Il-Kunsill Ewropew, magħmul mill-Kapijiet ta’ Stat jew ta’ Gvern tal-Istati Membri, jagħti l-impetu meħtieġ għall-iżvilupp tal-Unjoni Ewropea u jistabbilixxi l-linji gwida politiċi ġenerali. Il-President tal-Kummissjoni huwa membru wkoll, iżda m’għandux vot. Il-President tal-Parlament Ewropew jindirizza l-Kunsill Ewropew fil-bidu tal-laqgħat tiegħu. It-Trattat ta’ Liżbona stabbilixxa l-Kunsill Ewropew bħala istituzzjoni tal-Unjoni u fdalu presidenza fit-tul.

Il-bażi ġuridika

L-Artikoli 13, 15, 26, 27 u 42(2) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE).

L-istorja

Il-Kunsill Ewropew illum huwa l-konferenza tas-summit tal-Kapijiet ta’ Stat jew ta’ Gvern tal-Istati Membri tal-UE. L-ewwel wieħed minn dawn is-summits sar f’Pariġi fl-1961 u, mill-1969, dawn is-“summits Ewropej” saru aktar frekwenti.

Fis-summit Ewropew ta’ Pariġi ta’ Frar 1974 ġie deċiż li dawn il-laqgħat tal-Kapijiet ta’ Stat jew ta’ Gvern, minn dakinhar ’il quddiem kellhom isiru fuq bażi regolari taħt l-isem ta’ “Kunsill Ewropew”, sabiex ikun jista’ jieħu approċċ ġenerali għall-problemi tal-integrazzjoni Ewropea u jiżgura li l-attivitajiet tal-UE jiġu kkoordinati kif suppost.

L-Att Uniku Ewropew(1986) daħħal lill-Kunsill Ewropew fil-korp tat-Trattati tal-Komunità għall-ewwel darba, iddefinixxa l-kompożizzjoni tiegħu u stabbilixxa żewġ laqgħat fis-sena.

It-Trattat ta’ Maastricht(1992) ifformalizza r-rwol tiegħu fil-proċess istituzzjonali tal-UE.

It-Trattat ta’ Liżbona (magħruf formalment bħala t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, 2009) għamel il-Kunsill Ewropew istituzzjoni sħiħa tal-UE (l-Artikolu 13) u ddefinixxa l-kompiti tiegħu, li huma li “jipprovdi l-Unjoni bl-impetu meħtieġ għall-iżvilupp tagħha” u “jiddefinixxi d-direzzjonijiet u l-prijoritajiet politiċi ġenerali tagħha” (l-Artikolu 15). Il-Kunsill Ewropew u l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea (minn hawn ’il quddiem “il-Kunsill”) qablu li jaqsmu t-Taqsima II tal-baġit tal-UE (l-Artikolu 43(b) tar-Regolament Finanzjarju), li hija r-raġuni għala l-baġit ġenerali għandu 10 taqsimiet biss, u mhux 11, minkejja l-fatt li l-Kunsill Ewropew u l-Kunsill huma istituzzjonijiet separati.

L-organizzazzjoni

Il-Kunsill Ewropew, li jissejjaħ mill-President tiegħu, ilaqqa’ flimkien lill-Kapijiet ta’ Stat jew ta’ Gvern tas-27 Stat Membru u l-President tal-Kummissjoni (l-Artikolu 15(2) tat-TUE). Ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà jipparteċipa fil-ħidma tiegħu. Normalment il-President tal-Parlament Ewropew jiġi mistieden jitkellem fil-bidu tal-laqgħa (l-Artikolu 235(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE)).

Il-President jiġi elett mill-Kunsill Ewropew innifsu għal terminu ta’ sentejn u nofs li jista’ jiġġedded darba, u jirrappreżenta lill-UE fid-dinja ta’ barra. Ir-rwol tal-President huwa stabbilit fl-Artikolu 15 tat-TUE. Il-President attwali Charles Michel beda l-ewwel mandat tiegħu fl-1 ta’ Diċembru 2019 u reġa’ ġie elett f’Marzu 2022 għat-tieni mandat mill-1 ta’ Ġunju 2022 sat-30 ta’ Novembru 2024.

Il-Kunsill Ewropew normalment jiddeċiedi dwar kwistjonijiet b’kunsens, iżda għadd ta’ ħatriet importanti jsiru b’maġġoranza kwalifikata (b’mod partikolari dik tal-President tiegħu, l-għażla tal-kandidat għall-kariga ta’ President tal-Kummissjoni Ewropea u l-ħatra tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà u tal-President tal-Bank Ċentrali Ewropew).

Il-Kunsill Ewropew normalment jiltaqa’ tal-anqas erba’ darbiet fis-sena. Mill-2008 ’l hawn, il-Kunsill beda jiltaqa’ aktar ta’ spiss, b’mod partikolari waqt il-kriżi finanzjarja u l-kriżi tad-dejn taż-żona tal-euro li ġiet warajha. Dan l-aħħar, il-Kunsill Ewropew kien ukoll okkupat ħafna bil-flussi migratorji lejn l-UE u bi kwistjonijiet relatati mas-sigurtà interna.

Fl-2016, il-Kapijiet ta’ Stat jew ta’ Gvern bdew jiltaqgħu wkoll f’format ta’ “UE-27”, mingħajr ir-Renju Unit. Għall-ewwel, jiġifieri qabel in-notifika formali tal-ħruġ tar-Renju Unit mill-UE skont l-Artikolu 50 tat-TUE f’Marzu 2017, dawn il-laqgħat kienu informali. Wara n-notifika, saru diversi laqgħat formali tal-“Kunsill Ewropew (Artikolu 50)” tal-UE-27 flimkien ma’ laqgħat regolari.

Barra minn hekk, il-membri tal-Kunsill Ewropew jiltaqgħu fil-format ta’ “konferenzi intergovernattivi” (IGCs): f’dawn il-konferenzi, ir-rappreżentanti tal-gvernijiet tal-Istati Membri jitlaqqgħu biex jiddiskutu u jiftiehmu dwar bidliet fit-trattati tal-UE. Qabel id-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Liżbona fl-2009, din kienet l-unika proċedura għar-reviżjoni tat-trattati. Illum tissejjaħ ukoll il-“proċedura ta’ reviżjoni ordinarja”. L-IGC, li tissejjaħ mill-President tal-Kunsill Ewropew, tiddeċiedi dwar il-bidliet fit-trattati b’mod unanimu.

Ir-rwol

A. Il-post fis-sistema istituzzjonali tal-UE

Skont l-Artikolu 13 tat-TUE, il-Kunsill Ewropew jagħmel parti mill-“qafas istituzzjonali uniku” tal-Unjoni. Madankollu, ir-rwol tiegħu hu li jipprovdi impetu politiku ġenerali aktar milli jaġixxi bħala entità li tieħu d-deċiżjonijiet f’sens ġuridiku. Huwa jieħu deċiżjonijiet b’konsegwenzi ġuridiċi għall-UE f’ċirkustanzi straordinarji biss (ara l-punt C(2) hawn taħt), iżda maż-żmien kiseb għadd ta’ setgħat deċiżjonali istituzzjonali. Il-Kunsill Ewropew issa huwa awtorizzat jadotta atti vinkolanti li jistgħu jiġu kkontestati quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, inkluż għal nuqqas ta’ teħid ta’ azzjoni (l-Artikolu 265 tat-TFUE).

L-Artikolu 7(2) tat-TUE jagħtih is-setgħa li jagħti bidu għall-proċedura li tissospendi d-drittijiet ta’ Stat Membru minħabba ksur serju tal-prinċipji tal-UE, soġġett għall-kunsens tal-Parlament.

B. Ir-relazzjonijiet mal-istituzzjonijiet l-oħra

Il-Kunsill Ewropew jieħu d-deċiżjonijiet b’mod kompletament indipendenti u fil-biċċa l-kbira tal-każijiet ma jkollux bżonn inizjattiva mill-Kummissjoni jew l-involviment tal-Parlament.

Madankollu, it-Trattat ta’ Liżbona jżomm rabta organizzattiva mal-Kummissjoni, peress li l-President tagħha huwa membru mingħajr vot tal-Kunsill Ewropew, u r-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà jieħu sehem fid-dibattiti. Barra minn hekk, il-Kunsill Ewropew sikwit jitlob lill-Kummissjoni tippreżenta rapporti bi tħejjija għal-laqgħat tiegħu. L-Artikolu 15(6)(d) tat-TUE jiddisponi li l-President tal-Kunsill Ewropew għandu jippreżenta rapport lill-Parlament wara kull waħda mil-laqgħat tiegħu. Ta’ kull xahar, il-President tal-Kunsill Ewropew jiltaqa’ wkoll mal-President tal-Parlament, kif ukoll mal-mexxejja tal-gruppi politiċi. Fi Frar 2011, il-President f’dak iż-żmien qabel li jwieġeb mistoqsijiet bil-miktub mill-MEPs dwar l-attivitajiet politiċi tiegħu. Madankollu, il-Parlament jista’ wkoll jeżerċita ċerta influwenza informali permezz tal-preżenza tal-President tiegħu fil-laqgħat tal-Kunsill Ewropew u fil-laqgħat ta’ qabel il-Kunsill Ewropew tal-mexxejja tal-partiti fil-familji politiċi Ewropej rispettivi tagħhom, kif ukoll permezz tar-riżoluzzjonijiet li jadotta dwar punti fuq l-aġenda tal-laqgħat, dwar l-eżitu tal-laqgħat u dwar ir-rapporti formali ppreżentati mill-Kunsill Ewropew.

Bit-Trattat ta’ Liżbona, il-kariga l-ġdida ta’ Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà saret entità supplimentari ta’ proposti u implimentazzjoni fil-qasam tal-politika barranija f’isem il-Kunsill Ewropew. Il-President tal-Kunsill Ewropew huwa responsabbli għar-rappreżentanza esterna tal-Unjoni fi kwistjonijiet li jikkonċernaw il-Politika Estera u ta’ Sigurtà Komuni tagħha, mingħajr preġudizzju għas-setgħat tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà.

C. Is-setgħat

1. Istituzzjonali

Il-Kunsill Ewropew jipprovdi l-UE “bl-impetu meħtieġ għall-iżvilupp tagħha” u “jiddefinixxi d-direzzjonijiet u l-prijoritajiet politiċi ġenerali tagħha” (l-Artikolu 15(1) tat-TUE). Jiddeċiedi wkoll b’maġġoranza kwalifikata dwar il-formazzjoni tal-Kunsill u l-kalendarju tar-rotazzjoni tal-presidenzi.

2. Kwistjonijiet ta’ politika estera u ta’ sigurtà (5.1.1) u (5.1.2)

Il-Kunsill Ewropew jiddefinixxi l-prinċipji u l-linji gwida ġenerali tal-Politika Estera u ta’ Sigurtà Komuni (PESK) u jieħu deċiżjonijiet dwar strateġiji komuni għall-implimentazzjoni tagħha (l-Artikolu 26 tat-TUE). Jiddeċiedi, b’unanimità, jirrakkomandax lill-Istati Membri jimxu lejn id-definizzjoni progressiva ta’ politika tad-difiża komuni tal-UE, skont l-Artikolu 42(2) tat-TUE.

Jekk Stat Membru jkollu l-ħsieb li jopponi l-adozzjoni ta’ deċiżjoni għal raġunijiet importanti ta’ politika nazzjonali, il-Kunsill jista’ jiddeċiedi b’maġġoranza kwalifikata li jirreferi l-kwistjoni lill-Kunsill Ewropew sabiex tittieħed deċiżjoni unanima (l-Artikolu 31(2) tat-TUE). L-istess proċedura tista’ tapplika jekk l-Istati Membri jiddeċiedu li jistabbilixxu kooperazzjoni msaħħa f’dan il-qasam (l-Artikolu 20 tat-TUE).

Ir-rakkomandazzjoni Nru 21 taċ-ċittadini adottata waqt il-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa titlob li l-UE ttejjeb il-kapaċità tagħha li tieħu deċiżjonijiet rapidi u effettivi, partikolarment permezz ta’ bidla mill-unanimità għal votazzjoni b’maġġoranza kwalifikata fil-qasam tal-PESK u bit-tisħiħ tar-rwol tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà. Fir-riżoluzzjoni tiegħu tad-9 ta’ Ġunju 2022 dwar it-talba biex titlaqqa’ Konvenzjoni għar-reviżjoni tat-Trattati, il-Parlament issottometta proposti għal emendi tat-trattati lill-Kunsill fl-ambitu tal-proċedura ta’ reviżjoni ordinarja stabbilita fl-Artikolu 48 tat-TUE. Waħda mill-proposti ewlenin kienet li jiġi permess li deċiżjonijiet fil-Kunsill isiru b’votazzjoni b’maġġoranza kwalifikata minflok b’unanimità f’oqsma rilevanti, bħall-adozzjoni ta’ sanzjonijiet u f’każ ta’ emerġenza. Il-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali tal-Parlament qed iħejji wkoll rapport dwar l-implimentazzjoni tal-klawżoli “passerelle” fit-Trattati tal-UE (jiġifieri klawżoli li jippermettu t-tibdil ta’ proċedura leġiżlattiva mingħajr emenda formali tat-trattati), li jipproponi li jiġu attivati klawżoli “passerelle” f’xi oqsma ta’ politika ta’ prijorità, bħall-Politika Estera u ta’ Sigurtà Komuni.

3. Il-governanza ekonomika u l-qafas finanzjarju pluriennali (QFP) (1.4.3)

Sa mill-2009, bil-kriżi tad-dejn sovran, il-Kunsill Ewropew u s-summits taż-żona tal-euro saru l-protagonisti fl-indirizzar tal-konsegwenzi tal-kriżi bankarja globali. Diversi Stati Membri rċevew pakketti ta’ għajnuna finanzjarja permezz ta’ ftehimiet ad hoc jew temporanji li ddeċidew dwarhom il-Kapijiet ta’ Stat jew ta’ Gvern u sussegwentement ġew ratifikati fl-Istati Membri. Mill-2012, l-għajnuna finanzjarja bdiet tingħata permezz tal-Mekkaniżmu Ewropew ta’ Stabbiltà (ESM). Il-gvernijiet tal-Istati Membri, bil-parteċipazzjoni attiva tal-Kummissjoni, il-Parlament u l-Bank Ċentrali Ewropew, fasslu trattat internazzjonali – it-Trattat dwar l-Istabbiltà, il-Koordinazzjoni u l-Governanza (imsejjaħ ukoll “Patt Fiskali”) – li jippermetti kontroll aktar strett tal-politiki baġitarji u soċjoekonomiċi tal-Istati Membri. Dan iqajjem dejjem aktar mistoqsijiet dwar ir-rwol tal-Kummissjoni u l-Parlament fil-governanza ekonomika taż-żona tal-euro.

Il-Kunsill Ewropew għandu wkoll rwol importanti fis-Semestru Ewropew. Fil-laqgħat tar-rebbiegħa jfassal orjentamenti politiċi fir-rigward tar-riforma makroekonomika, fiskali u strutturali, kif ukoll politiki favur it-tkabbir. Fil-laqgħat tiegħu f’Ġunju japprova r-rakkomandazzjonijiet li jirriżultaw mill-valutazzjoni tal-Programmi Nazzjonali ta’ Riforma mfassla mill-Kummissjoni u diskussi fil-Kunsill.

Ikun involut ukoll fin-negozjati tal-qafas finanzjarju pluriennali (QFP), fejn jiżvolġi rwol fundamentali biex jintlaħaq qbil politiku dwar kwistjonijiet politiċi ewlenin fir-regolament dwar il-QFP, bħal-limiti tan-nefqa, il-programmi tal-infiq u l-finanzjament (ir-riżorsi).

4. Il-kooperazzjoni ġudizzjarja u tal-pulizija f’materji kriminali (4.2.6 u 4.2.7)

Fuq talba ta’ membru tal-Kunsill, il-Kunsill Ewropew jiddeċiedi jekk jistabbilixxix kooperazzjoni msaħħa f’settur relatat ma’ dan il-qasam (l-Artikolu 20 tat-TUE). It-Trattat ta’ Liżbona daħħal bosta klawsoli “passerelle” ġodda li jippermettu lill-Kunsill Ewropew ibiddel il-formula dwar kif tittieħed deċiżjoni fil-Kunsill mill-unanimità għal votazzjoni b’maġġoranza (1.2.4).

Il-kisbiet

Il-Kunsill Ewropew stabbilixxa aġenda strateġika ta’ ħames snin (2019–2024) li tidentifika oqsma ta’ prijorità għal azzjoni u fokus aktar fit-tul tal-UE. Minbarra l-aġenda strateġika, il-programmi ta’ ħidma tagħha għal perjodu qasir, l-hekk imsejħa Aġendi tal-Mexxejja, jistabbilixxu suġġetti għal-laqgħat li jmiss tal-Kunsill Ewropew u s-summits internazzjonali. Pereżempju, l-Aġenda indikattiva tal-Mexxejja ppubblikata fi Frar 2023 , stabbiliet il-prijoritajiet indikattivi għall-perjodu minn Jannar sa Lulju 2023, li inkludew, b’mod partikolari, l-appoġġ kontinwu tal-UE lill-Ukrajna b’rispons għall-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja, l-ekonomija u t-tisħiħ tal-kompetittività fit-tul fl-UE u l-awtonomija strateġika tal-UE, inkluż għas-sigurtà u l-enerġija.

L-adozzjoni tal-Aġenda Strateġika 2024–2029 hija ppjanata għal Ġunju 2024. Sabiex jitniedu diskussjonijiet minn qabel, il-President Michel bagħat ittra qabel il-Kunsill Ewropew ta’ Ġunju 2023. Huwa ssuġġerixxa erba’ oqsma ewlenin għall-aġenda li jmiss: il-konsolidazzjoni tal-bażi ekonomika u soċjali tal-UE (it-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali, il-kompetittività, l-innovazzjoni, is-saħħa); l-indirizzar tal-isfida tal-enerġija; it-tisħiħ tal-kapaċitajiet ta’ sigurtà u ta’ difiża tal-UE; u l-approfondiment tal-impenn tal-UE mal-bqija tad-dinja. Barra minn hekk, huwa ssuġġerixxa t-tisħiħ tal-approċċ ġenerali tal-UE dwar il-migrazzjoni.

A. Qafas finanzjarju pluriennali

Sabiex jgħinu lill-UE tinbena mill-ġdid wara l-pandemija u jappoġġjaw l-investiment fit-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali, il-mexxejja tal-Kunsill Ewropew, fil-laqgħa speċjali tagħhom mis-17 sal-21 ta’ Lulju 2020, qablu dwar pakkett komprensiv ta’ EUR 1 824,3 biljun li jikkombina kemm il-qafas finanzjarju pluriennali (QFP) kif ukoll sforz straordinarju ta’ rkupru taħt l-istrument Next Generation EU (NGEU).

Fil-laqgħa tiegħu tal-1 ta’ Frar 2024, il-Kunsill Ewropew laħaq qbil dwar ir-reviżjoni tal-QFP 2021-2027. Konsegwentement, il-Kunsill tal-UE approva tliet atti leġiżlattivi li għandhom l-għan li jsaħħu l-baġit fit-tul u jindirizzaw l-isfidi emerġenti. Il-pakkett adottat jinkludi emendi għall-qafas finanzjarju u l-istabbiliment tal-Faċilità għall-Ukrajna u tal-Pjattaforma tat-Teknoloġiji Strateġiċi għall-Ewropa (STEP).

B. Il-politika estera u ta’ sigurtà

Il-politika estera u ta’ sigurtà ilha element importanti fil-laqgħat tas-summits tal-Kunsill Ewropew sa mill-bidu tas-snin 90. Id-deċiżjonijiet li ttieħdu f’dan il-qasam jinkludu:

  • is-sigurtà internazzjonali u l-ġlieda kontra t-terroriżmu;
  • il-politika Ewropea tal-viċinat u r-relazzjonijiet mar-Russja;
  • ir-relazzjonijiet mal-pajjiżi tal-Mediterran u l-Lvant Nofsani.

Meta kien qed jiltaqa’ f’ Helsinki fl-10 u l-11 ta’ Diċembru 1999, il-Kunsill Ewropew iddeċieda li jsaħħaħ il-PESK billi jiżviluppa kapaċitajiet ta’ ġestjoni ta’ kriżijiet militari u mhux militari.

Fil-laqgħa tiegħu tat-22 u t-23 ta’ Ġunju 2017, il-Kunsill Ewropew qabel dwar il-ħtieġa li titnieda kooperazzjoni strutturata permanenti (PESCO) biex jissaħħu s-sigurtà u d-difiża tal-Ewropa. Il-PESCO ġiet stabbilita b’deċiżjoni tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2017. L-Istati Membri kollha tal-UE jieħdu sehem fil-PESCO, ħlief id-Danimarka u Malta. B’kollox, bħalissa hemm 46 proġett fis-seħħ fl-ambitu tal-PESCO.

Fil-laqgħa speċjali tiegħu tas-17 sal-21 ta’ Lulju 2020imsemmija hawn fuq, il-Kunsill Ewropew qabel li tiġi stabbilita Faċilità Ewropea għall-Paċi bħala strument barra l-baġit biex jiġu ffinanzjati azzjonijiet fil-qasam tas-sigurtà u d-difiża. Il-limitu massimu finanzjarju għall-Faċilità għall-perjodu 2021–2027 ġie stabbilit għal EUR 5 biljun, li għandhom jiġu ffinanzjati bħala punt barra l-baġit barra mill-QFP permezz ta’ kontribuzzjonijiet mill-Istati Membri bbażati fuq skema ta’ kontribuzzjonijiet tal-introjtu nazzjonali gross (ING).

Fil-laqgħa speċjali tiegħu tat-30 u l-31 ta’ Mejju 2022, il-Kunsill Ewropew ikkundanna l-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna u qabel dwar is-sitt pakkett ta’ sanzjonijiet, li jkopri ż-żejt grezz u l-prodotti tal-petroleum ikkonsenjati mir-Russja lill-Istati Membri. Ġiet introdotta eċċezzjoni temporanja għaż-żejt grezz imwassal minn pipeline. Il-mexxejja ħeġġew lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea jiffinalizza u jadotta s-sanzjonijiet il-ġodda mingħajr dewmien.

Skont il-konklużjonijiet tal-laqgħa tal-Kunsill Ewropew tat-23 ta’ Marzu 2023, “l-Unjoni Ewropea tinsab b’mod sod u sħiħ mal-Ukrajna u ser tkompli tipprovdi appoġġ politiku, ekonomiku, militari, finanzjarju u umanitarju b’saħħtu lill-Ukrajna u lill-poplu tagħha tieħu sakemm tieħu.”

C. It-tkabbir (5.5.1)

Il-Kunsill Ewropew stabbilixxa t-termini għal kull ċiklu ta’ tkabbir tal-UE. Fl-1993, f’Copenhagen, lesta l-pedamenti għal aktar adeżjonijiet (il-Kriterji ta’ Copenhagen). F’laqgħat fis-snin ta’ wara komplew jiġu speċifikati l-kriterji għall-ammissjoni u r-riformi istituzzjonali mitluba minn qabel.

Il-Kunsill Ewropew ta’ Copenhagen (fit-12 u t-13 ta’ Diċembru 2002) iddeċieda dwar id-dħul ta’ Ċipru, iċ-Ċekja, l-Estonja, l-Ungerija, il-Latvja, il-Litwanja, Malta, il-Polonja, is-Slovakkja u s-Slovenja fl-1 ta’ Mejju 2004. Ir-Rumanija u l-Bulgarija ssieħbu fl-Unjoni fl-1 ta’ Jannar 2007.

Waqt laqgħa fil-Lussemburgu fit-3 ta’ Ottubru 2005, il-Kunsill approva qafas ta’ negozjati mal-Kroazja u t-Turkija dwar l-adeżjoni tagħhom fl-UE. It-Trattat ta’ Adeżjoni mal-Kroazja ġie ffirmat fid-9 ta’ Diċembru 2011, u l-Kroazja ssieħbet fl-1 ta’ Lulju 2013.

Fl-14 ta’ Diċembru 2021, il-Kunsill Affarijiet Ġenerali adotta l-konklużjonijiet tiegħu dwar it-tkabbir u l-proċess ta’ stabbilizzazzjoni u assoċjazzjoni għall-Montenegro, is-Serbja, it-Turkija, ir-Repubblika tal-Maċedonja ta’ Fuq, l-Albanija, il-Bożnija-Ħerzegovina u l-Kosovo, li fihom ġie evalwat il-progress magħmul f’kull wieħed minn dawn il-pajjiżi kandidati u kandidati potenzjali.

Fit-23 ta’ Ġunju 2022, il-Kunsill Ewropew ta l-istatus ta’ kandidat lill-Ukrajna, wara l-applikazzjoni għas-sħubija tiegħu tat-28 ta’ Frar 2022, u stieden lill-Kummissjoni tirrapporta lill-Kunsill dwar l-issodisfar tal-kundizzjonijiet speċifikati fl-opinjoni tal-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni għas-sħubija. Passi ulterjuri jiġu deċiżi mill-Kunsill ladarba dawn il-kundizzjonijiet kollha jkunu ġew sodisfatti b’mod sħiħ.

Fil-konklużjonijiet tal-laqgħa speċjali tiegħu tad-9 ta’ Frar 2023, il-Kunsill Ewropew “jirrikonoxxi l-isforzi konsiderevoli li l-Ukrajna wriet f’dawn l-aħħar xhur biex tilħaq l-objettivi li jirfdu l-istatus ta’ kandidat tagħha għas-sħubija fl-UE. Huwa jilqa’ l-isforzi ta’ riforma tal-Ukrajna fi żminijiet diffiċli bħal dawn u jħeġġeġ lill-Ukrajna tkompli f’din it-triq u tissodisfa l-kondizzjonijiet speċifikati fl-opinjoni tal-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni tagħha għas-sħubija sabiex tavvanza lejn sħubija futura fl-UE.”

Il-Kunsill Ewropew tal-14 u l-15 ta’ Diċembru 2023 iddeċieda li jiftaħ negozjati tal-adeżjoni mal-Ukrajna u mar-Repubblika tal-Moldova u li jagħti status ta’ pajjiż kandidat lill-Georgia “bil-fehim li jittieħdu l-passi rilevanti stabbiliti fir-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tat-8 ta’ Novembru 2023”.

D. Il-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea

Fit-23 ta’ Marzu 2018, il-Kunsill Ewropew (Artikolu 50), imlaqqa’ f’format ta’ UE-27, adotta l-linji gwida dwar il-qafas għal relazzjoni mar-Renju Unit wara l-Brexit. Skont dawn il-linji gwida, l-UE riedet li jkollha l-eqreb sħubija possibbli mar-Renju Unit, u li din tkun tkopri l-kooperazzjoni kummerċjali u ekonomika kif ukoll is-sigurtà u d-difiża, fost oqsma oħra.

Fis-17 ta’ Ottubru 2019, il-Kunsill Ewropew, imlaqqa’ f’format ta’ UE-27, approva l-ftehim rivedut dwar il-ħruġ u d-dikjarazzjoni politika riveduta li n-negozjaturi tal-UE u tar-Renju Unit kienu laħqu qbil dwarhom dakinhar stess. Il-ħsieb wara dan il-ftehim kien li r-Renju Unit ikun jista’ joħroġ mill-Unjoni Ewropea b’mod ordinat.

Fid-29 ta’ Ottubru 2019, wara talba mir-Renju Unit, il-Kunsill Ewropew adotta deċiżjoni biex il-perjodu msemmi fl-Artikolu 50(3) tat-TUE jiġi estiż sal-31 ta’ Jannar 2020 u b’hekk ikun hemm aktar żmien għar-ratifika tal-ftehim dwar il-ħruġ. Il-Ftehim dwar il-Ħruġ daħal fis-seħħ fil-31 ta’ Jannar 2020. Dan immarka t-tmiem tal-perjodu previst skont l-Artikolu 50 tat-TUE u l-bidu ta’ perjodu ta’ tranżizzjoni li ntemm fil-31 ta’ Diċembru 2020. Ir-Renju Unit m’għadux Stat Membru tal-UE; issa sar pajjiż terz.

E. Ir-riformi istituzzjonali

Fil-laqgħa tal-Kunsill Ewropew f’Tampere (fil-15 u s-16 ta’ Ottubru 1999) il-Kunsill iddeċieda dwar arranġamenti għall-abbozzar tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE (4.1.2). Il-Kunsill Ewropew ta’ Helsinki (Diċembru 1999) sejjaħ il-konferenza intergovernattiva bi tħejjija għat-Trattat ta’ Nizza.

Il-Kunsill Ewropew ta’ Laeken (fl-14 u l-15 ta’ Diċembru 2001) iddeċieda li jsejjaħ Konvenzjoni dwar il-Futur tal-Ewropa, li fasslet it-Trattat Kostituzzjonali li falla (1.1.4). Wara sentejn u nofs ta’ diffikultajiet istituzzjonali, il-Kunsill Ewropew tal-21 u t-22 ta’ Ġunju 2007 adotta mandat dettaljat għal konferenza intergovernattiva li wasslet biex fit-13 ta’ Diċembru 2007 jiġi ffirmat it-Trattat ta’ Liżbona, li daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Diċembru 2009 (1.1.5). Fil-25 ta’ Marzu 2011, il-Kunsill Ewropew adotta d-deċiżjoni li emendat l-Artikolu 136 u wittiet it-triq għall-ħolqien tal-ESM fl-2012.

Fid-28 ta’ Ġunju 2018, il-Kunsill Ewropew adotta deċiżjoni dwar il-kompożizzjoni tal-Parlament Ewropewbiex l-Istati Membri jkunu jistgħu jdaħħlu l-miżuri interni meħtieġa għall-organizzazzjoni tal-elezzjonijiet tal-Parlament għal-leġiżlatura 2019-2024[1].

Il-kriżijiet ta’ dan l-aħħar, b’mod partikolari l-pandemija tal-COVID-19 u l-gwerra fl-Ukrajna, urew il-bżonn ta’ riformi istituzzjonali biex tissaħħaħ il-kapaċità tal-UE li tirreaġixxi għal sitwazzjonijiet urġenti b’mod f’waqtu u effettiv.

Fir-riżoluzzjoni tiegħu dwar l-eżitu tal-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa adottata fl-4 ta’ Mejju 2022, il-Parlament laqa’ l-konklużjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tal-Konferenza, irrikonoxxa li dawn jirrikjedu bidliet fit-Trattati u talab lill-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali tiegħu jħejji proposti għal riforma tat-Trattati tal-UE permezz ta’ konvenzjoni skont l-Artikolu 48 tat-TUE. Fid-9 ta’ Ġunju 2022, il-Parlament adotta riżoluzzjoni dwar it-talba għal Konvenzjoni għar-reviżjoni tat-Trattati. Waħda mill-proposti ewlenin hija li ssir riforma fil-proċeduri ta’ votazzjoni sabiex jiġi permess li d-deċiżjonijiet fil-Kunsill isiru b’votazzjoni b’maġġoranza kwalifikata minflok b’unanimità f’oqsma rilevanti, bħall-adozzjoni ta’ sanzjonijiet u tal-hekk imsejħa klawżoli “passerelle”, u f’każ ta’ emerġenza. Fil-11 ta’ Lulju 2023, il-Parlament adotta riżoluzzjoni dwar l-implimentazzjoni tal-klawżoli “passerelle” fit-Trattati tal-UE. Fl-20 ta’ Novembru 2023, huwa adotta riżoluzzjoni dwar il-proposti biex jiġu emendati t-Trattati, u ħeġġeġ lill-Kunsill Ewropew jikkonvoka Konvenzjoni għar-reviżjoni tat-Trattati sabiex jiġu modernizzati l-proċeduri leġiżlattivi.

 

Eeva Pavy / Pablo Abril Marti