L-enerġija nukleari
L-enerġija nukleari hija alternattiva għall-fjuwils fossili li għandha livell baxx ta’ emissjonijiet ta’ karbonju u tirrappreżenta kważi 26% tal-elettriku prodott fl-UE. Madankollu, wara d-diżastru ta’ Chernobyl fl-1986 u l-katastrofi f’Fukushima fl-2011, l-enerġija nukleari saret kontroversjali ħafna. Filwaqt li l-Istati Membri jagħżlu jekk jinkludux l-enerġija nukleari fit-taħlita enerġetika tagħhom, il-leġiżlazzjoni tal-UE għandha l-għan li ttejjeb l-istandards ta’ sikurezza tal-impjanti tal-enerġija nukleari u tiżgura li l-iskart nukleari jiġi mmaniġġjat u jintrema b’mod sikur.
Il-bażi legali
It-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (it-Trattat Euratom), l-Artikoli 40-52 (investiment, impriżi konġunti u provvisti) u l-Artikoli 92-99 (is-suq komuni nukleari).
L-objettivi
Biex jindirizzaw in-nuqqas ġenerali ta’ enerġija “konvenzjonali” fil-ħamsinijiet, is-sitt Stati Membri fundaturi kkunsidraw l-enerġija nukleari bħala mezz biex jiksbu l-indipendenza enerġetika. Peress li l-pajjiżi individwali ma setgħux ilaħħqu mal-ispejjeż tal-investiment fl-enerġija nukleari, l-Istati Membri fundaturi ngħaqdu flimkien biex jiffurmaw il-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika.
Il-kisbiet
A. Is-sikurezza nukleari
Is-sikurezza nukleari tittratta t-tħaddim sikur tal-installazzjonijiet nukleari, il-protezzjoni mir-radjazzjoni u l-applikazzjoni ta’ salvagwardji għall-materjal nukleari f’pajjiżi mhux tal-UE. L-UE għandha l-għan li tippromwovi kultura effettiva ta’ sikurezza nukleari, inkluż permezz tal-implimentazzjoni tal-ogħla standards ta’ sikurezza u radjazzjoni nukleari. L-Istati Membri huma obbligati jistabbilixxu oqfsa nazzjonali dwar ir-rekwiżiti tas-sikurezza nukleari, il-liċenzjar tal-impjanti tal-enerġija nukleari, is-sorveljanza u l-infurzar. L-inkoraġġiment tal-ġestjoni responsabbli u sikura tal-fjuwil użat u tal-iskart radjuattiv, kif ukoll id-dekummissjonar u r-rimedju ta’ dawk li kienu siti u installazzjonijiet nukleari, huma wkoll prijorità tal-UE.
1. Il-ħidma leġiżlattiva
a. It-Trattat Euratom
Id-Direttiva 2013/59/Euratom dwar l-Istandards Bażiċi ta’ Sikurezza tistabbilixxi standards bażiċi uniformi ta’ sikurezza għall-protezzjoni tas-saħħa tal-ħaddiema, tal-membri tal-pubbliku u tal-pazjenti. Hija tistabbilixxi parametri preċiżi u ftit tħalli marġni ta’ diskrezzjoni. Id-direttiva tapplika taħt kundizzjonijiet normali, iżda tirreferi wkoll għal sitwazzjonijiet ta’ esponiment ippjanat u sitwazzjonijiet ta’ emerġenza. Ir-rekwiżiti għat-tħejjija u r-risponsi għal emerġenza ġew imsaħħa biex jitqiesu t-tagħlimiet meħuda mill-inċident nukleari ta’ Fukushima tal-2011.
b. Id-Direttiva dwar is-Sikurezza Nukleari
Wara l-inċident nukleari ta’ Fukushima, il-Kummissjoni wettqet valutazzjoni komprensiva tar-riskju u s-sikurezza tal-impjanti tal-enerġija nukleari kollha tal-UE biex tivvaluta s-sikurezza u r-robustezza tal-impjanti nukleari f’każ ta’ avvenimenti naturali estremi. Il-Kummissjoni tat evalwazzjoni pożittiva ġenerali tal-istandards ta’ sikurezza attwali tal-UE, iżda enfasizzat il-ħtieġa ta’ titjib ulterjuri sabiex ikun hemm konsistenza aħjar fost l-Istati Membri u allinjament mal-aħjar prattiki internazzjonali. Flimkien mal-Grupp ta’ Regolaturi Ewropew dwar is-Sikurezza Nukleari, il-Kummissjoni fasslet pjanijiet ta’ azzjoni nazzjonali evalwati bejn il-pari biex tiskeda titjib fiżiku tar-reatturi tal-UE.
Fl-2014, ġew aġġornati r-regoli ta’ sikurezza għall-installazzjonijiet nukleari applikabbli fil-livell tal-UE (id-Direttiva tal-Kunsill 2014/87/Euratom). Fi Frar 2015, il-Kummissjoni pproponiet li l-obbligi relatati mal-informazzjoni stabbiliti fl-Artikolu 41 u 44 tat-Trattat Euratom ikunu rieżaminati biex jiġu allinjati mal-iżviluppi politiċi l-ġodda.
Fl-2018, il-Kummissjoni pproponiet regolament tal-Kunsill li jistabbilixxi Strument Ewropew għal Kooperazzjoni Internazzjonali fil-qasam tas-Sikurezza Nukleari (ir-Regolament tal-Kunsill (Euratom) 2021/948), li jissostitwixxi l-Istrument għall-Kooperazzjoni fil-qasam tas-Sikurezza Nukleari u li jikkomplementa l-Istrument għall-Viċinat, għall-Iżvilupp u għall-Kooperazzjoni Internazzjonali fuq il-bażi tat-Trattat Euratom.
F’Ġunju 2021, l-Istrument Ewropew il-ġdid għal Kooperazzjoni Internazzjonali dwar is-Sikurezza Nukleari daħal fis-seħħ b’pakkett finanzjarju ta’ EUR 300 miljun għall-perjodu 2021-2027.
2. Il-protezzjoni mir-radjazzjoni
L-esponiment għar-radjazzjoni jonizzanti jirrappreżenta periklu sinifikanti għas-saħħa tal-bniedem u għall-ambjent. Id-Direttiva tal-Kunsill 2013/59/Euratom ta’ Diċembru 2013 stabbiliet standards bażiċi ta’ sikurezza għall-protezzjoni kontra l-perikli li jirriżultaw mill-esponiment għar-radjazzjoni jonizzanti. Hija ssimplifikat il-leġiżlazzjoni tal-UE billi ssostitwiet ħames direttivi, u introduċiet rekwiżiti vinkolanti għall-protezzjoni mir-radon ġewwa l-bini, l-użu ta’ materjal tal-kostruzzjoni u valutazzjoni tal-impatt ambjentali dwar ir-rimi ta’ effluwenti radjuattivi mill-installazzjonijiet nukleari. Barra minn hekk, id-Direttiva tal-Kunsill 2013/51/Euratom iffokat fuq il-monitoraġġ ta’ sustanzi radjuattivi fl-ilma maħsub għall-konsum mill-bniedem.
Diversi regolamenti (inklużi r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/1158) stabbilew il-kundizzjonijiet li jirregolaw l-importazzjonijiet ta’ prodotti agrikoli li joriġinaw minn pajjiżi mhux tal-UE wara l-inċident fl-impjant tal-enerġija nukleari ta’ Chernobyl. Ir-Regolament tal-Kunsill (Euratom) 2016/52 jistabbilixxi l-livelli massimi permissibbli ta’ kontaminazzjoni radjuattiva ta’ ikel u għalf wara inċident nukleari jew kwalunkwe każ ieħor ta’ emerġenza radjoloġika.
Ir-relazzjonijiet ta’ wara l-Brexit dwar l-enerġija nukleari jaqgħu taħt il-Ftehim Euratom-Renju Unit, li jipprevedi qafas stabbli biex jitkomplew il-kooperazzjoni u l-kummerċ mar-Renju Unit f’dan il-qasam.
3. It-trasport ta’ skart u sustanzi radjuattivi
Fl-1992, ġiet stabbilita sistema ta’ awtorizzazzjoni minn qabel għal vjeġġi ta’ skart radjuattiv u din ġiet emendata b’mod sinifikanti bid-Direttiva tal-Kunsill 2006/117/Euratom ta’ Novembru 2006 dwar is-superviżjoni u l-kontroll ta’ vjeġġi ta’ skart radjuattiv u ta’ kombustibbli nukleari eżawrit. Skont l-Artikolu 20, l-Istati Membri għandhom jirrappurtaw lill-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva kull tliet snin. Ir-regoli biex jinżamm il-kontroll ta’ konsenji ta’ sorsi radjuattivi bejn il-pajjiżi tal-UE ġew stabbiliti fir-Regolament tal-Kunsill (Euratom) Nru 1493/93.
4. Il-ġestjoni tal-iskart
Fl-2011, inħoloq qafas legali għall-ġestjoni tal-iskart fl-UE bid-Direttiva tal-Kunsill 2011/70/Euratom li tistabbilixxi qafas Komunitarju għall-ġestjoni responsabbli u sikura ta’ fjuwil nukleari użat u skart radjuattiv. Il-qafas jipprevedi monitoraġġ mill-qrib tal-programmi nazzjonali għall-kostruzzjoni u għall-ġestjoni tar-repożitorji finali, u standards ta’ sikurezza vinkolanti. L-Istati Membri stabbilew l-ewwel programmi nazzjonali tagħhom fl-2015 u jeħtiġilhom jippreżentaw rapporti nazzjonali kull tliet snin dwar l-implimentazzjoni tad-direttiva.
5. Id-dekummissjonar
Id-dekummissjonar ta’ faċilità nukleari jinvolvi attivitajiet li jvarjaw mill-għeluq tal-impjant u t-tneħħija ta’ materjal nukleari sar-restawr tas-sit u l-eliminazzjoni sħiħa tal-perikli radjoloġiċi, u fl-aħħar mill-aħħar huwa responsabbiltà tal-Istati Membri. F’Ġunju 2018, il-Kummissjoni adottat żewġ proposti għal regolament tal-Kunsill (COM/2018/0466 u COM/2018/0467) li jistabbilixxi programmi finanzjarji ddedikati għad-dekummissjonar ta’ faċilitajiet nukleari u l-ġestjoni ta’ skart radjuattiv li jappartjenu għall-impjanti tal-enerġija nukleari fil-Bulgarija (Kozloduy), is-Slovakkja (Bohunice) u l-Litwanja (Ignalina), inklużi installazzjonijiet ta’ riċerka nukleari f’erba’ siti taċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka tal-Kummissjoni. L-allokazzjoni baġitarja proposta għall-perjodu 2021-2027 ġiet stabbilita għal:
- EUR 466 miljun, b’rata massima ta’ kofinanzjament tal-UE applikabbli għall-perjodu 2021-2027 li ma tkunx ogħla minn 50% għall-programm Kozloduy u għall-programm Bohunice;
- EUR 552 miljun, b’rata massima ta’ kofinanzjament tal-UE applikabbli għall-perjodu 2021-2027 ta’ 86% għall-programm Ignalina.
Ir-Regolamenti tal-Kunsill (Euratom) 2021/100 u (UE) 2021/101 ġew adottati fil-25 ta’ Jannar 2021. Dawn daħlu fis-seħħ fil-21 ta’ Frar 2021 u ilhom japplikaw mill-1 ta’ Jannar 2021.
6. Is-salvagwardji relatati mal-materjal nukleari
Ġew adottati u emendati għadd ta’ regolamenti – bħar-Regolament tal-Kummissjoni (Euratom) Nru 302/2005 – sabiex tiġi stabbilita sistema ta’ salvagwardji li tiżgura li l-materjal nukleari jintuża biss għall-iskopijiet iddikjarati minn min jużah u li l-obbligi internazzjonali jiġu rispettati. Dawn is-salvagwardji jkopru ċ-ċiklu sħiħ tal-fjuwil nukleari, mill-estrazzjoni ta’ materjal nukleari fl-Istati Membri sal-importazzjoni tiegħu minn pajjiżi mhux tal-UE u l-esportazzjoni barra l-UE. Il-Kummissjoni hija responsabbli mill-verifika tal-materjal nukleari ċiviku fl-UE.
B. Ir-riċerka nukleari, attivitajiet ta’ taħriġ u informazzjoni
Ir-riċerka nukleari fl-UE hija ffinanzjata permezz ta’ programmi qafas pluriennali. Il-programm Euratom għall-attivitajiet ta’ riċerka u taħriġ nukleari jikkomplementa l-programm Orizzont 2020 – il-programm qafas tal-UE għar-riċerka u l-innovazzjoni – għad li t-tnejn huma distinti minn xulxin. L-ammont iddedikat għall-programm Euratom għall-perjodu 2021-2025 huwa ta’ EUR 1.38 biljun, maqsum bejn tliet programmi speċifiċi: azzjonijiet indiretti fir-riċerka dwar l-enerġija mill-fużjoni (EUR 583 miljun), fissjoni nukleari u protezzjoni mir-radjazzjoni (EUR 266 miljun) u azzjonijiet diretti meħuda miċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka tal-Kummissjoni (EUR 532 miljun).
Ir-rwol tal-Parlament Ewropew
Ir-rwol tal-Parlament fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet skont it-Trattat Euratom huwa limitat peress li għandu biss setgħat ta’ konsultazzjoni. Madankollu huwa konsistentement għamel enfasi fuq il-ħtieġa li tiġi ċċarata d-distribuzzjoni tar-responsabbiltajiet bejn l-istituzzjonijiet tal-UE u l-Istati Membri u li jissaħħaħ il-qafas tal-UE dwar aspetti differenti tal-installazzjonijiet nukleari, kif ukoll fuq l-importanza li jittejbu r-rekwiżiti relatati mas-sikurezza u l-ħarsien tal-ambjent.
Fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-5 ta’ Lulju 2011 dwar il-prijoritajiet għall-infrastruttura tal-enerġija għall-2020 u lil hinn, il-Parlament esprima l-appoġġ tiegħu għad-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tintroduċi “stress tests” għall-impjanti tal-enerġija nukleari fl-UE. Ir-riżoluzzjoni supplimentari tiegħu tal-14 ta’ Marzu 2013 indikat il-limiti tal-istress tests imwettqa mill-Kummissjoni fl-2012 u talbet li jiddaħħlu kriterji addizzjonali, partikolarment dwar id-deterjorament tal-materjal, l-iżball uman u d-difetti fir-reċipjenti tar-reatturi. Il-Parlament ħeġġeġ implimentazzjoni sħiħa tat-titjib relatat mas-sikurezza.
Fir-riżoluzzjoni tiegħu tat-23 ta’ Ġunju 2011 dwar id-direttiva proposta tal-Kunsill dwar il-ġestjoni ta’ fjuwil użat u skart radjuattiv, adottata fl-ewwel qari, il-Parlament appoġġja l-proposta tal-Kummissjoni għal projbizzjoni totali fuq l-esportazzjoni ta’ skart radjuattiv, filwaqt li l-Kunsill kien favur li l-esportazzjonijiet jitħallew isiru taħt kundizzjonijiet stretti ħafna.
Fl-14 ta’ Marzu 2013, wara d-diżastru ta’ Fukushima, fir-riżoluzzjoni tiegħu dwar il-valutazzjonijiet tar-riskju u tas-sikurezza (“stress tests”) tal-impjanti tal-enerġija nukleari fl-Unjoni Ewropea, il-Parlament appoġġja d-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tirrieżamina l-installazzjonijiet nukleari Ewropej bi stress tests, iżda kkritika l-kamp ta’ applikazzjoni limitat tagħhom u talab li jiġu inklużi kriterji addizzjonali fil-futur.
Fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-24 ta’ Ottubru 2013 dwar il-proposta għal direttiva tal-Kunsill li taġġorna l-istandards bażiċi ta’ sikurezza għall-protezzjoni kontra r-radjazzjoni jonizzanti, adottata fl-ewwel qari, il-Parlament għal darb’oħra talab bidla fil-bażi legali. Huwa estenda l-kamp ta’ applikazzjoni tad-direttiva għal kwalunkwe esponiment għar-radjazzjoni ppjanat, eżistenti, aċċidentali jew f’emerġenza, impona limiti aktar stretti fuq id-dożi ta’ esponiment permissibbli u saħħaħ ukoll il-penali u l-kumpens għad-danni. Tejjeb ukoll is-sistema li biha jiġi infurmat il-pubbliku.
Fil-21 ta’ April 2021, il-Kummissjoni għamlet għadd ta’ emendi għar-Regolament dwar it-Tassonomija tal-UE (ir-Regolament (UE) 2020/852), li daħal fis-seħħ f’Lulju 2020, u li jindika l-inklużjoni tal-enerġija nukleari fit-tassonomija. Ir-regoli, spjegati f’Att Delegat dwar it-Tassonomija tal-UE fir-rigward tal-Klima (ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2021/2139), stabbilew kriterji dettaljati ta’ finanzjament ekoloġiku, iżda ħallew barra l-gass u l-enerġija nukleari għal deċiżjoni separata li għandha tittieħed fi stadju aktar tard mill-Parlament.
Fl-1 ta’ Marzu 2022, fir-riżoluzzjoni tiegħu dwar l-aggressjoni Russa kontra l-Ukrajna, il-Parlament irrifjuta kategorikament ir-“retorika Russa li tagħmel referenza għall-possibbiltà ta’ rikors għal armi ta’ qerda massiva”, filwaqt li fakkar lir-Russja fl-obbligi internazzjonali tagħha u wissa dwar il-perikli ta’ eskalazzjoni nukleari tal-kunflitt.
Fir-riżoluzzjoni tiegħu tas-7 ta’ April 2022 dwar il-konklużjonijiet tal-laqgħa tal-Kunsill Ewropew tal-24 u l-25 ta’ Marzu 2022, inklużi l-aħħar żviluppi tal-gwerra kontra l-Ukrajna u s-sanzjonijiet tal-UE kontra r-Russja u l-implimentazzjoni tagħhom, il-Parlament appella għal miżuri punittivi addizzjonali. Dawn kienu jinkludu “embargo sħiħ immedjat fuq l-importazzjonijiet Russi ta’ żejt, faħam, gass u fjuwil nukleari”, akkumpanjat minn pjan biex tiġi żgurata s-sigurtà tal-provvista tal-enerġija tal-UE, kif ukoll strateġija biex “ineħħu s-sanzjonijiet f’każ li r-Russja tieħu passi biex terġa’ tistabbilixxi l-indipendenza tal-Ukrajna...”. Il-Parlament ikkundanna wkoll il-fatt li l-forzi Russi ħadu f’idejhom faċilitajiet u siti nukleari attivi jew dekummissjonati fit-territorju tal-Ukrajna.
Fil-11 ta’ Lulju 2022, wara li adotta oġġezzjoni għall-Att Delegat Komplementari dwar it-Tassonomija tal-UE fir-rigward tal-Klima, li inkluda, taħt kundizzjonijiet stretti, attivitajiet speċifiċi tal-enerġija nukleari u tal-gass fil-lista ta’ attivitajiet ekonomiċi koperti mit-tassonomija tal-UE, il-Parlament iddeċieda li ma jużax veto għall-proposta tal-Kummissjoni.
In-negozjati interistituzzjonali dwar ir-riforma proposta tad-disinn tas-suq tal-elettriku tal-UE wasslu għal ftehim bejn il-Kunsill u l-Parlament dwar il-kuntratti għad-differenza (CFDs) biex jitħeġġu l-investimenti fl-enerġija. Bħala parti minn dawn is-CFDs, l-awtoritajiet pubbliċi se jikkumpensaw lill-produtturi tal-enerġija jekk il-prezzijiet tas-suq jaqgħu b’mod qawwi wisq, iżda jiġbru l-pagamenti minnhom jekk il-prezzijiet ikunu għoljin wisq. Is-CFDs jistgħu jintużaw għall-investimenti kollha fil-produzzjoni l-ġdida tal-elettriku, kemm mill-enerġija rinnovabbli kif ukoll minn dik nukleari. Il-Parlament adotta dan il-qbil waqt is-sessjoni plenarja tiegħu tal-11 ta’ April 2024.
Għal aktar informazzjoni dwar dan is-suġġett, jekk jogħġbok ara s-sit web tal-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija.
Corinne Cordina