L-aġenda diġitali għall-Ewropa

Il-pjattaformi tas-servizzi diġitali u t-teknoloġiji emerġenti bħall-intelliġenza artifiċjali jinfluwenzaw bil-kbir l-ambjent soċjali tagħna. Dawn l-innovazzjonijiet iddefinew mill-ġdid il-mod kif nikkomunikaw, nixtru u naċċessaw l-informazzjoni online, u dan jagħmilhom essenzjali għall-ħajja ta’ kuljum. L-aġenda diġitali Ewropea għall-2020-2030 tindirizza dawn il-bidliet. Hija tagħti prijorità lill-istabbiliment ta’ spazji diġitali siguri, l-iżgurar ta’ kompetizzjoni ġusta fis-swieq diġitali u t-tisħiħ tas-sovranità diġitali tal-Ewropa, f’konformità mat-tranżizzjoni doppja ekoloġika u diġitali.

Il-bażi ġuridika

Filwaqt li t-Trattati ma jispeċifikawx dispożizzjonijiet għat-teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni (ICTs), l-UE tista’ taġixxi fi ħdan oqsma ta’ politika, abbażi tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) bħal: l-industrija, il-kompetizzjoni, il-kummerċ, in-networks trans-Ewropej, ir-riċerka, l-enerġija, l-istabbiliment tas-suq uniku, il-moviment liberu tal-merkanzija, il-moviment tal-persuni u s-servizzi, l-edukazzjoni u l-kultura.

L-objettivi

L-UE għandha l-għan li ssaħħaħ lin-negozji u lin-nies f’futur diġitali ċċentrat fuq il-bniedem, sostenibbli u aktar prosperu. Wara l-istrateġija ta’ Liżbona, l-aġenda diġitali għall-Ewropa tal-2010 enfasizzat l-ICTs bħala kruċjali biex jintlaħqu l-objettivi tal-UE. Fl-2015, l-istrateġija tas-suq uniku diġitali kellha l-għan li tiżgura aċċess aħjar għall-prodotti u s-servizzi diġitali madwar l-Ewropa, trawwem kundizzjonijiet ottimali għan-networks u s-servizzi diġitali, u tamplifika l-potenzjal tat-tkabbir tal-ekonomija diġitali. L-istrateġija tal-2020 dwar it-tiswir tal-futur diġitali tal-Ewropa, kellha fil-mira teknoloġiji li kienu ta’ benefiċċju għan-nies, li ppromwovew ekonomija kompetittiva u appoġġjaw soċjetà miftuħa u demokratika. Fl-2021, il-kumpass diġitali stabbilixxa l-għanijiet diġitali tal-UE dwar il-ħiliet, il-gvern, in-negozji u l-infrastruttura għall-2030.

Il-kisbiet

A. L-ewwel aġenda diġitali għall-Ewropa: 2010-2020

L-ewwel aġenda diġitali kisbet bosta objettivi ewlenin:

Biex jinkoraġġixxi l-iżvilupp ta’ networks u servizzi diġitali, il-Parlament saħħaħ il-Korp ta’ Regolaturi Ewropej tal-Komunikazzjonijiet Elettroniċi (BEREC). Dan il-korp irawwem il-kooperazzjoni bejn ir-regolaturi nazzjonali u l-Kummissjoni, jinkoraġġixxi l-aħjar prattiki u jaħdem biex jarmonizza r-regolamenti dwar il-komunikazzjoni (ir-Regolament (UE) 2018/1971).

L-ewwel aġenda diġitali enfasizzat it-tkabbir diġitali permezz tal-promozzjoni tal-ħiliet diġitali, il-computing ta’ prestazzjoni għolja, id-diġitalizzazzjoni tal-industrija, l-iżvilupp tal-IA u l-modernizzazzjoni tas-servizz pubbliku. Barra minn hekk, l-UE stabbiliet regoli dwar l-imblukkar ġeografiku (ir-Regolament (UE) 2018/302) u l-portabbiltà tas-servizzi diġitali (ir-Regolament (UE) 2017/1128), li jippermettu lill-konsumaturi jaċċessaw kontenut online madwar l-UE.

Minbarra l-qafas regolatorju ġdid dwar il-protezzjoni tad-data, l-Unjoni għaddiet numru ta’ liġijiet biex tiffaċilita l-iżvilupp ta’ ekonomija aġli mil-lat ta’ data, fosthom:

  • ir-Regolament dwar il-moviment liberu ta’ data mhux personali (ir-Regolament (UE) 2018/1807), li jippermetti lill-kumpaniji u lill-amministrazzjonijiet pubbliċi jaħżnu u jipproċessaw data mhux personali kull fejn jagħżlu huma;
  • l-Att dwar iċ-Ċibersigurtà (ir-Regolament (UE) 2019/881), li jsaħħaħ l-Aġenzija tal-UE għaċ-Ċibersigurtà u jistabbilixxi qafas ta’ ċertifikazzjoni taċ-ċibersigurtà għall-prodotti u s-servizzi;
  • id-Direttiva dwar id-Data Miftuħa (id-Direttiva (UE) 2019/1024), li tistabbilixxi regoli komuni għal suq Ewropew tad-data miżmuma mill-gvernijiet.

B. It-tieni aġenda diġitali għall-Ewropa: 2020-2030

It-tieni aġenda diġitali indirizzat il-bidliet li ġabu magħhom it-teknoloġiji diġitali u r-rwol vitali tas-servizzi u s-swieq diġitali, b’enfasi fuq l-għanijiet teknoloġiċi u ġeopolitiċi tal-UE. Fil-komunikazzjonijiet tagħha dwar it-tiswir tal-futur diġitali tal-Ewropa u dwar id-deċennju diġitali tal-Ewropa, il-Kummissjoni tat dettalji dwar azzjonijiet għal servizzi u swieq diġitali siguri. Hija tat prijorità lill-computing kwantistiku, lill-istrateġiji tal-blockchain, lill-IA, lis-semikondutturi (l-Att Ewropew dwar iċ-Ċipep), is-sovranità diġitali, iċ-ċibersigurtà, il-5G/6G, l-ispazji Ewropej tad-data u l-istandards teknoloġiċi globali.

F’Marzu 2021, l-UE introduċiet kumpass diġitali li jiddeskrivi erba’ miri għall-2030:

  • Il-ħiliet: Tal-anqas 80% tal-adulti kollha għandu jkollhom ħiliet diġitali bażiċi u għandu jkun hemm 20 miljun speċjalista fl-ICT impjegati fl-UE, b’aktar nisa jidħlu għal impjiegi bħal dawn;
  • In-negozji: 75% tal-kumpaniji għandhom jużaw is-servizzi tal-cloud computing, il-big data u l-IA; aktar minn 90% tal-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju fl-UE għandhom jilħqu tal-anqas livell bażiku ta’ intensità diġitali; u l-għadd ta’ “unicorns” tal-UE (negozji ġodda ta’ valur għoli) għandu jirdoppja;
  • L-infrastruttura: Kull unità domestika fl-UE għandu jkollha konnettività f’gigabit u ż-żoni popolati kollha għandhom ikunu koperti mill-5G; il-produzzjoni ta’ semikondutturi mill-aktar avvanzati u sostenibbli fl-Ewropa għandha tammonta għal 20% tal-produzzjoni dinjija; fl-UE għandhom jiġu installati 10,000 nodu periferiku sigur ħafna u newtrali għall-klima; u l-Ewropa għandu jkollha l-ewwel kompjuter kwantistiku tagħha;
  • Is-servizzi pubbliċi: Is-servizzi pubbliċi ewlenin kollha għandhom ikunu disponibbli online; iċ-ċittadini kollha għandu jkollhom aċċess għar-rekords mediċi elettroniċi tagħhom; u 80% taċ-ċittadini għandhom jużaw soluzzjoni ta’ identità elettronika.

Il-programm Ewropa diġitali, introdott bir-Regolament (UE) 2021/694, huwa inizjattiva tal-UE li talloka €7.5 biljun (2021-2027) għal proġetti tat-teknoloġija diġitali f’oqsma bħas-supercomputing, l-IA, iċ-ċibersigurtà, il-ħiliet diġitali avvanzati u l-integrazzjoni tat-teknoloġija diġitali, appoġġjati minn ċentri tal-innovazzjoni diġitali.

1. Id-data

Il-kondiviżjoni tad-data hija ċentrali għall-viżjoni diġitali tal-Ewropa. Billi l-UE tippromwovi l-innovazzjoni mmexxija mid-data, hija tfittex li żżomm bilanċ mal-privatezza, is-sigurtà, l-etika u s-sikurezza, filwaqt li tagħti ħarsa lejn l-użu u l-kondiviżjoni ta’ data mhux personali għal teknoloġiji u paradigmi tan-negozju ġodda.

L-istrateġija Ewropea għad-data introduċiet l-idea li jkun hemm spazji komuni Ewropej tad-data li jkopru disa’ setturi, u tiżgura li aktar data ssir disponibbli għall-użu fl-ekonomija u fis-soċjetà, filwaqt li l-kumpaniji u l-individwi li jiġġeneraw id-data jinżammu fil-kontroll. Il-qafas regolatorju Ewropew dwar id-data huwa magħmul mir-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data (UE) 2016/679 u d-Direttiva (UE) 2016/680, l-Att Ewropew dwar il-Governanza tad-Data (ir-Regolament (UE) 2022/868) dwar id-disponibbiltà u l-fiduċja tad-data, u l-Att Ewropew dwar id-Data (ir-Regolament (UE) 2023/2854) dwar l-aċċess ġust u d-drittijiet tal-utenti, filwaqt li tiġi żgurata l-protezzjoni tad-data personali.

2. L-intelliġenza artifiċjali

Il-White Paper dwar l-Intelliġenza Artifiċjali ta’ Frar 2020 enfasizzat ir-rwol kruċjali tal-IA fis-soċjetà moderna u antiċipat il-benefiċċji soċjetali u ekonomiċi tagħha fis-setturi kollha. Il-Parlament adotta l-Att dwar l-IA f’Marzu 2024. Dan jissalvagwardja l-intelliġenza artifiċjali bi skop ġenerali, jillimita l-użu ta’ sistemi ta’ identifikazzjoni bijometrika mill-infurzar tal-liġi, jipprojbixxi l-punteġġ għaċ-ċittadini u l-użu tal-IA biex jimmanipulaw jew jisfruttaw il-vulnerabbiltajiet tal-utenti, u jiggarantixxi d-dritt tal-konsumaturi li jressqu lmenti u jirċievu spjegazzjonijiet sinifikanti.

F’Settembru 2022, il-Kummissjoni introduċiet proposta għal direttiva dwar ir-responsabbiltà tal-IA, li tiżgura protezzjoni ugwali għal dawk li ssirilhom ħsara mill-IA. Barra minn hekk, ġiet żvelata proposta għal direttiva ġdida dwar ir-responsabbiltà għall-prodotti biex jiġu indirizzati prodotti diġitali bħall-IA.

3. L-Att dwar is-Servizzi Diġitali u l-Att dwar is-Swieq Diġitali

Il-pedament tal-istrateġija diġitali huwa t-tiswir ta’ suq uniku diġitali aktar sikur u aktar miftuħ li jenfasizza d-drittijiet tal-utenti, u kompetizzjoni kummerċjali ġusta. Dan jinvolvi żewġ pilastri leġiżlattivi: l-Att dwar is-Servizzi Diġitali (DSA) u l-Att dwar is-Swieq Diġitali (DMA), li t-tnejn li huma jimmodernizzaw ir-regolamenti tal-UE dwar is-servizzi diġitali. Adottati mill-koleġiżlaturi fl-2022 u fis-seħħ minn Mejju 2023, dawn joffru sett unifikat ta’ regoli għall-Unjoni kollha. Id-DSA jiddeskrivi r-responsabbiltajiet għas-servizzi intermedjarji, speċjalment il-pjattaformi online. Pjattaformi kbar huma soġġetti għal linji gwida speċifiċi minħabba r-riskji li jippreżentaw b’rabta mat-tixrid ta’ kontenut illegali u ta’ ħsara. Id-DMA jiddeskrivi r-regoli għall-kumpaniji bi status ta’ “gwardjan”, immirati lejn dawk l-aktar suxxettibbli għal prattiki inġusti. Dan jinkludi servizzi bħall-intermedjazzjoni online, in-networks soċjali u l-cloud computing. Filwaqt li tibni fuq id-DSA, il-Kummissjoni pproponiet regolament biex tissimplifika l-ġbir u l-kondiviżjoni tad-data għall-kirjiet ta’ akkomodazzjoni għal żmien qasir. Il-proċedura leġiżlattiva ntemmet b’suċċess bl-iffirmar tal-att finali fil-11 ta’ April 2024.

4. Il-gvern elettroniku, l-identità elettronika u l-euro diġitali

L-aġenda diġitali tenfasizza gvern elettroniku u kooperazzjoni transfruntiera tas-settur pubbliku. F’Marzu 2024, wara l-proposta tal-Kummissjoni f’Novembru 2022, il-Kunsill adotta l-Att dwar Ewropa Interoperabbli (ir-Regolament (UE) 2024/903) biex jissaħħu s-servizzi pubbliċi fl-UE. Dan jistabbilixxi bord għal Ewropa interoperabbli b’rappreżentanti mill-Istati Membri, mill-Kummissjoni u minn korpi oħra tal-UE.

It-tisħiħ tal-fiduċja online huwa kruċjali għat-tkabbir tas-soċjetà u tal-ekonomija. Ir-Regolament (UE) Nru 910/2014 dwar l-identifikazzjoni elettronika jipprovdi qafas għal interazzjonijiet diġitali siguri fost iċ-ċittadini, in-negozji u l-awtoritajiet. Biex isseħħ ħidma favur dawn l-objettivi, fi Frar 2024 il-Parlament adotta qafas għal Identità Diġitali Ewropea bl-għan li 80% taċ-ċittadini tal-UE jkunu jistgħu jaċċessaw servizzi pubbliċi vitali b’mod sigur b’identità diġitali sal-2030. Fit-28 ta’ Ġunju 2023, il-Kummissjoni ppreżentat pakkett leġiżlattiv biex tistabbilixxi forma diġitali ta’ flus tal-bank ċentrali biex tikkomplementa l-forma fiżika tagħhom u stabbiliet ir-regoli u l-kundizzjonijiet għall-użu tagħhom.

5. Iċ-ċibersigurtà

Fl-10 ta’ Novembru 2022, b’rispons għall-aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna, il-Kummissjoni u r-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà introduċew politika tal-UE dwar iċ-ċiberdifiża u pjan ta’ azzjoni dwar il-mobbiltà militari 2.0. It-tnejn għandhom l-għan li jżidu l-investimenti fiċ-ċiberdifiża, itejbu l-kooperazzjoni bejn is-setturi ċibernetiċi militari u ċivili, jiżguraw ġestjoni effiċjenti tal-kriżijiet ċibernetiċi u jsaħħu l-pożizzjoni tal-UE f’teknoloġiji ċibernetiċi kritiċi. Dan isaħħaħ il-Bażi Industrijali u Teknoloġika tad-Difiża Ewropea, li tfittex li toħloq industrija tad-difiża pan-UE integrata. F’Diċembru 2022, id-Direttiva NIS2 (id-Direttiva (UE) 2022/2555) issostitwiet il-predeċessur tagħha, u wessgħet il-firxa tagħha biex tkopri aktar setturi u entitajiet. Barra minn hekk, wara proposta tal-Kummissjoni, f’Diċembru 2023 intlaħaq ftehim informali dwar Att dwar ir-Reżiljenza Ċibernetika biex tissaħħaħ is-sigurtà ta’ diversi prodotti tat-teknoloġija. F’April 2024, il-Parlament adotta l-Att dwar iċ-Ċibersolidarjetà, li għandu l-għan li jsaħħaħ is-solidarjetà fil-livell tal-UE u li jidentifika u jirreaġixxi aħjar għat-theddid u l-inċidenti ċibernetiċi. Il-Parlament u l-Kunsill laħqu wkoll ftehim dwar l-emendar tal-Att dwar iċ-Ċibersigurtà.

6. Il-media u d-demokrazija

F’Diċembru 2020, komunikazzjoni tal-Kummissjoni stabbiliet pjan ta’ azzjoni biex tappoġġja l-irkupru u t-trasformazzjoni tas-settur tal-media tal-Ewropa. Din enfasizzat il-ħtieġa għal aktar appoġġ nazzjonali permezz ta’ pjanijiet ta’ rkupru ta’ wara l-COVID-19 approvati u enfasizzat l-influwenza ta’ tfixkil tal-pjattaformi online globali fuq il-media, speċifikament id-dominanza tagħhom fuq is-swieq tad-data u tar-reklamar. Il-pjan ta’ azzjoni għad-demokrazija Ewropea jikkomplementa l-pjan tal-media msemmi aktar kmieni u jiffoka fuq it-tisħiħ tal-adattament diġitali tas-settur, il-libertà u l-pluraliżmu tal-media u fuq il-ġlieda kontra d-diżinformazzjoni. Jiddiskuti wkoll it-tnaqqis fil-libertà tal-media minħabba theddid dejjem akbar kontra l-ġurnalisti.

7. L-edukazzjoni u l-ħiliet

Lil hinn mir-regolamentazzjoni, l-UE tenfasizza l-edukazzjoni diġitali. Il-pjan ta’ azzjoni għall-edukazzjoni diġitali 2021-2027 jgħin lill-Istati Membri jadattaw is-sistemi edukattivi tagħhom għall-era diġitali. Dan jagħti prijorità lill-ħolqien ta’ ekosistema ta’ edukazzjoni diġitali robusta u t-tisħiħ tal-ħiliet għat-trasformazzjoni diġitali.

8. Il-kundizzjonijiet tax-xogħol fix-xogħol fuq il-pjattaformi

Fid-9 ta’ Diċembru 2021, il-Kummissjoni pproponiet direttiva b’sett ta’ miżuri biex jittejbu l-kundizzjonijiet tax-xogħol fix-xogħol fuq il-pjattaformi. Ir-regoli l-ġodda għandhom l-għan li jirregolaw kif jiġi ddeterminat b’mod korrett l-istatus fl-impjieg tal-ħaddiema tal-pjattaformi u kif il-pjattaformi tax-xogħol diġitali għandhom jużaw l-algoritmi u l-IA biex jimmonitorjaw u jevalwaw il-ħaddiema f’dan is-settur.

9. L-infrastruttura diġitali

Fil-21 ta’ Frar 2024, il-Kummissjoni ppreżentat inizjattivi ġodda għall-infrastruttura diġitali fl-Ewropa, bl-għan li tibda diskussjonijiet dwar proposti konkreti għat-trawwim tal-innovazzjoni, is-sigurtà u r-reżiljenza tal-infrastruttura diġitali.

Ir-rwol tal-Parlament Ewropew

Fir-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta’ Marzu 2019, il-Parlament ħeġġeġ lill-Kummissjoni tivvaluta mill-ġdid il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva dwar is-Sigurtà tan-Networks u l-Informazzjoni u tindirizza t-theddid għad-diġitalizzazzjoni, filwaqt li appella għal allinjament ma’ politika msaħħa tal-UE dwar iċ-ċibersigurtà u għal rwol akbar għall-Aġenzija tal-UE għaċ-Ċibersigurtà.

Fl-20 ta’ Ottubru 2020, il-Parlament adotta tliet riżoluzzjonijiet dwar l-IA li jindirizzaw l-etika, ir-responsabbiltà ċivili u l-proprjetà intellettwali, u appella għal qafas legali Ewropew għal IA bbażata fuq l-etika. Biex javvanza s-suq uniku diġitali (DSM), il-Parlament adotta riżoluzzjoni dwar id-DSA. Huwa ssuġġerixxa li l-pakkett leġiżlattiv isaħħaħ is-suq intern, jiggarantixxi l-protezzjoni tal-konsumatur, jiżgura parità fl-illegalità offline u online, iżomm it-trasparenza, jirrispetta d-drittijiet u jinkludi entitajiet mhux tal-UE li jaffettwaw lill-konsumaturi tal-UE. Huwa appella wkoll għal aktar ġustizzja, trasparenza u responsabbiltà għall-moderazzjoni tal-kontenut tas-servizzi diġitali. Ir-riżoluzzjoni kienet ibbażata fuq ir-riċerka, workshop u sensiela ta’ studji kkummissjonati mill-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur. L-allinjament tal-proposti tad-DSA u tad-DMA mar-riżoluzzjoni tal-Parlament juri li l-Parlament jista’ jinfluwenza l-aġenda leġiżlattiva, anke mingħajr dritt formali ta’ inizjattiva leġiżlattiva.

Fl-20 ta’ Mejju 2021, fir-riżoluzzjoni tiegħu dwar it-tiswir tal-futur diġitali tal-Ewropa, il-Parlament talab li jitneħħa kwalunkwe ostaklu għall-funzjonament tad-DSM u li jittejjeb l-użu tal-IA għall-konsumaturi Ewropej.

Fit-12 ta’ Diċembru 2023, il-Parlament appella għal projbizzjoni ta’ tekniki ta’ dipendenza fit-tfassil ta’ servizzi online, bħal skrolljar kontinwu jew autoplay. Xi Membri tal-PE riedu jintroduċu wkoll “dritt li ma tiġix disturbat” diġitali flimkien ma’ lista ta’ prattiki tajba ta’ disinn.

Fit-13 ta’ Diċembru 2023, il-Membri tal-PE ssottolinjaw il-ħtieġa li jiġu vvalutati mill-ġdid ir-regoli tal-UE dwar l-imblukkar ġeografiku biex jitneħħa kwalunkwe ostaklu li fadal u jintlaħaq il-potenzjal sħiħ tas-suq uniku.

Fit-13 ta’ Marzu 2024, skont il-pjan ta’ azzjoni Ewropew għad-demokrazija, il-Parlament approva liġi dwar il-libertà u l-pluraliżmu tal-media, li ttejjeb il-protezzjoni tal-indipendenza tal-media, u liġi oħra dwar it-trasparenza tal-proċessi demokratiċi, li tirregola r-reklamar politiku.

Għal aktar informazzjoni dwar dan is-suġġett, jekk jogħġbok żur is-siti web tal-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur u l-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija.

 

Alyssia Petit / Zuzanna Wala / Matteo Ciucci / Barbara Martinello