Id-djalogu soċjali huwa komponent fundamentali tal-mudell soċjali Ewropew. Huwa jagħti s-setgħa lis-sħab soċjali (rappreżentanti tal-maniġment u tal-ħaddiema) biex jikkontribwixxu b’mod attiv, inkluż permezz ta’ ftehimiet, għat-tfassil tal-politiki soċjali u tal-impjieg Ewropej.

Il-bażi legali

L-Artikoli 151-156 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE).

L-objettivi

Skont l-Artikolu 151 tat-TFUE, il-promozzjoni tad-djalogu bejn min imexxi u l-ħaddiema hija rikonoxxuta bħala objettiv komuni tal-UE u tal-Istati Membri. L-għan tad-djalogu soċjali huwa li jtejjeb il-governanza Ewropea permezz tal-involviment tas-sħab soċjali fit-teħid tad-deċiżjonijiet u fil-proċess tal-implimentazzjoni.

Il-kisbiet

A. L-iżvilupp ta’ djalogu soċjali (bipartitiku) fil-livell tal-UE.

Skont it-Trattat ta’ Ruma tal-1957, wieħed mill-kompiti tal-Kummissjoni huwa li tippromwovi l-kooperazzjoni mill-qrib bejn l-Istati Membri dwar id-dritt ta’ assoċjazzjoni u n-negozjar kollettiv bejn min iħaddem u l-ħaddiema. Madankollu din id-dispożizzjoni damet deċennji biex tiġi implimentata.

Il-proċess ta’ djalogu soċjali Val Duchesse, mibdi fl-1985 mill-President tal-Kummissjoni Jacques Delors, kellu l-għan li jinvolvi s-sħab soċjali, irrappreżentati mill-Konfederazzjoni Ewropea tat-Trade Unions (KETU), il-Konfederazzjoni tan-Negozji Ewropej (UNICE) u ċ-Ċentru Ewropew tal-Intrapriżi Pubbliċi (CEEP), fil-proċess tas-suq intern. Minn dan il-proċess irriżultaw għadd ta’ dikjarazzjonijiet konġunti dwar l-impjiegi, l-edukazzjoni, it-taħriġ u kwistjonijiet soċjali oħra.

Fl-1986, l-Att Uniku Ewropew (l-Artikolu 118b) stabbilixxa bażi legali għall-iżvilupp ta’ “djalogu soċjali madwar il-Komunità”, u d-djalogu soċjali Ewropew beda jiżviluppa, l-ewwel bil-ħolqien ta’ kumitat tat-tmexxija, li fl-1992 sar il-Kumitat ta’ Djalogu Soċjali (SDC) – il-forum prinċipali għad-djalogu soċjali bipartitiku fil-livell Ewropew. L-SDC jiltaqa’ bejn tliet u erba’ darbiet fis-sena.

Fl-1991, l-UNICE (issa BusinessEurope), il-KETU u s-CEEP (issa SGI Europe) adottaw ftehim konġunt li fih talbu li ssir konsultazzjoni obbligatorja mas-sħab soċjali dwar il-leġiżlazzjoni fil-qasam tal-affarijiet soċjali u li s-sħab soċjali jkollhom il-possibbiltà li jinnegozjaw ftehimiet qafas fil-livell Ewropew. Din it-talba ġiet rikonoxxuta fil-Ftehim dwar il-Politika Soċjali anness mal-Protokoll ta’ Maastricht dwar il-Politika Soċjali, li ppreveda rwol kostituzzjonalment rikonoxxut għas-sħab soċjali fil-proċess leġiżlattiv Ewropew. Fil-livell nazzjonali, is-sħab soċjali ngħataw l-opportunità li jimplimentaw id-direttivi permezz ta’ ftehim kollettiv.

It-Trattat ta’ Amsterdam (1997) inkorpora l-Ftehim dwar il-Politika Soċjali u finalment stabbilixxa qafas uniku għad-djalogu soċjali fl-UE. Ir-riżultati transindustrijali ta’ dan il-proċess kienu l-ftehimiet qafas dwar il-liv tal-ġenituri (1995), ix-xogħol part-time (1997) u x-xogħol għal żmien fiss (1999), li kull wieħed minnhom ġie implimentat permezz ta’ Direttivi tal-Kunsill.

It-Trattat ta’ Liżbona (2009) kompla jissottolinja r-rwol tas-sħab soċjali (l-Artikolu 152 tat-TFUE), billi enfasizza l-ħtieġa li d-djalogu jiġi ffaċilitat filwaqt li jiġu rrispettati l-awtonomija u d-diversità tagħhom.

Wara l-kriżi ekonomika u finanzjarja tal-2008, id-djalogu soċjali sab ruħu taħt aktar pressjoni peress li ddgħajjef minħabba d-deċentralizzazzjoni, it-tnaqqis fil-kopertura tan-negozjar u l-indħil min-naħa tal-Istati fil-politika tal-pagi. Il-Kummissjoni Juncker ħadet miżuri biex tiġġieled dan it-tnaqqis, billi ħabbret “bidu ġdid għad-djalogu soċjali” f’konferenza ta’ livell għoli f’Marzu 2015 u ftehim kwadripartitiku, li ġie ffirmat f’Ġunju 2016 mis-sħab soċjali, mill-Kummissjoni u mill-Presidenza tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea. Dan il-ftehim jafferma mill-ġdid ir-rwol fundamentali tad-djalogu soċjali Ewropew fil-proċess tat-tfassil tal-politika tal-UE, inkluż fis-Semestru Ewropew.

Il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali (EPSR) tal-2017 jistabbilixxi wkoll ir-rispett għall-awtonomija u d-dritt għal azzjoni kollettiva tas-sħab soċjali u jirrikonoxxi d-dritt tagħhom li jkunu involuti fit-tfassil u l-implimentazzjoni tal-politiki soċjali u dawk tal-impjieg, inkluż permezz ta’ ftehimiet kollettivi. Il-Kummissjoni von der Leyen kemm-il darba affermat mill-ġdid l-impenn għad-djalogu soċjali f’komunikazzjonijiet bħal dawk dwar il-Patt Ekoloġiku Ewropew u dwar Ewropa Soċjali b’Saħħitha għal Tranżizzjonijiet Ġusti, fl-Istrateġija Annwali għat-Tkabbir Sostenibbli u fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż, u fl-objettivi għall-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza. Fi Frar 2021, Il-Kummissjoni ppubblikat rapport (ir-rapport Nahles) dwar it-tisħiħ tad-djalogu soċjali, li kkontribwixxa għall-pjan ta’ azzjoni li jimplimenta l-EPSR ippreżentat f’Marzu 2021. F’Mejju 2021, kemm l-Impenn Soċjali ta’ Porto (iffirmat mill-Kummissjoni, mill-Parlament u mis-sħab soċjali Ewropej) kif ukoll id-Dikjarazzjoni ta’ Porto tal-Kunsill Ewropew issottolinjaw ir-rwol ewlieni tad-djalogu soċjali.

F’konformità mal-pjan ta’ azzjoni li jimplimenta l-EPSR, il-Kummissjoni ppreżentat linji gwida għal persuni li jaħdmu għal rashom mingħajr impjegati biex tiżgura li l-liġi tal-kompetizzjoni ma tostakolax il-ftehimiet kollettivi milli jtejbulhom il-kondizzjonijiet tax-xogħol. Barra minn hekk, il-Kummissjoni pproponiet rakkomandazzjoni tal-Kunsill li tistabbilixxi kif l-Istati Membri jistgħu jkomplu jsaħħu d-djalogu soċjali u n-negozjar kollettiv fil-livell nazzjonali, u ħarġet komunikazzjoni dwar it-tisħiħ u l-promozzjoni tad-djalogu soċjali fil-livell tal-UE.

Id-Direttiva dwar pagi minimi adegwati fl-UE ssaħħaħ l-użu tan-negozjar kollettiv fl-iffissar tal-pagi, filwaqt li teħtieġ li l-Istati Membri li għandhom rata ta’ kopertura ta’ negozjar kollettiv taħt it-80% jadottaw pjanijiet ta’ azzjoni li jippromwovu n-negozjar kollettiv.

B. Il-kisbiet tad-djalogu soċjali fil-livell tal-UE

Skont l-Artikolu 154 tat-TFUE, il-Kummissjoni jeħtiġilha tikkonsulta mas-sħab soċjali qabel ma tieħu kwalunkwe azzjoni fil-qasam tal-politika soċjali. Is-sħab soċjali jistgħu mbagħad jagħżlu li jinnegozjaw ftehim bejniethom minflok. Għandhom disa’ xhur biex jinnegozjaw, u wara jistgħu:

  1. jikkonkludu ftehim u jitolbu b’mod konġunt lill-Kummissjoni tipproponi deċiżjoni ta’ implimentazzjoni tal-Kunsill; jew
  2. jikkonkludu ftehim u jimplimentawh huma stess, f’konformità mal-proċeduri u l-prattiki speċifiċi tagħhom stess u dawk tal-Istati Membri (ftehimiet “volontarji” jew, aktar tard, “awtonomi”); jew
  3. jiddeċiedu li ma jistgħux jilħqu ftehim, u f’dan il-każ il-Kummissjoni terġa’ tibda taħdem fuq il-proposta kkonċernata.

L-Artikolu 153 tat-TFUE joffri wkoll lill-Istati Membri l-possibbiltà li jafdaw lis-sħab soċjali bl-implimentazzjoni ta’ deċiżjoni tal-Kunsill dwar ftehim kollettiv iffirmat fil-livell Ewropew.

Id-djalogu soċjali settorjali esperjenza żviluppi kbar wara deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-1998. Inħolqu għadd ta’ kumitati fl-oqsma ekonomiċi ewlenin u dawn taw riżultati siewja. Tliet ftehimiet Ewropej – dwar l-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol għall-baħħara (1998), dwar l-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol għall-ħaddiema mobbli fl-avjazzjoni ċivili (2000) u dwar ċerti aspetti ta’ kondizzjonijiet tax-xogħol ta’ ħaddiema mobbli f’servizzi transfruntiera interoperabbli fis-settur tal-ferroviji (2005) – ġew konklużi u implimentati permezz ta’ Deċiżjonijiet tal-Kunsill. Il-Ftehim dwar il-Protezzjoni tas-Saħħa tal-Ħaddiema permezz tat-Trattament u l-Użu Tajjeb tas-Silika Kristallina u Prodotti li fihom is-Silika Kristallina, iffirmat f’April 2006, kien l-ewwel ftehim multisettorjali. Segwew ftehimiet settorjali oħrajn, li ġew implimentati permezz ta’ Direttivi tal-Kunsill: ftehim dwar ċerti aspetti tal-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol fit-trasport fl-ilmijiet navigabbli interni; ftehim dwar il-protezzjoni tal-ħaddiema tas-saħħa minn korrimenti u infezzjonijiet ikkawżati minn strumenti mediċi li jaqtgħu; ftehim fis-settur tas-sajd fuq il-baħar; u ftehim bejn is-sħab soċjali fis-settur tat-trasport marittimu.

Madankollu, għal ftehimiet oħra, il-Kummissjoni ddeċidiet li ma tipproponix deċiżjoni tal-Kunsill.

Wara talba preċedenti mingħajr suċċess għal deċiżjoni tal-Kunsill li timplimenta ftehim dwar is-saħħa u s-sikurezza għas-settur tax-xogħol tal-parrukkiera, li kienet ġiet opposta minn xi Stati Membri, f’Ġunju 2016, is-settur iffirma ftehim qafas Ewropew ġdid dwar l-istess suġġett u talab l-implimentazzjoni tiegħu permezz ta’ deċiżjoni tal-Kunsill. Il-Kummissjoni ddeċidiet li twettaq valutazzjoni tal-impatt proporzjonata qabel ma tipproponi deċiżjoni tal-Kunsill. F’ittra miftuħa lill-President Juncker, is-sħab soċjali oġġezzjonaw għall-użu tal-proċess tal-valutazzjoni tal-impatt biex jiġi ġġustifikat il-fatt li l-ftehim ma ġiex riferut lill-Kunsill. Fil-bidu tal-2018, il-Kummissjoni infurmat lis-sħab soċjali li hija ma kinitx se tipproponi deċiżjoni tal-Kunsill u minflok ipproponiet li tappoġġja l-implimentazzjoni awtonoma tal-ftehim permezz ta’ pjan ta’ azzjoni. Is-sħab soċjali qablu u, f’Diċembru 2019, intlaħaq ftehim dwar sett ta’ azzjonijiet biex jappoġġjaw l-implimentazzjoni tal-ftehim bejn is-sħab soċjali tax-xogħol tal-parrukkiera u l-Kummissjoni.

F’Marzu 2018, il-Kummissjoni infurmat lis-sħab soċjali tal-gvern ċentrali li ma kinitx se tipproponi l-ftehim tal-2015 tagħhom dwar id-drittijiet tal-informazzjoni u tal-konsultazzjoni lill-Kunsill bil-għan li jiġi implimentat bħala direttiva (2.3.6). Wara azzjoni legali mill-Federazzjoni Ewropea tal-Unions tas-Servizzi Pubbliċi (EPSU), fl-24 ta’ Ottubru 2019 il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea ddeċidiet li d-dritt ta’ inizjattiva tal-Kummissjoni jintitolaha tiddeċiedi jekk il-ftehimiet tas-sħab soċjali tagħmilhomx legalment vinkolanti fl-Istati Membri kollha tal-UE jew le. L-EPSU appellat id-deċiżjoni mingħajr suċċess.

F’konformità mat-tieni għażla elenkata hawn fuq, il-ftehim dwar it-telexogħol (2002) kien l-ewwel ftehim li kellu jiġi implimentat bħala “ftehim awtonomu”. Dan ġie segwit minn ftehimiet awtonomi oħra dwar l-istress relatat max-xogħol u l-liċenzja Ewropea għas-sewwieqa li jwettqu servizzi ta’ interoperabbiltà transfruntiera (it-tnejn li huma fl-2004), il-fastidju u l-vjolenza fuq il-post tax-xogħol (2007), is-swieq tax-xogħol inklużivi (2010), it-tixjiħ attiv u approċċ interġenerazzjonali (2017), u d-diġitalizzazzjoni (2020).

F’każijiet oħra, is-sħab soċjali ma laħqux ftehim. In-negozjati dwar ftehim qafas dwar xogħol temporanju permezz ta’ aġenzija fallew f’Mejju 2001. F’Marzu 2002, il-Kummissjoni pproponiet direttiva bbażata fuq il-kunsens li kien intlaħaq bejn is-sħab soċjali, li ġiet adottata fl-2008. B’mod simili, wara li s-sħab soċjali esprimew in-nuqqas ta’ rieda tagħhom li jieħdu sehem fin-negozjati, il-Kummissjoni pproponiet reviżjoni tad-Direttiva dwar il-Ħin tax-Xogħol fl-2004. Wara li l-Parlament, il-Kummissjoni u l-Kunsill ma laħqux ftehim fl-2009, f’Diċembru 2012 proċess ta’ negozjati ieħor bejn is-sħab soċjali Ewropej falla minħabba differenzi fir-rigward tat-trattament tal-ħin tal-għassa. Fl-2013, il-Kummissjoni reġgħet kompliet bil-proċess ta’ rieżami u valutazzjoni tal-impatt, billi wettqet konsultazzjoni pubblika fl-2015 u ppubblikat rapport ta’ implimentazzjoni fl-2017, kif ukoll komunikazzjoni interpretattiva. Sadanittant, xi aspetti rilevanti għall-ħin tax-xogħol ġew inklużi f’atti legali oħra, bħad-Direttiva dwar il-Bilanċ bejn ix-Xogħol u l-Ħajja Privata, id-Direttiva dwar il-Kondizzjonijiet tax-Xogħol Trasparenti u Prevedibbli u r-Regolament emendat dwar il-Ħin tas-Sewqan.

C. Id-djalogu soċjali tripartitiku

Sa mill-bidu tal-integrazzjoni Ewropea, tqies importanti li l-partijiet ikkonċernati ekonomiċi u soċjali jiġu involuti fit-tfassil tal-leġiżlazzjoni Ewropea. Il-Kumitat Konsultattiv għall-Faħam u l-Azzar u l-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew huma xhieda ta’ dan. Sa mill-2003, is-Summit Soċjali Tripartitiku għat-Tkabbir u l-Impjiegi jiġbor flimkien rappreżentanti ta’ livell għoli tal-Presidenza tal-Kunsill tal-UE li tkun fil-kariga, taż-żewġ presidenzi li jkun imiss, tal-Kummissjoni u tas-sħab soċjali bil-għan li jiffaċilita l-konsultazzjoni li tkun għaddejja. Dan jiltaqa’ mill-inqas darbtejn fis-sena qabel is-summits tal-Kunsill Ewropew tar-rebbiegħa u tal-ħarifa.

Fis-Summit tas-Sħab Soċjali ta’ Val Duchesse f’Jannar 2024, il-Kummissjoni, il-Presidenza Belġjana tal-Kunsill u s-sħab soċjali Ewropej iffirmaw Dikjarazzjoni Tripartitika għal Djalogu Soċjali Ewropew Dinamiku, li ġġedded l-impenn tal-parteċipanti għat-tisħiħ tad-djalogu soċjali fil-livell tal-UE. Lil hinn milli tindirizza n-nuqqas ta’ ħiliet u ħaddiema u tafferma mill-ġdid ir-rwol tas-sħab soċjali, id-dikjarazzjoni tipprevedi t-twaqqif ta’ Mibgħut għad-Djalogu Soċjali Ewropew bħala punt ta’ kuntatt għas-sħab soċjali, u nediet Patt għad-Djalogu Soċjali, li għandu jiġi konkluż sal-bidu tal-2025.

Ir-rwol tal-Parlament Ewropew

Il-Parlament huwa tal-fehma li d-djalogu soċjali huwa element essenzjali fit-tradizzjonijiet tal-Istati Membri. Il-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali tal-Parlament spiss bagħat stediniet lis-sħab soċjali fil-livell tal-UE biex jippreżentaw il-fehmiet tagħhom. It-Trattat ta’ Liżbona introduċa d-dritt tal-Parlament li jkun informat dwar l-implimentazzjoni tal-ftehimiet kollettivi konklużi fil-livell tal-Unjoni (l-Artikolu 155 tat-TFUE) u dwar l-inizjattivi tal-Kummissjoni biex titrawwem il-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri (l-Artikolu 156 tat-TFUE), inkluż fi kwistjonijiet relatati mad-dritt ta’ assoċjazzjoni u n-negozjar kollettiv.

F’riżoluzzjoni ta’ Marzu 2014 u wkoll f’riżoluzzjoni ta’ Frar 2017, il-Parlament appella għat-tisħiħ tar-rwol tas-sħab soċjali fil-proċess il-ġdid ta’ governanza ekonomika. Bl-istess mod, f’riżoluzzjoni ta’ April 2018, il-Parlament stieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jżidu l-appoġġ konkret għal djalogu soċjali ġenwin, li jmur lil hinn minn sempliċi konsultazzjoni. F’April 2019, fir-riżoluzzjoni tiegħu dwar id-direttiva dwar kondizzjonijiet tax-xogħol trasparenti u prevedibbli u dwar l-Awtorità Ewropea tax-Xogħol, il-Parlament tenna li għandhom dejjem jiġu rispettati l-awtonomija tas-sħab soċjali, il-kapaċità tagħhom li jaġixxu bħala rappreżentanti tal-ħaddiema u ta’ min iħaddem u d-diversità tas-sistemi tar-relazzjonijiet industrijali nazzjonali. F’riżoluzzjoni ta’ Diċembru 2021, il-Parlament fakkar ukoll fir-rwol fundamentali tas-sħab soċjali u d-djalogu soċjali. Fiha, il-Parlament jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri, flimkien mas-sħab soċjali, jimpenjaw ruħhom biex jilħqu kopertura ta’ negozjar kollettiv ta’ 90% sal-2030.

Minn mindu faqqgħet il-kriżi tal-COVID-19, il-Parlament saħaq fuq il-ħtieġa għal djalogu soċjali xieraq fil-livelli kollha biex il-pjan ta’ rkupru tal-UE jiġi implimentat b’suċċess. Dan huwa muri f’riżoluzzjoni ta’ Ottubru 2020 u f’riżoluzzjoni ta’ Marzu 2021. Dawn ir-riżoluzzjonijiet jenfasizzaw kif id-djalogu soċjali u n-negozjar kollettiv huma strumenti ewlenin għal min iħaddem u għat-trade unions biex jistabbilixxu pagi u kondizzjonijiet tax-xogħol ġusti, u li sistemi b’saħħithom ta’ negozjar kollettiv iżidu r-reżiljenza tal-Istati Membri fi żminijiet ta’ kriżi ekonomika. Il-Parlament afferma mill-ġdid it-talbiet preċedenti ta’ appoġġ għall-bini tal-kapaċità u involviment akbar tas-sħab soċjali fis-Semestru Ewropew, u appella biex fil-futur ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż jinkludu eżitu dwar l-involviment tas-sħab soċjali fil-mekkaniżmi għall-iffissar tal-pagi. Il-Parlament ippropona li għandhom jiġu kkunsidrati kondizzjonijiet ta’ ekwità għall-kumpaniji b’aċċess għall-fondi pubbliċi, li jobbligawhom jirrispettaw in-negozjar kollettiv u l-parteċipazzjoni jew il-kodeterminazzjoni tal-ħaddiema fil-proċessi tat-teħid tad-deċiżjonijiet tal-kumpaniji.

F’riżoluzzjoni ta’ Frar 2023 dwar il-Kunsilli tax-Xogħlijiet Ewropej (EWCs), il-Parlament saħaq fuq il-ħtieġa li jissaħħu l-EWCs u l-kapaċità tagħhom li jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom ta’ informazzjoni u konsultazzjoni, u li jiżdied l-għadd tagħhom. Barra minn hekk, huwa tenna l-appell tiegħu lill-Kummissjoni biex tressaq proposta għar-reviżjoni tad-Direttiva dwar l-EWCs tal-2009 sabiex tiċċara l-objettivi, id-definizzjonijiet u l-proċeduri tagħha u ssaħħaħ id-dritt tar-rappreżentanti tal-impjegati għall-informazzjoni u l-konsultazzjoni, b’mod partikolari matul il-proċessi ta’ ristrutturar. Din il-proposta ġiet ippreżentata f’Jannar 2024 u bħalissa qed tiġi diskussa mill-koleġiżlaturi.

F’riżoluzzjoni ta’ Ġunju 2023, il-Parlament stieden lill-Istati Membri jirrieżaminaw u jħassru kwalunkwe leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevjeni n-negozjar kollettiv. Huwa ħeġġeġ lill-Kummissjoni tinforza l-klawżola soċjali fid-Direttiva eżistenti tal-UE dwar l-Akkwist Pubbliku. Stieden ukoll lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jikkonsultaw mas-sħab soċjali dwar kwistjonijiet ekoloġiċi u dwar it-tranżizzjoni ġusta bħala prattika standard matul iċ-ċiklu tat-tfassil tal-politika.

Għal aktar informazzjoni dwar dan is-suġġett, ara s-sit web tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali.

 

Samuel Goodger / Monika Makay