanza proporzjonali u jużaw jew is-sistema ta’ listi jew inkella s-sistema ta’ vot uniku trasferibbli. L-Istati Membri jistgħu wkoll jawtorizzaw votazzjoni bbażata fuq sistema ta’ listi ta’ preferenza.

Minbarra l-limitu minimu volontarju għall-allokazzjoni ta’ siġġijiet sa 5% tal-voti validi mitfugħa fil-livell nazzjonali, l-emendi reċenti għall-Att Elettorali tal-1976, adottati bid-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE, Euratom) 2018/994, jistabbilixxu limitu minimu obbligatorju ta’ bejn 2% u 5% għall-kostitwenzi (inklużi Stati Membri b’kostitwenza unika) b’aktar minn 35 siġġu fl-Istati Membri fejn tintuża s-sistema ta’ listi. L-Istati Membri se jkollhom jikkonformaw ma’ dan ir-rekwiżit sa mhux aktar tard mill-elezzjonijiet tal-2024.

Skont dik id-Deċiżjoni, l-Istati Membri jistgħu jipprevedu wkoll votazzjoni bil-quddiem, votazzjoni bil-posta u votazzjoni elettronika u online. Meta jagħmlu dan, jeħtiġilhom jiżguraw, b’mod partikolari, l-affidabbiltà tar-riżultat, is-segretezza tal-vot u l-protezzjoni tad-data personali.

3. L-inkompatibbiltajiet

Skont l-Artikolu 7 tal-Att Elettorali tal-1976 kif emendat bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/772/KE, Euratom, il-kariga ta’ Membru tal-Parlament Ewropew mhijiex kompatibbli ma’ dik ta’ membru tal-gvern ta’ Stat Membru, membru tal-Kummissjoni, imħallef, avukat ġenerali jew reġistratur tal-Qorti tal-Ġustizzja, membru tal-Qorti tal-Awdituri, membru tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, membru ta’ kumitati jew korpi oħra stabbiliti skont it-Trattati bl-iskop li jamministraw il-fondi tal-Unjoni jew li jwettqu xi kompitu amministrattiv dirett u permanenti, membru tal-Bord tad-Diretturi, tal-Kumitat ta’ Tmexxija jew tal-persunal tal-Bank Ewropew tal-Investiment, u uffiċjal jew impjegat attiv tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea jew tal-korpi speċjalizzati affiljati magħhom. Għad fadal aktar inkompatibbiltajiet għall-membri tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni (li żdiedu fl-1997); għall-membri tal-Bord tad-Diretturi tal-Bank Ċentrali Ewropew, għall-Ombudsman tal-Unjoni Ewropea u, l-aktar importanti, għall-membri ta’ parlament nazzjonali (li żdiedu fl-2002).

L-arranġamenti soġġetti għal dispożizzjonijiet nazzjonali

Apparti dawn ir-regoli komuni, l-arranġamenti elettorali huma rregolati minn dispożizzjonijiet nazzjonali li jistgħu jvarjaw immens; is-sistema elettorali għaldaqstant tista’ titqies bħala sistema elettorali polimorfika.

A. Is-sistema elettorali u l-limiti

L-Istati Membri kollha jeħtiġilhom jużaw sistema bbażata fuq rappreżentanza proporzjonali. Minbarra l-limitu volontarju għall-allokazzjoni ta’ siġġijiet sa 5% fil-livell nazzjonali, id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE, Euratom) 2018/994 stabbiliet limitu minimu obbligatorju ta’ bejn 2% u 5% għall-kostitwenzi (inklużi Stati Membri b’kostitwenza unika) b’aktar minn 35 siġġu. Dan ir-rekwiżit irid jintlaħaq sa mhux aktar tard mill-elezzjonijiet Ewropej tal-2024.

Bħalissa, l-Istati Membri li ġejjin japplikaw limiti: Franza, il-Belġju, il-Litwanja, il-Polonja, is-Slovakkja, iċ-Ċekja, ir-Rumanija, il-Kroazja, il-Latvja u l-Ungerija (5%); l-Awstrija, l-Italja u l-Iżvezja (4%); il-Greċja (3%); u Ċipru (1.8%). L-Istati Membri l-oħra ma japplikawx limiti, minkejja li l-Ġermanja ppruvat tagħmel dan, iżda f’żewġ deċiżjonijiet tal-2011 u l-2014, il-Qorti Kostituzzjonali Ġermaniża ddikjarat li l-limiti eżistenti tal-pajjiż għall-elezzjonijiet tal-UE (li l-ewwel kienu ta’ 5% u mbagħad ta’ 3%) mhumiex kostituzzjonali.

B. Il-limiti tal-kostitwenzi

Fl-elezzjonijiet Ewropej, il-maġġoranza tal-Istati Membri jiffunzjonaw bħala kostitwenzi uniċi. Madankollu, erba’ Stati Membri (il-Belġju, l-Irlanda, l-Italja u l-Polonja) qasmu t-territorju nazzjonali tagħhom f’għadd ta’ kostitwenzi reġjonali.

C. Id-dritt li wieħed jivvota

L-età tal-vot hi ta’ 18-il sena fil-maġġoranza tal-Istati Membri, ħlief fl-Awstrija, fil-Belġju, fil-Ġermanja u f’Malta, fejn hija ta’ 16-il sena, u fil-Greċja, fejn hija ta’ 17-il sena.

F’erba’ Stati Membri (il-Belġju, il-Bulgarija, il-Lussemburgu u l-Greċja) huwa obbligatorju li wieħed jivvota: u dan japplika kemm għaċ-ċittadini kif ukoll għaċ-ċittadini ta’ pajjiżi oħra tal-UE li jkunu reġistrati fil-pajjiż.

1. Il-vot ta’ persuni li mhumiex ċittadini fil-pajjiż ospitanti tagħhom

Iċ-ċittadini tal-Unjoni li jirrisjedu fi Stat Membru li tiegħu mhumiex ċittadini għandhom id-dritt jivvutaw fl-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew fl-Istat Membru fejn jirrisjedu, bl-istess kundizzjonijiet bħaċ-ċittadini (l-Artikolu 22 tat-TFUE). Madankollu, il-kunċett ta’ residenza għadu jvarja minn Stat Membru għal ieħor. Ċerti pajjiżi jirrikjedu li l-votanti jkollhom id-domiċilju jew ir-residenza abitwali tagħhom fit-territorju elettorali (pereżempju, l-Estonja, Franza, il-Ġermanja, il-Polonja, ir-Rumanija u s-Slovenja), li normalment ikunu residenti hemmhekk (pereżempju, Ċipru, id-Danimarka, il-Greċja, l-Irlanda, il-Lussemburgu, is-Slovakkja u l-Iżvezja) jew li jkunu elenkati fir-reġistru tal-popolazzjoni (pereżempju, il-Belġju u ċ-Ċekja). F’ċerti pajjiżi (pereżempju, f’Ċipru), biex ikunu eliġibbli għall-vot, iċ-ċittadini tal-UE jeħtiġilhom ukoll jissodisfaw ir-rekwiżit ta’ perjodu minimu ta’ residenza. Fl-Istati Membri kollha, ċittadini minn pajjiżi oħra tal-UE huma mitluba jirreġistraw biex jivvutaw qabel jum l-elezzjoni. L-iskadenzi għar-reġistrazzjoni jvarjaw minn Stat Membru għal ieħor.

2. Il-vot ta’ ċittadini li ma jkunux residenti fil-pajjiż ta’ oriġini tagħhom.

Kważi l-Istati Membri kollha jippermettu l-possibbiltà ta’ votazzjoni minn barra l-pajjiż fl-elezzjonijiet Ewropej. F’ċerti Stati Membri, il-votanti huma meħtieġa jirreġistraw mal-awtoritajiet elettorali nazzjonali tagħhom sabiex ikunu eliġibbli biex jivvutaw minn barra l-pajjiż bil-posta jew f’ambaxxata jew f’konsulat. Fi Stati Membri oħra, il-voti bil-posta jistgħu jsiru f’ambaxxati jew f’konsulati. F’xi Stati Membri, id-dritt tal-vot barra mill-pajjiż jingħata biss lil ċittadini li jgħixu fi Stat Membru ieħor (pereżempju, fil-Bulgarija u fl-Italja). Barra minn dan, il-biċċa l-kbira tal-Istati Membri jagħmlu arranġamenti speċjali għad-diplomati u għal persunal militari stazzjonati barra l-pajjiż.

Il-fatt li xi persuni li mhumiex ċittadini jistgħu jivvutaw kemm fil-pajjiż ospitanti tagħhom kif ukoll bħala ċittadini fil-pajjiż ta’ oriġini tagħhom jista’ jagħti lok għal abbużi, partikolarment votazzjoni doppja, li hija reat kriminali f’xi Stati Membri. F’dan ir-rigward, l-emendi reċenti għall-Att Elettorali tal-1976, adottati bid-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE, Euratom) 2018/994, jirrikjedu li l-Istati Membri jiżguraw li l-votazzjoni doppja fl-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew tkun soġġetta għal penali effettivi, proporzjonati u dissważivi.

D. Id-dritt ta’ kandidatura

Id-dritt ta’ kandidatura fl-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew fi kwalunkwe Stat Membru ieħor ta’ residenza huwa wkoll applikazzjoni tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni bejn ċittadini u persuni li mhumiex ċittadini u korollarju tad-dritt li wieħed jiċċaqlaq u jirrisjedi liberament fl-Unjoni Ewropea. Kwalunkwe persuna li tkun ċittadin tal-Unjoni u li ma tkunx ċittadin tal-Istat Membru ta’ residenza tagħha, iżda tissodisfa l-istess kundizzjonijiet fir-rigward tad-dritt li toħroġ bħala kandidat għall-elezzjonijiet kif dak l-Istat jimponi bil-liġi fuq iċ-ċittadini tiegħu, għandha d-dritt li toħroġ bħala kandidat fl-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew fl-Istat Membru ta’ residenza minbarra f’każ li tiġi mċaħħda minn dawn id-drittijiet (l-Artikolu 3 tad-Direttiva tal-Kunsill 93/109/KE).

Minbarra r-rekwiżit ta’ ċittadinanza ta’ Stat Membru, li huwa komuni għall-Istati Membri kollha, il-kundizzjonijiet ivarjaw minn pajjiż għal ieħor. L-ebda persuna ma tista’ toħroġ bħala kandidat f’aktar minn Stat Membru wieħed fl-istess elezzjoni (l-Artikolu 4 tad-Direttiva tal-Kunsill 93/109/KE). L-età minima biex wieħed joħroġ għall-elezzjonijiet hija ta’ 18-il sena fil-maġġoranza tal-Istati Membri, u l-eċċezzjonijiet huma l-Belġju, il-Bulgarija, Ċipru, iċ-Ċekja, l-Estonja, l-Irlanda, il-Latvja, il-Litwanja, il-Polonja u s-Slovakkja (21), ir-Rumanija (23), u l-Italja u l-Greċja (25).

E. In-nomini

F’xi Stati Membri, il-partiti politiċi u l-organizzazzjonijiet politiċi biss jistgħu jippreżentaw nomini. Fi Stati Membri oħra, in-nomini jistgħu jiġu ppreżentati jekk jiġu approvati min-numru meħtieġ ta’ firem jew eletturi, u f’xi każijiet ikun meħtieġ ukoll depożitu.

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill Ewropew (UE) 2018/937 tat-28 ta’ Ġunju 2018 li tistabbilixxi l-kompożizzjoni tal-Parlament Ewropew tistipula kif is-siġġijiet fil-Parlament Ewropew, previsti fl-Artikolu 14(2) tat-TUE, għandhom jiġu allokati, filwaqt li jiġi applikat il-prinċipju ta’ “proporzjonalità digressiva” (1.3.3).

F. Id-dati tal-elezzjonijiet

Skont l-Artikoli 10 u 11 tal-Att Elettorali tal-1976, kif emendati, l-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew isiru fl-istess perjodu li jibda nhar ta’ Ħamis filgħodu u jispiċċa l-Ħadd ta’ wara; il-ġurnata u l-ħinijiet eżatti huma stabbiliti minn kull Stat Membru. Fl-1976, kien il-Kunsill, filwaqt li aġixxa unanimament wara li kkonsulta lill-Parlament Ewropew, li ddetermina l-perjodu elettorali għall-ewwel elezzjonijiet fl-1979. L-elezzjonijiet sussegwenti wara l-1979 seħħew fil-perjodu korrispondenti matul l-aħħar sena tal-perjodu ta’ ħames snin imsemmi fl-Artikolu 5 tal-Att Elettorali (1.3.1).

Rigward l-elezzjonijiet tal-2014, il-Kunsill, bid-deċiżjoni tiegħu tal-14 ta’ Ġunju 2013, mexxa d-dati, li oriġinarjament kienu stabbiliti għal Ġunju, għall-perjodu mit-22 sal-25 ta’ Mejju, sabiex jevita li jaħbtu mal-vaganzi ta’ Għid il-Ħamsin, bl-applikazzjoni tad-dispożizzjoni tal-Artikolu 11 li ġejja: “Jekk jirriżulta impossibbli li jsiru l-elezzjonijiet … f’dak il-perjodu, il-Kunsill filwaqt li jaġixxi b’unanimità għandu, wara li jikkonsulta lill-Parlament Ewropew, jiddetermina, tal-anqas sena qabel it-tmiem il-perjodu ta’ ħames snin imsemmi fl-Artikolu 5, perjodu elettorali ieħor li m’għandux ikun iktar minn xahrejn qabel jew xahar wara l-perjodu stabbilit skont is-subparagrafu preċedenti”. L-elezzjonijiet sussegwenti għandhom isiru fil-perjodu korrispondenti fl-aħħar sena tal-perjodu ta’ ħames snin (l-Artikolu 11 tal-Att tal-1976). Għaldaqstant, l-elezzjonijiet tal-2019 saru bejn it-23 u s-26 ta’ Mejju. L-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew tal-2024 saru bejn is-6 u d-9 ta’ Ġunju.

G. L-għażliet tal-votanti li jibdlu l-ordni tal-kandidati fil-listi

Fil-maġġoranza tal-Istati Membri, il-votanti jistgħu jitfgħu voti ta’ preferenza biex ibiddlu l-ordni tal-ismijiet fil-lista. Madankollu, f’sitt Stati Membri (il-Ġermanja, Spanja, Franza, il-Portugall, l-Ungerija u r-Rumanija) il-listi huma magħluqa (ma jkunx hemm vot ta’ preferenza). F’Malta u fl-Irlanda, il-votanti jelenkaw il-kandidati fl-ordni tal-preferenza (vot uniku trasferibbli).

H. Il-mili ta’ siġġijiet li jsiru battala waqt il-leġiżlatura

F’xi Stati Membri, is-siġġijiet li jsiru battala jiġu allokati lill-ewwel kandidati mhux eletti fuq l-istess lista (possibbilment wara aġġustament biex jiġu riflessi l-voti li jkunu ġabu l-kandidati). Fi Stati Membri oħrajn, is-siġġijiet battala jiġu allokati lil sostituti u jekk ma jkunx hemm sostituti, l-ordni tal-kandidati fuq il-listi jkun il-kriterju deċiżiv. F’xi Stati Membri oħrajn, il-Membri tal-PE għandhom id-dritt li jirritornaw il-Parlament Ewropew ladarba r-raġuni għat-tluq tagħhom ma tkunx għadha tapplika.

Ir-rwol tal-Parlament Ewropew

Sa mis-sittinijiet, il-Parlament Ewropew kemm-il darba semma fehmtu dwar kwistjonijiet ta’ liġi elettorali u ressaq proposti skont l-Artikolu 138 tat-Trattat KE (issa l-Artikolu 223 tat-TFUE). In-nuqqas ta’ proċedura ġenwinament uniformi f’dak li jirrigwarda l-elezzjoni għall-Parlament Ewropew juri kemm hu diffiċli li wieħed jarmonizza tradizzjonijiet nazzjonali differenti. L-għażla prevista fit-Trattat ta’ Amsterdam li jiġu adottati prinċipji komuni għamlitha possibbli li dawn id-diffikultajiet jingħelbu biss parzjalment. L-ambizzjoni stabbilita fl-Artikolu 223 tat-TFUE li tiġi adottata proċedura uniformi u li tirrikjedi l-kunsens tal-Parlament Ewropew, għad trid tiġi ssodisfata. L-isforzi kontinwi tal-Parlament biex tiġi modernizzata u “Ewropeizzata” l-proċedura elettorali komuni wasslu għal proposta fl-1997 għal proċedura elettorali uniformi; is-sustanza tagħha ġiet inkorporata fid-deċiżjoni tal-Kunsill tal-2002. Fil-11 ta’ Novembru 2015, il-Parlament Ewropew adotta riżoluzzjoni dwar ir-riforma tal-liġi elettorali tal-Unjoni Ewropea. L-inizjattiva leġiżlattiva mill-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali pproponiet emendi għall-Att Elettorali tal-1976 bil-għan li l-elezzjonijiet Ewropej isiru aktar demokratiċi u li tiżdied il-parteċipazzjoni pubblika fil-proċess elettorali. L-emendi proposti tal-Parlament ġew parzjalment aċċettati u inkorporati fid-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE, Euratom) 2018/994 tat-13 ta’ Lulju 2018. Madankollu, il-Kunsill ma setax jaqbel mal-proposta tal-Parlament li tiġi stabbilita kostitwenza konġunta u li jinħatru kandidati ewlenin għall-kariga ta’ President tal-Kummissjoni.

Wara r-riżoluzzjoni tiegħu tas-7 ta’ Frar 2018 dwar il-kompożizzjoni tal-Parlament Ewropew, il-Parlament ivvota favur it-tnaqqis tan-numru ta’ siġġijiet tiegħu minn 751 għal 705 wara l-ħruġ tar-Renju Unit mill-UE u t-tqassim mill-ġdid ta’ wħud mis-siġġijiet li saru disponibbli bil-Brexit fost dawk il-pajjiżi tal-UE li huma kemxejn sottorappreżentati (1.3.3). Fit-13 ta’ Settembru 2023, il-Parlament Ewropew adotta riżoluzzjoni li tagħti l-approvazzjoni tiegħu għall-abbozz ta’ deċiżjoni tal-Kunsill Ewropew li żżid l-għadd ta’ siġġijiet fil-Parlament Ewropew għall-elezzjonijiet tal-2024 minn 705 għal 720.

Fit-22 ta’ Novembru 2012, il-Parlament Ewropew adotta riżoluzzjoni li tħeġġeġ lill-partiti politiċi Ewropej jinnominaw kandidati għall-kariga ta’ President tal-Kummissjoni matul l-elezzjonijiet tal-2014, sabiex tissaħħaħ il-leġittimità politika tal-Parlament u tal-Kummissjoni. Dawn l-arranġamenti ġew implimentati qabel l-elezzjonijiet tal-2014 u, għall-ewwel darba, kandidati ewlenin ħarġu għall-elezzjonijiet tal-2014. Fl-aħħar nett, b’riżultat tal-elezzjonijiet tal-2014, wieħed minn dawk il-kandidati, Jean-Claude Juncker, ġie elett bħala President tal-Kummissjoni mill-Parlament Ewropew, fit-22 ta’ Ottubru 2014. Fid-deċiżjoni tas-7 ta’ Frar 2018 dwar ir-reviżjoni tal-Ftehim Qafas dwar ir-relazzjonijiet bejn il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni Ewropea, il-Parlament iddikjara li kien lest li jirrifjuta kwalunkwe kandidat għal President tal-Kummissjoni Ewropea li ma jkunx nominat bħala kandidat ewlieni (“Spitzenkandidat”) ta’ partit politiku Ewropew qabel l-elezzjonijiet Ewropej tal-2019; madankollu, wara l-elezzjonijiet tal-2019, Ursula von der Leyen, li ma kinitx Spitzenkandidat, ġiet eletta President tal-Kummissjoni Ewropea. Fit-22 ta’ Novembru 2023, il-plenarja tal-Parlament ivvutat dwar proposti li jemendaw it-Trattati, inkluża bidla radikali tal-mod kif tiġi eletta l-Kummissjoni.

Fl-2003, ġiet stabbilita sistema ta’ finanzjament tal-partiti politiċi Ewropej li tippermetti wkoll li jitwaqqfu fondazzjonijiet politiċi (1.3.3) fil-livell tal-UE. Ir-Regolament (KE) Nru 2004/2003 ġie mħassar u sostitwit bir-Regolament (UE, Euratom) Nru 1141/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Ottubru 2014 dwar l-istatut u l-finanzjament tal-partiti politiċi Ewropej u l-fondazzjonijiet politiċi Ewropej. Ir-regolament tal-2014 ġie emendat wara r-riżoluzzjoni tal-15 ta’ Ġunju 2017 tal-Parlament dwar il-finanzjament tal-partiti politiċi u tal-fondazzjonijiet politiċi fil-livell Ewropew. Fir-riżoluzzjoni, ġew enfasizzati nuqqasijiet rigward il-livell ta’ kofinanzjament u l-possibbiltà tas-sħubija multipartitika tal-Membri tal-PE, fi sforz biex jiġi żgurat li l-flejjes pubbliċi jintużaw kif xieraq fil-finanzjament tal-partiti u l-fondazzjonijiet politiċi Ewropej permezz tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/673 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-3 ta’ Mejju 2018.

Avvenimenti reċenti wrew ir-riskji potenzjali għall-proċessi elettorali u għad-demokrazija li jistgħu jinħolqu minn komunikazzjoni online (manipulazzjoni ta’ data personali f’kuntest elettorali). Sabiex jiġi evitat l-użu illegali ta’ data personali, ġew adottati b’mod sussegwenti emendi ġodda għar-Regolament tal-2014 dwar l-istatut u l-finanzjament tal-partiti politiċi Ewropej u l-fondazzjonijiet politiċi Ewropej (ir-Regolament (UE, Euratom) 2019/493 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Marzu 2019 li jemenda r-Regolament (UE, Euratom) Nru 1141/2014 rigward proċedura ta’ verifika relatata mal-ksur ta’ regoli dwar il-protezzjoni ta’ data personali fil-kuntest tal-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew). Ir-regoli l-ġodda miftiehma bejn il-Parlament u l-Kunsill huma mfassla biex jipproteġu l-proċess elettorali minn kampanji ta’ diżinformazzjoni online li jagħmlu użu ħażin mid-data personali tal-votanti u jippermettu l-impożizzjoni ta’ sanzjonijiet finanzjarji fuq il-partiti u l-fondazzjonijiet politiċi Ewropej li deliberatament jinfluwenzaw, jew jippruvaw jinfluwenzaw, ir-riżultati tal-elezzjonijiet Ewropej billi jieħdu vantaġġ minn ksur tar-regoli dwar il-protezzjoni tad-data.

Barra minn hekk, wara r-riżoluzzjoni tal-Parlament tal-15 ta’ Ġunju 2017 dwar il-pjattaformi online u s-suq uniku diġitali li fiha stieden lill-Kummissjoni tikkunsidra l-possibbiltà ta’ intervent leġiżlattiv biex jillimita t-tixrid tal-kontenut falz, f’April 2018 il-Kummissjoni ħarġet komunikazzjoni bit-titlu “L-indirizzar tad-diżinformazzjoni online: Approċċ Ewropew” u pproponiet Kodiċi ta’ Prattika madwar l-UE, li ġie ffirmat minn tliet pjattaformi online, f’Settembru 2018. Il-pjan ta’ azzjoni kontra d-diżinformazzjoni tal-Kummissjoni ta’ Diċembru 2018, fost miżuri oħra, iħeġġeġ lill-pjattaformi online jimplimentaw b’mod rapidu u effettiv l-impenji u jiffokaw fuq azzjonijiet urġenti għall-elezzjonijiet Ewropej, inkluż billi jitħassru l-kontijiet foloz, isir tikkettar tal-attivitajiet ta’ messaġġi permezz ta’ “bots” u billi jkun hemm kooperazzjoni ma’ verifikaturi tal-fatti u riċerkaturi sabiex tinstab id-diżinformazzjoni u l-kontenut ivverifikat mal-fatti jsir aktar viżibbli. Fit-tħejjija għall-elezzjonijiet Ewropej ta’ Mejju 2019, il-Kummissjoni talbet lit-tliet pjattaformi firmatarji tal-Kodiċi ta’ Prattika jirrappurtaw kull xahar dwar l-azzjonijiet li jkunu ħadu biex itejbu l-iskrutinju tat-tqegħid ta’ reklami, jiżguraw it-trasparenza tar-reklamar politiku u dak ibbażat fuq il-kwistjonijiet u biex jindirizzaw il-kontijiet foloz u l-użu ħażin tal-bots.

Fir-riżoluzzjoni tiegħu tas-26 ta’ Novembru 2020 dwar analiżi tal-elezzjonijiet Ewropej, il-Parlament irrakkomanda li dawn li ġejjin jiġu eżaminati bil-ħsieb li jittejjeb il-proċess elettorali Ewropew, b’mod partikolari matul il-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa:

  • metodi ġodda ta’ votazzjoni remota għaċ-ċittadini matul l-elezzjonijiet Ewropej f’ċirkostanzi speċifiċi jew eċċezzjonali;
  • regoli komuni ta’ ammissjoni għall-kandidati u regoli komuni dwar il-kampanji u l-finanzjament;
  • standards armonizzati għal drittijiet tal-vot passivi u attivi fl-Istati Membri kollha, inkluża riflessjoni dwar it-tnaqqis tal-età minima tal-votanti fl-Istati Membri kollha għal 16-il sena;
  • dispożizzjonijiet dwar perjodi ta’ assenza għall-Membri, pereżempju fil-każ ta’ liv tal-maternità, liv tal-ġenituri jew mard serju.

Il-Parlament stieden lill-Istati Membri jiżguraw li ċ-ċittadini kollha tagħhom li jgawdu mid-dritt li jivvutaw, inklużi ċ-ċittadini tal-UE li jgħixu barra mill-pajjiż ta’ oriġini tagħhom, il-persuni mingħajr dar u l-priġunieri li jingħataw dan id-dritt skont il-liġi nazzjonali, ikunu jistgħu jeżerċitawh.

Wara r-rapport tal-15 ta’ Ġunju 2023 mill-Kumitat ta’ Inkjesta biex jinvestiga l-użu tal-Pegasus u ta’ software ta’ spjunaġġ għas-sorveljanza ekwivalenti (il-Kumitat PEGA), il-Parlament adotta r-rakkomandazzjoni tiegħu fejn stieden lill-Kummissjoni tistabbilixxi task force speċjali, li tinvolvi l-kummissjonijiet elettorali nazzjonali, iddedikata għall-protezzjoni tal-elezzjonijiet Ewropej tal-2024 madwar l-Unjoni. Madankollu, dan ma rċeviex tweġiba mill-Kummissjoni.

Ir-Riforma tal-Att Elettorali Ewropew

Bil-pożizzjoni tiegħu tat-3 ta’ Mejju 2022 dwar il-proposta għal regolament tal-Kunsill dwar l-elezzjoni tal-Membri tal-Parlament Ewropew b’vot universali dirett, il-Parlament nieda riforma tal-Att Elettorali Ewropew, li tfittex li tittrasforma s-27 elezzjoni separata u r-regoli diverġenti tagħhom f’elezzjoni Ewropea unika bi standards minimi komuni. Bis-sistema proposta tal-Parlament, kull votant ikollu żewġ voti: wieħed biex jeleġġi Membri tal-Parlament Ewropew fil-kostitwenzi nazzjonali, u ieħor f’kostitwenza tal-UE kollha ta’ 28 siġġu addizzjonali. Biex tiġi garantita rappreżentanza ġeografika bilanċjata f’dawn il-listi, l-Istati Membri jinqasmu fi tliet gruppi skont id-daqs tal-popolazzjoni tagħhom. Il-listi jimtlew proporzjonalment bil-kandidati meħuda minn dawk il-gruppi. Listi ta’ kandidati għall-UE kollha jiġu sottomessi mill-entitajiet elettorali Ewropej, bħall-koalizzjonijiet tal-partiti politiċi nazzjonali u/jew assoċjazzjonijiet nazzjonali tal-votanti jew tal-partiti politiċi Ewropej.

Proposti oħra jinkludu:

  • id-9 ta’ Mejju bħala l-jum ta’ votazzjoni komuni Ewropew;
  • id-dritt li l-Ewropej kollha ta’ 18-il sena jew aktar jikkontestaw l-elezzjoni;
  • limitu elettorali obbligatorju ta’ mill-anqas 3.5% għall-kostitwenzi kbar ta’ 60 siġġu jew aktar;
  • aċċess ugwali għall-elezzjonijiet għaċ-ċittadini kollha, inklużi dawk b’diżabbiltà, u l-opportunità tal-votazzjoni bil-posta;
  • ugwaljanza bejn il-ġeneri obbligatorja permezz ta’ “listi zipped” jew kwoti;
  • id-dritt li ċ-ċittadini jivvutaw għall-President tal-Kummissjoni f’sistema ta’ kandidat ewlieni (Spitzenkandidaten) permezz ta’ listi għall-UE kollha.

Awtorità elettorali Ewropea ġdida titwaqqaf biex tissorvelja l-proċess u tiżgura l-konformità mar-regoli l-ġodda.

Kif stabbilit fl-Artikolu 223 tat-TFUE, l-inizjattiva leġiżlattiva tal-Parlament jeħtieġ li tiġi approvata unanimament mill-Kunsill. Imbagħad terġa’ tiġi lura l-Parlament biex il-Membri tal-PE jkunu jistgħu japprovawha, qabel ma tiġi approvata mill-Istati Membri kollha f’konformità mar-rekwiżiti kostituzzjonali rispettivi tagħhom. In-negozjati mal-Kunsill jibdew ladarba l-Istati Membri jkunu adottaw il-pożizzjonijiet tagħhom.

L-abbozz ta’ att leġiżlattiv bħalissa qed jiġi analizzat mill-Kunsill fil-konfigurazzjoni tiegħu Affarijiet Ġenerali. L-ewwel dibattitu ta’ orjentazzjoni dwar il-proposta sar fit-18 ta’ Ottubru 2022. Ir-riżervi identifikati minn xi Stati Membri jirrigwardaw il-proposti għal kostitwenza tal-UE kollha bbażata fuq listi tranżnazzjonali u l-elementi tal-proposta li jimplikaw armonizzazzjoni tas-sistema elettorali użata fl-elezzjonijiet Ewropej.

 

Pablo Abril Marti / Mariusz Maciejewski