Il-moviment liberu tal-kapital huwa wieħed mill-erba’ libertajiet fundamentali tas-suq uniku tal-UE. Minbarra li jirrappreżenta l-aktar libertà reċenti, jikkostitwixxi wkoll l-aktar waħda wiesgħa minħabba d-dimensjoni unika tiegħu b’rabta mal-pajjiżi terzi. Il-liberalizzazzjoni tal-flussi tal-kapital kienet waħda gradwali. B’konsegwenza tat-Trattat ta’ Maastricht, ir-restrizzjonijiet fuq il-pagamenti u l-movimenti tal-kapital – kemm bejn l-Istati Membri u kemm ma’ pajjiżi terzi (jiġifieri pajjiżi mhux tal-UE) – ilhom ipprojbiti mill-2004 ’l hawn, għalkemm jista’ jkun hemm xi eċċezzjonijiet.

Il-bażi legali

L-Artikoli minn 63 sa 66 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE).

L-objettivi

Ir-restrizzjonijiet kollha fuq il-movimenti tal-kapital, kemm bejn l-Istati Membri kif ukoll bejn l-Istati Membri u pajjiżi terzi – ħlief f’ċerti ċirkustanzi – għandhom jitneħħew. Il-moviment liberu tal-kapital jikkostitwixxi l-bażi tas-suq uniku u jikkomplementa t-tliet libertajiet l-oħra. Dan jikkontribwixxi wkoll għat-tkabbir ekonomiku billi jippermetti li l-kapital jiġi investit b’mod effiċjenti u jippromwovi l-użu tal-euro bħala munita internazzjonali, u b’hekk jikkontribwixxi għar-rwol tal-UE bħala attur globali. Kien ukoll indispensabbli għall-iżvilupp tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja u għall-introduzzjoni tal-euro.

Il-kisbiet

A. It-tentattivi inizjali (qabel is-suq intern)

L-ewwel miżuri Komunitarji kellhom kamp ta’ applikazzjoni limitat. It-Trattat ta’ Ruma (1957) kien jitlob li r-restrizzjonijiet jitneħħew biss sal-punt neċessarju għall-funzjonament tas-suq komuni. The First Capital Directive from 1960, amended in 1962, ended restrictions on certain types of commercial and private capital movements, such as real-estate purchases, short- or medium-term lending for commercial transactions, and purchases of securities traded on the stock exchange. Xi Stati Membri marru lil hinn u introduċew miżuri nazzjonali unilaterali, u b’hekk virtwalment neħħew ir-restrizzjonijiet kollha fuq il-movimenti tal-kapital (eż. il-Ġermanja u l-pajjiżi tal-Benelux). Fl-1972 ġiet introdotta direttiva oħra dwar il-flussi internazzjonali tal-kapital.

B. Aktar progress u liberalizzazzjoni ġenerali fid-dawl tas-suq intern

Fl-1985 u l-1986, l-Ewwel Direttiva dwar il-Kapital sarulha emendi li ġabu aktar liberalizzazzjoni f’oqsma bħas-self fit-tul għal tranżazzjonijiet kummerċjali u x-xiri ta’ titoli li ma jkunux ikkwotati fil-Borża. Il-movimenti tal-kapital ġew liberalizzati għalkollox fl-1988 permezz ta’ Direttiva tal-Kunsill li, mill-1 ta’ Lulju 1990, neħħiet ir-restrizzjonijiet kollha li kien għad fadal fuq il-movimenti tal-kapital bejn ir-residenti tal-Istati Membri. Id-Direttiva kellha wkoll l-għan li tilliberalizza bl-istess mod il-movimenti tal-kapital li jinvolvu pajjiżi terzi.

C. Is-sistema definittiva

1. Il-prinċipju

It-Trattat ta’ Maastricht introduċa l-moviment liberu tal-kapital bħala libertà minquxa fit-Trattat. Illum, l-Artikolu 63 tat-TFUE jipprojbixxi kull restrizzjoni fuq il-moviment liberu tal-kapital u l-pagamenti bejn l-Istati Membri, kif ukoll bejn l-Istati Membri u pajjiżi terzi. Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea hija inkarigata bil-kompitu li tinterpreta d-dispożizzjonijiet relatati mal-moviment liberu tal-kapital, u teżisti ġurisprudenza estensiva f’dan il-qasam. F’każijiet fejn l-Istati Membri jillimitaw il-libertà tal-moviment tal-kapital b’mod li ma jkunx ġustifikat, tapplika l-proċedura ta’ ksur tas-soltu stipulata fl-Artikoli 258-260 tat-TFUE.

2. Eċċezzjonijiet u restrizzjonijiet ġustifikati

L-eċċezzjonijiet fil-parti l-kbira huma ristretti għall-movimenti tal-kapital relatati ma’ pajjiżi terzi (l-Artikolu 64 tat-TFUE). Minbarra l-għażla li l-Istati Membri jżommu r-restrizzjonijiet eżistenti f’data partikolari fuq l-investiment dirett u tranżazzjonijiet oħra, il-Kunsill jista’ wkoll, wara konsultazzjoni mal-Parlament Ewropew, jadotta unanimament miżuri li jikkostitwixxu pass lura fil-liberalizzazzjoni tal-movimenti tal-kapital ma’ pajjiżi terzi. Barra minn hekk, il-Kunsill u l-Parlament Ewropew jistgħu jadottaw miżuri leġiżlattivi li jinvolvu l-investiment dirett, l-istabbiliment, il-forniment ta’ servizzi finanzjarji jew l-ammissjoni ta’ titoli fis-swieq kapitali. L-Artikolu 66 tat-TFUE jkopri miżuri ta’ emerġenza, fir-rigward ta’ pajjiżi terzi, limitati għal perjodu ta’ sitt xhur.

L-uniċi restrizzjonijiet ġustifikati fuq il-movimenti tal-kapital b’mod ġenerali, inklużi l-movimenti fl-UE, huma stabbiliti fl-Artikolu 65 tat-TFUE. Dawn jinkludu: (i) miżuri li jimpedixxu l-ksur tal-liġi nazzjonali (speċifikament fil-qasam tat-tassazzjoni u s-superviżjoni prudenzjali tas-servizzi finanzjarji); (ii) proċeduri għad-dikjarazzjoni ta’ movimenti tal-kapital għal finijiet amministrattivi jew statistiċi; u (iii) miżuri ġustifikati għal raġunijiet ta’ politika pubblika jew sigurtà pubblika. Din tal-aħħar ġiet invokata matul il-kriżi tad-dejn sovran fl-Ewropa, meta Ċipru (2013) u l-Ġreċja (2015) kienu mġiegħla jintroduċu kontrolli fuq il-kapital sabiex jiġi evitat ħruġ ta’ kapital eċċessiv. Ċipru neħħa r-restrizzjonijiet kollha li kien fadal fl-2015 u l-Greċja għamlet l-istess fl-2019. Il-ħolqien ta’ finanzi diġitali, speċjalment il-kriptovaluti bbażati fuq il-blockchain, jista’ jisfida l-kunċetti attwali mfassla biex jiżguraw il-moviment liberu tal-kapital.

L-Artikolu 144 tat-TFUE jippermetti, fil-qafas tal-programmi ta’ assistenza għall-bilanċ tal-pagamenti, li jittieħdu miżuri ta’ protezzjoni għall-bilanċ tal-pagamenti meta xi diffikultajiet jipperikolaw il-funzjonament tas-suq intern jew meta tinqala’ kriżi f’daqqa. Din il-klawżola ta’ salvagwardja hija disponibbli biss għall-Istati Membri li mhumiex fiż-żona tal-euro.

Fl-aħħar nett, l-Artikoli 75 u 215 tat-TFUE jipprevedu l-possibbiltà ta’ sanzjonijiet finanzjarji għall-prevenzjoni tat-terroriżmu u l-ġlieda kontrih jew abbażi ta’ deċiżjonijiet adottati fil-qafas tal-politika estera u ta’ sigurtà komuni. Il-moviment liberu tal-kapital huwa ristrett fir-rigward tas-sanzjonijiet ekonomiċi imposti kontra r-Russja wara l-invażjoni tagħha tal-Ukrajna.

3. Pagamenti

L-Artikolu 63(2) tat-TFUE jistipula li “kull restrizzjoni fuq pagamenti bejn l-Istati Membri u l-Istati Membri u pajjiżi terzi għandha tkun projbita”.

Fl-2001 ġie adottat regolament li jarmonizza l-ispiża tal-pagamenti domestiċi u transfruntiera fiż-żona tal-euro. Fl-2009 dan ġie mħassar u sostitwit u r-residenti tal-Istati Membri bdew jibbenefikaw minn tnaqqis fit-tariffi għall-pagamenti transfruntiera f’euro, li niżlu prattikament għal żero. Fl-2021, ir-regolament ġie mħassar u sostitwit bil-għan li jitnaqqsu t-tariffi għal pagamenti transfruntiera bejn l-Istati Membri li qegħdin fiż-żona tal-euro u dawk li mhumiex.

Id-Direttiva dwar is-Servizzi ta’ Ħlas (PSD) ipprovdiet il-pedament legali għall-ħolqien ta’ sett ta’ regoli applikabbli għas-servizzi kollha ta’ ħlas fl-UE, sabiex il-pagamenti transfruntiera jkunu faċli, effiċjenti u siguri daqs il-pagamenti “nazzjonali”, u biex jitrawmu l-effiċjenza u t-tnaqqis fl-ispejjeż permezz ta’ aktar kompetizzjoni billi s-swieq tal-pagamenti jinfetħu għal applikanti ġodda. Il-PSD ipprovdiet il-qafas meħtieġ għal inizjattiva tal-industrija bankarja Ewropea, magħrufa bħala ż-“Żona Unika ta’ Pagamenti bl-Euro” (SEPA). L-istrumenti tas-SEPA diġà kienu eżistenti, iżda sal-aħħar tal-2010 ma kinux jintużaw ħafna. Konsegwentement, fl-2012 ġie adottat regolament li jistabbilixxi d-dati finali biex l-UE kollha twettaq il-migrazzjoni tat-trasferimenti tal-krediti u d-debiti diretti nazzjonali l-qodma għall-istrumenti tas-SEPA. Fl-2015, il-koleġiżlaturi adottaw id-Direttiva riveduta dwar is-Servizzi ta’ Ħlas (PSD 2), li ħassret id-direttiva eżistenti. Din ittejjeb it-trasparenza u l-ħarsien tal-konsumatur u tadatta r-regoli biex tkopri servizzi ta’ ħlas innovattivi, inkluż permezz tal-internet u l-mobile. Id-Direttiva dwar il-Pagamenti Istantanji, li temenda s-SEPA, ġiet adottata mill-koleġiżlaturi fi Frar 2024 u daħlet fis-seħħ f’April 2024. Din tippermetti lin-nies jittrasferixxu l-flus f’għaxar sekondi fi kwalunkwe ħin tal-ġurnata, inkluż barra l-ħinijiet tax-xogħol, mhux biss fl-istess pajjiż iżda wkoll lejn stat membru ieħor. Il-ħidma fuq riformi ulterjuri tal-qafas eżistenti dwar is-sistemi ta’ pagament għadha għaddejja, u se jkollha tiġi ffinalizzata wara l-elezzjonijiet Ewropej tal-2024. Dan jikkonċerna r-Regolament dwar is-Servizzi ta’ Pagament, u d-Direttiva l-ġdida dwar is-Servizzi ta’ Pagament (PSD 3), li se tissostitwixxi l-PSD 2 u d-Direttiva dwar il-Flus Elettroniċi.

Il-Bank Ċentrali Ewropew bħalissa qed jevalwa jekk jipprovdix verżjoni diġitali tal-euro jew le. Biex tiffaċilita l-introduzzjoni possibbli tiegħu, il-Kummissjoni ppreżentat il-pakkett tal-euro diġitali, li jistabbilixxi qafas għal forma diġitali ġdida tal-euro filwaqt li tissalvagwardja r-rwol tal-flus kontanti. Il-ħidma leġiżlattiva għadha għaddejja, u se tiġi ffinalizzata wara l-elezzjonijiet.

D. Żviluppi oħrajn

Minkejja l-progress li sar fil-liberalizzazzjoni tal-flussi tal-kapital fl-UE, is-swieq tal-kapital għadhom, fil-biċċa l-kbira, frammentati. Abbażi tal-Pjan ta’ Investiment għall-Ewropa, f’Settembru 2015 il-Kummissjoni nediet l-inizjattiva emblematika tagħha: l-Unjoni tas-Swieq Kapitali(CMU). Din tinkludi għadd ta’ miżuri mmirati lejn il-ħolqien ta’ suq uniku verament integrat fir-rigward tal-kapital sal-2019. F’Ġunju 2017 ġie ppubblikat rieżami ta’ nofs it-terminu tal-Pjan ta’ Azzjoni tal-Unjoni tas-Swieq Kapitali. Barra minn hekk, il-Kummissjoni u l-Istati Membri qed jaħdmu fuq l-eliminazzjoni tal-ostakli għall-investiment transfruntier li huma ta’ kompetenza nazzjonali. Biex tiġi eżaminata din il-kwistjoni twaqqaf grupp ta’ esperti dwar l-ostakli għall-moviment liberu tal-kapital. F’Marzu 2017, b’segwitu għall-ħidma tal-grupp ta’ esperti, il-Kummissjoni ppubblikat rapport li jiddeskrivi s-sitwazzjoni fl-Istati Membri. F’Marzu 2019, il-Kummissjoni ppubblikat komunikazzjoni intitolata “L-Unjoni tas-Swieq Kapitali: progress rigward il-bini ta’ suq uniku għall-kapital għal Unjoni Ekonomika u Monetarja b’saħħitha”. Dan segwih it-tieni pjan ta’ azzjoni tas-CMU, b’16-il prijorità, f’Settembru 2020.

Fil-11 ta’ Marzu 2024, il-Grupp tal-Euro (tal-ministri mill-Istati Membri taż-żona tal-euro), taħt l-impressjoni li s-CMU mhux qed tagħmel progress b’rata sodisfaċenti, ippubblika dikjarazzjoni indirizzata lill-Kummissjoni Ewropea li jmiss. Il-grupp tal-Euro argumenta li jeħtieġ li jiġu żviluppati swieq kapitali globalment kompetittivi, biex jiġi evitat li l-Ewropa taqa’ aktar lura globalment f’termini ta’ kompetittività, tkabbir u prosperità taċ-ċittadini tagħha. Huwa talab lill-Kummissjoni li jmiss biex toħroġ bi proposti leġiżlattivi fi tliet oqsma ta’ prijorità ta’ azzjoni: l-ewwel nett, għall-arkitettura tas-swieq, biex tiġi żviluppata sistema regolatorja kompetittiva, simplifikata u intelliġenti, li tippermetti li l-fondi jiġu diretti aħjar lejn negozji innovattivi tal-UE; it-tieni, għan-negozji, biex jiġi żgurat aċċess aħjar għall-finanzjament privat; u t-tielet, biex iċ-ċittadini joħolqu opportunitajiet aħjar biex jakkumulaw il-ġid u jtejbu s-sigurtà finanzjarja, speċjalment billi jtejbu l-parteċipazzjoni tal-konsumaturi. Il-grupp tal-Euro stabbilixxa 13-il punt speċifiku biex tingħata ħajja ġdida lis-CMU.

E. Terminazzjoni ta’ trattati bilaterali ta’ investiment intra-UE

Il-Kummissjoni qed taħdem ukoll biex jintemmu t-trattati bilaterali fuq l-investiment intra-UE (BITs) eżistenti, li ħafna minnhom kienu diġà jeżistu qabel l-aħħar ċikli ta’ tkabbir tal-UE. Il-Kummissjoni tqis dawn il-ftehimiet bejn l-Istati Membri bħala ostaklu għas-suq uniku peress li jikkontradixxu u jissovrapponu l-qafas leġiżlattiv tal-UE. Pereżempju, il-mekkaniżmi ta’ arbitraġġ li huma integrati fil-BITs jeskludu kemm lill-qrati nazzjonali u kemm lill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, u dan jimpedixxi l-applikazzjoni tal-liġi tal-UE. Il-BITs jistgħu wkoll jirriżultaw fl-għoti ta’ trattament aktar favorevoli lill-investituri ta’ Stati Membri partikolari li jkunu kkonkludew BITs intra-UE. Fl-24 ta’ Ottubru 2019 intlaħaq ftehim li jwitti t-triq biex dawn jinġiebu fi tmiemhom. Fid-29 ta’ Mejju 2020, 23 Stat Membru ffirmaw ftehim għat-terminazzjoni tal-BITs bejn l-Istati Membri tal-UE. Kull sena l-Kummissjoni tippubblika wkoll rapporti u studji dwar il-flussi tal-kapital fl-UE u fil-kuntest globali. Matul il-kriżi kkawżata mill-COVID-19, deher li, minkejja l-istress estrem li sar fuq is-sistema finanzjarja, l-ebda Stat Membru tal-UE ma rrikorra għal kontrolli fuq il-kapital fir-rigward tal-flussi ta’ ħruġ finanzjarji.

Ir-rwol tal-Parlament Ewropew

Il-Parlament esprima appoġġ qawwi għall-isforzi biex titħeġġeġ il-liberalizzazzjoni tal-movimenti tal-kapital. Madankollu, kien tal-fehma li din il-liberalizzazzjoni għandha tkun iżjed avvanzata ġewwa l-UE milli mal-bqija tad-dinja, biex jiġi żgurat li l-prijorità tkun li l-iffrankar li tagħmel l-UE jixpruna l-investimenti tagħha. Għamel aċċenn ukoll għall-fatt li l-liberalizzazzjoni tal-kapital għandha tkun akkumpanjata mil-liberalizzazzjoni sħiħa tas-servizzi finanzjarji u l-armonizzazzjoni tal-liġi fiskali biex jinħoloq suq finanzjarju unit fil-livell tal-UE. Kien minħabba l-pressjoni politika tal-Parlament li l-Kummissjoni setgħet tniedi l-leġiżlazzjoni dwar l-armonizzazzjoni tal-pagamenti domestiċi u transfruntiera.

Il-Parlament appoġġja t-tnedija tal-Unjoni tas-Swieq Kapitali, u, lil hinn mill-parteċipazzjoni tiegħu fil-proċess leġiżlattiv, il-Parlament iħeġġeġ regolarment passi ulterjuri biex titlesta l-Unjoni tas-Swieq Kapitali. Dan jinkludi l-adozzjoni tar-riżoluzzjoni li saħqet il-ħtieġa ta’ kundizzjonijiet ekwi fost il-parteċipanti sabiex titjieb l-allokazzjoni tal-kapital fl-UE. Fir-riżoluzzjoni ntalbet it-tneħħija tal-ostakli eżistenti għall-finanzjament transfruntier, b’mod partikolari għall-intrapriżi żgħar u medji (SME), u rwol aktar b’saħħtu għall-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq fit-titjib tal-konverġenza superviżorja. Fit-8 ta’ Ottubru 2020, il-Parlament adotta riżoluzzjoni oħra li tappella għat-titjib tal-aċċess għall-finanzjament tas-suq kapitali, b’enfasi speċjali fuq l-intrapriżi mikro, żgħar u ta’ daqs medju, u l-parteċipazzjoni tal-investituri fil-livell tal-konsumatur.

Għal aktar informazzjoni dwar dan is-suġġett, jekk jogħġbok żur is-sit web tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali.

 

Christian Scheinert