L-industrija tad-difiża
L-industrija tad-difiża tal-UE hija kkaratterizzata minn komponenti ekonomiċi u teknoloġiċi li jirrappreżentaw fatturi importanti għall-kompetittività industrijali tal-Ewropa. L-Aġenzija Ewropea għad-Difiża tappoġġja lill-Istati Membri fit-titjib tal-kapaċitajiet ta’ difiża tagħhom u tikkontribwixxi għall-iżvilupp tal-industrija tad-difiża tagħhom. Dan l-aħħar is-settur iddeċieda li jindirizza wħud mill-isfidi ewlenin tiegħu, fosthom il-frammentazzjoni tas-suq u l-livelli baxxi ta’ nfiq, billi jsaħħaħ l-akkwist komuni u jżid in-nefqa fuq id-difiża.
Il-bażi legali
L-azzjoni tal-UE f’dan il-qasam trid tkun ibbażata fuq l-Artikolu 352 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE). Filwaqt li l-Artikolu 173 tat-TFUE jipprovdi bażi legali għall-politika industrijali tal-UE, il-progress lejn l-applikazzjoni tar-regoli tas-suq intern fis-suq tat-tagħmir għad-difiża ġie limitat mill-Artikolu 346(1) tat-TFUE li jistabbilixxi li “kull Stat Membru jista’ jieħu l-miżuri li jikkunsidra meħtieġa sabiex jipproteġi l-interessi vitali tas-sigurtà tiegħu, u li jkollhom x’jaqsmu mal-manifattura jew tal-kummerċ tal-armi, munizzjon u materjal tal-gwerra”.
L-objettivi
L-industrija tad-difiża kienet importanti għall-UE minħabba l-aspetti tal-politika teknoloġika u ekonomika tagħha. Il-kompetittività tal-industrija tad-difiża Ewropea hija vitali għall-kredibbiltà tal-politika ta’ sigurtà u ta’ difiża komuni (PSDK). Huwa importanti li l-Istati Membri jikkooperaw ma’ xulxin sabiex jintemmu politiki u prattiki li ma jħallux lill-impriżi tad-difiża Ewropej jaħdmu flimkien b’aktar effiċjenza.
Il-kisbiet
Bħal kull attività industrijali oħra, l-industrija tad-difiża tal-UE jeħtieġ li tkun aktar effiċjenti sabiex toffri lill-klijenti tagħha valur għall-flus u, fl-istess ħin, tħares l-interessi tal-azzjonisti tagħha.
A. L-isfond
1. Il-politika ta’ riċerka u żvilupp
Il-finanzjament tar-riċerka tal-UE huwa mmirat prinċipalment lejn objettivi ċivili. Madankollu, uħud mill-oqsma teknoloġiċi koperti – pereżempju materjali jew teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni – jistgħu jikkontribwixxu għat-titjib tal-bażi teknoloġika fil-qasam tad-difiża u l-kompetittività tal-industrija. Għaldaqstant, meta jkun possibbli, il-ħtiġijiet tal-industrija tad-difiża għandhom ikunu riflessi fl-implimentazzjoni tal-politika tar-riċerka tal-UE. Waqt il-laqgħa tiegħu ta’ Diċembru 2013, il-Kunsill Ewropew stieden lill-Istati Membri jżidu l-investimenti fil-programmi kooperattivi marbuta mar-riċerka u appella wkoll lill-Kummissjoni biex, flimkien mal-Aġenzija Ewropea għad-Difiża (EDA), tiżviluppa proposti maħsuba biex ikomplu jistimolaw ir-riċerka għal użu doppju (ċivili u militari). Fl-2015, l-Istati Membri ddeċidew li jimxu minn riċerka ffukata esklużivament fuq użu ċivili u doppju lejn programm Ewropew uniku ddedikat għar-riċerka fil-qasam tad-difiża.
2. L-esportazzjonijiet
Fl-2008, il-Kunsill adotta l-Pożizzjoni Komuni 2008/944/PESK (il-PK), li tiddefinixxi regoli komuni li jirregolaw il-kontroll ta’ esportazzjonijiet ta’ teknoloġija u tagħmir militari. Din il-PK tagħmel lill-UE l-unika organizzazzjoni reġjonali li stabbiliet ftehim ġuridikament vinkolanti dwar l-esportazzjonijiet ta’ armi konvenzjonali. L-għan tagħha kien li tiżdied il-konverġenza tal-politiki tal-Istati Membri ta’ kontroll tal-esportazzjonijiet ta’ armi, li fl-aħħar mill-aħħar, jibqgħu qasam ta’ kompetenza nazzjonali. Ir-reġim tal-UE għall-kontroll tal-esportazzjonijiet innifsu huwa rregolat bir-Regolament (KE) Nru 428/2009 li jagħti dettalji dwar regoli komuni ta’ kontroll tal-UE u lista komuni tal-UE ta’ oġġetti b’użu doppju u jipprevedi koordinament u kooperazzjoni bħala sostenn għal implimentazzjoni u infurzar konsistenti fl-UE kollha. F’Settembru 2016, il-Kummissjoni adottat proposta maħsuba biex timmodernizza r-Regolament (KE) Nru 428/2009 fis-seħħ u ssaħħaħ il-kontrolli tal-esportazzjonijiet ta’ oġġetti b’użu doppju.
B. Il-politika tal-UE dwar l-industrija tad-difiża
1. Lejn suq Ewropew tat-tagħmir għad-difiża
F’Settembru 2004, il-Kummissjoni ppreżentat Green Paper dwar l-akkwist pubbliku fil-qasam tad-difiża (COM(2004)0608), bil-għan li tikkontribwixxi għall-ħolqien gradwali ta’ suq Ewropew tat-tagħmir għad-difiża bejn l-Istati Membri. Il-Green Paper ifformat parti mill-istrateġija “Lejn Politika tal-Unjoni Ewropea dwar it-Tagħmir għad-Difiża” tal-2003. L-għan kien li titjieb l-effiċjenza tal-użu tar-riżorsi fil-qasam tad-difiża u tiżdied il-kompetittività tal-industrija fl-Ewropa, kif ukoll li tingħata għajnuna biex isir titjib fit-tagħmir militari fil-kuntest tal-politika Ewropea ta’ sigurtà u difiża.
Fl-2007, l-Istati Membri qablu li jsaħħu l-iżvilupp tal-bażi teknoloġika u industrijali tad-difiża Ewropea bl-għajnuna ta’ strateġija ddedikata. F’Lulju 2006 tnieda r-Reġim Intergovernattiv għall-inkoraġġiment tal-kompetizzjoni fis-suq Ewropew tat-tagħmir għad-difiża. Dan ir-reġim intergovernattiv volontarju jopera abbażi tal-Kodiċi ta’ Kondotta dwar l-Akkwist Pubbliku fil-Qasam tad-Difiża ta’ Novembru 2005, li huwa appoġġjat minn sistema ta’ rapportar u monitoraġġ li tgħin sabiex jiġu żgurati trasparenza u responsabbiltà bejn l-Istati Membri. Element importanti ieħor huwa l-Kodiċi tal-Aħjar Prattika fil-Katina tal-Provvista ta’ Mejju 2005.
L-istandardizzazzjoni tat-tagħmir għad-difiża hija importanti għall-integrazzjoni tas-swieq nazzjonali. Ittieħdu passi bit-tnedija ta’ portal tas-Sistema Ewropea ta’ Referenza għall-Istandards fis-settur tad-Difiża (EDSTAR) fl-2012. L-EDSTAR segwiet l-istabbiliment tas-Sistema Ewropea ta’ Informazzjoni dwar l-Istandardizzazzjoni fis-settur tad-Difiża (EDSIS), li hija portal immirat lejn standardizzazzjoni aktar komprensiva tal-materjal tad-difiża Ewropew bil-għan li jiġu ppubbliċizzati standards tal-materjali li jkunu se jiġu żviluppati jew sottoposti għal modifika sostanzjali.
F’Lulju 2013, il-Kummissjoni adottat komunikazzjoni li tinkludi pjan ta’ azzjoni biex jiżdiedu l-effiċjenza u l-kompetittività tal-industrija tad-difiża Ewropea, (COM(2013)0542). Il-komunikazzjoni ħabbret l-istabbiliment ta’ mekkaniżmu ta’ monitoraġġ tas-suq relatat mal-akkwist fil-qasam tad-difiża.
2. L-akkwist pubbliku fil-qasam tad-difiża u t-trasferimenti intra-UE ta’ prodotti relatati mad-difiża
Permezz tad-Direttiva 2009/43/KE dwar trasferimenti intra-UE ta’ prodotti relatati mad-difiża u tad-Direttiva 2009/81/KE dwar l-akkwist fil-qasam tad-difiża u s-sigurtà, l-UE stabbiliet linji gwida rilevanti bil-għan li toħloq qafas tal-UE f’dan il-qasam.
Id-Direttiva 2009/43/KE ssimplifikat u armonizzat il-kundizzjonijiet u l-proċeduri għat-trasferimenti ta’ tali prodotti fl-UE. Ħolqot sistema uniformi u trasparenti ta’ liċenzji (ġenerali, globali u individwali) u ppermettiet lill-impriżi meqjusin affidabbli jwettqu trasferimenti b’liċenzji ġenerali. L-intenzjoni kienet li l-liċenzja individwali ssir eċċezzjoni u tkun limitata biss għal każijiet li jistgħu jiġu ġġustifikati b’mod ċar.
Id-Direttiva 2009/81/KE introduċiet regoli għall-akkwist pubbliku fil-qasam tad-difiża, li kellhom l-għan li jiffaċilitaw l-aċċess tal-impriżi tad-difiża għas-swieq tad-difiża ta’ Stati Membri oħra. Din tipprevedi proċedura nnegozjata bil-pubblikazzjoni minn qabel bħala l-proċedura standard, u b’hekk tippermetti aktar flessibbiltà, regoli speċifiċi dwar is-sigurtà ta’ informazzjoni sensittiva, klawżoli dwar is-sigurtà tal-provvista u regoli speċifiċi dwar is-sottokuntrattar. Madankollu, l-Istati Membri jistgħu jeżentaw il-kuntratti ta’ difiża u sigurtà jekk dan ikun meħtieġ għall-protezzjoni tal-interessi essenzjali ta’ sigurtà tagħhom (l-Artikolu 346 tat-TFUE).
F’Ġunju 2021, l-UE nediet analiżi tal-futur tas-sigurtà u d-difiża Ewropea. Dan il-proċess wassal għall-ħolqien tal-Boxxla Strateġika, dokument ta’ politika li jistabbilixxi l-istrateġija ta’ sigurtà u difiża tal-UE matul il-ħames sa għaxar snin li ġejjin.
L-invażjoni tal-Ukrajna mir-Russja kellha implikazzjonijiet sinifikanti għad-difiża Ewropea. Fi Frar 2022, il-Kummissjoni ppubblikat pjan direzzjonali dwar it-teknoloġiji kritiċi għas-sigurtà u d-difiża (COM(2022)0061). F’Marzu 2022, il-Kunsill irreveda b’mod sinifikanti l-Boxxla Strateġika biex iqis id-destabbilizzazzjoni tal-ordni ta’ sigurtà Ewropew u l-bidla sussegwenti tal-pożizzjoni, l-ambizzjoni u l-għodod tal-UE fil-qasam tad-difiża. (Ara 5.1.2)
Il-Kummissjoni ppubblikat proposta għal regolament dwar l-istabbiliment tal-Att dwar it-Tisħiħ tal-Industrija Ewropea tad-Difiża permezz tal-Akkwist Komuni (EDIRPA) (COM(2022)0349) f’Lulju 2022. Dan huwa strument finanzjarju fuq terminu qasir biex jinċentiva, għall-ewwel darba, l-akkwist konġunt fil-qasam tad-difiża fost l-Istati Membri.
3. L-Aġenzija Ewropea għad-Difiża
L-Aġenzija Ewropea għad-Difiża (EDA) ġiet stabbilita f’Lulju 2004 fl-ambitu ta’ azzjoni konġunta tal-Kunsill tal-Ministri għall-iżvilupp tal-kapaċitajiet ta’ difiża, il-promozzjoni u t-tisħiħ tal-kooperazzjoni Ewropea fl-armamenti, it-tisħiħ tal-bażi teknoloġika u industrijali tad-difiża Ewropea, il-ħolqien ta’ suq Ewropew tat-tagħmir tad-difiża kompetittiv fuq livell internazzjonali, u t-tisħiħ tal-effikaċja tar-riċerka u t-teknoloġija tad-difiża Ewropea. L-azzjoni konġunta tal-2004 l-ewwel ġiet sostitwita b’deċiżjoni tal-Kunsill f’Lulju 2011 u mbagħad ġiet riveduta f’Ottubru 2015 bid-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2015/1835 dwar l-istatut, is-sede u r-regoli operazzjonali tal-EDA.
4. Il-programm Ewropew ta’ riċerka fil-qasam tad-difiża
Minkejja l-isforzi biex jinħoloq qafas komuni għall-politika tad-difiża Ewropea, ir-riċerka Ewropea fil-qasam tad-difiża, fit-totalità tagħha, naqset drastikament mill-2006. Fl-2015, l-Istati Membri qablu li jimxu progressivament minn riċerka ffukata esklużivament fuq użu ċivili u doppju f’Orizzont 2020 lejn programm Ewropew dedikat għar-riċerka fil-qasam tad-difiża, iffinanzjat mill-baġit tal-UE mill-2021, bħala parti mill-Fond Ewropew għad-Difiża (EDF).
F’Novembru 2016, il-Kummissjoni ppubblikat il-pjan ta’ azzjoni Ewropew għad-difiża, (COM(2016)0950), li fih ipproponiet l-istabbiliment tal-EDF u azzjonijiet oħra biex tittejjeb l-effiċjenza tal-infiq tal-Istati Membri fuq kapaċitajiet konġunti ta’ difiża u titrawwem bażi industrijali kompetittiva u innovattiva. L-EDF kien antiċipat mill-Azzjoni Preparatorja fuq ir-Riċerka dwar id-Difiża (PADR), b’baġit ta’ EUR 90 miljun għall-perjodu 2017-2019, u l-Programm Ewropew għall-Iżvilupp fl-Industrija tad-Difiża (EDIDP), b’baġit ta’ EUR 500 miljun għall-perjodu 2019-2020. L-EDF sar operattiv fl-1 ta’ Jannar 2021 b’baġit totali miftiehem ta’ kważi EUR 8 biljun għall-perjodu 2021-2027 (Regolament (UE) 2021/697).
5. L-Istrateġija għall-Industrija tad-Difiża Ewropea
L-ewwel Strateġija għall-Industrija tad-Difiża Ewropea (EDIS) li qatt saret ġiet ippreżentata fil-5 ta’ Marzu 2024 bl-għan li jiżdied l-infiq għad-difiża, jittejjeb l-akkwist konġunt, tingħata prevedibbiltà lill-industrija tad-difiża u tissaħħaħ l-interoperabbiltà bejn il-forzi armati tal-Ewropa, biex b’hekk tissaħħaħ il-kooperazzjoni mal-industriji tad-difiża Ukreni. Il-proposta leġiżlattiva għal regolament li jistabbilixxi Programm għall-Industrija tad-Difiża Ewropea (EDIP) u qafas ta’ miżuri biex jiġu żgurati d-disponibbiltà u l-provvista f’waqthom tal-prodotti tad-difiża hija pass kruċjali fit-twettiq ta’ din l-istrateġija. L-EDIP għandu jimmobilizza EUR 1.5 biljun mill-baġit tal-UE matul il-perjodu 2025-2027, biex ikompli jsaħħaħ il-kompetittività tal-bażi teknoloġika u industrijali tad-difiża tal-UE.
Ir-rwol tal-Parlament Ewropew
Il-Parlament appella għall-ħolqien ta’ aġenzija Ewropea tal-armamenti u għall-istandardizzazzjoni fid-difiża fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta’ April 2002. Ir-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta’ Novembru 2005 dwar il-Green Paper dwar l-akkwist pubbliku fil-qasam tad-difiża ħeġġet l-isforzi tal-Kummissjoni biex tikkontribwixxi għall-ħolqien gradwali ta’ suq Ewropew tat-tagħmir għad-difiża.
Fir-riżoluzzjoni tiegħu tat-22 ta’ Novembru 2012 dwar l-implimentazzjoni tal-PSDK, il-Parlament insista fuq il-fatt li t-tisħiħ tal-kapaċitajiet Ewropej għandu jissarraf ukoll fil-konsolidament tal-bażi industrijali u teknoloġika tal-industrija tad-difiża Ewropea.
Il-Parlament appella għat-tisħiħ tal-kooperazzjoni industrijali Ewropea, u saħaq fuq il-ħtieġa li jiġu appoġġjati l-missjonijiet tal-PSDK permezz tar-riċerka u l-iżvilupp Ewropej bl-użu tal-programm ta’ riċerka Orizzont 2020 fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-21 ta’ Novembru 2013 dwar il-bażi industrijali u teknoloġika tad-difiża Ewropea.
F’żewġ riżoluzzjonijiet adottati f’Mejju 2015 u f’April 2016, il-Parlament appella għal politika estera u ta’ sigurtà Ewropea effikaċi u ambizzjuża, u ħeġġeġ lill-Istati Membri jiddefinixxu l-objettivi tal-politika abbażi ta’ interessi komuni. Il-Parlament ippropona li titnieda b’urġenza Unjoni Ewropea tad-Difiża fir-riżoluzzjoni tiegħu tat-22 ta’ Novembru 2016.
Fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta’ Marzu 2021 dwar l-akkwist pubbliku fl-oqsma tad-difiża u tas-sigurtà u t-trasferiment ta’ prodotti relatati mad-difiża, il-Parlament stieden lill-Kummissjoni ttejjeb l-aċċess tal-SMEs għall-finanzi. Stieden ukoll lill-Istati Membri jsaħħu l-akkwist pubbliku fil-qasam tad-difiża intra-UE u l-kooperazzjoni fir-riċerka u l-iżvilupp, u jagħtu spinta lill-interoperabbiltà bejn il-militari tagħhom.
Il-Parlament appella għal aktar kontribuzzjonijiet lejn it-tisħiħ tal-kapaċitajiet ta’ difiża tal-Ukrajna fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-1 ta’ Marzu 2022 dwar l-aggressjoni Russa kontra l-Ukrajna. L-Istati Membri ntalbu jħaffu l-forniment ta’ armi difensivi lill-Ukrajna bħala risposta għal ħtiġijiet identifikati b’mod ċar.
F’Settembru 2023, il-Parlament adotta pożizzjoni dwar il-proposta għal regolament dwar l-EDIRPA. Il-koleġiżlaturi qablu, fost affarijiet oħra, li l-istrument jasal fi tmiemu f’Diċembru 2025 u mhux fl-2024 u jkollu baġit ta’ EUR 300 miljun.
Fir-riżoluzzjoni tiegħu tad-9 ta’ Mejju 2023 dwar teknoloġiji kritiċi għas-sigurtà u d-difiża, il-Parlament laqa’ l-istabbiliment min-naħa tal-Kummissjoni ta’ osservatorju tat-teknoloġiji kritiċi u ssottolinja l-bżonn li jonqsu d-dipendenzi fir-rigward tal-provvista tal-materjali kritiċi, li jitrawmu l-investimenti għall-innovazzjoni u l-iżvilupp, li tingħata prijorità lill-proġetti konġunti ffinanzjati mill-UE u kofinanzjati u li jiżdied il-finanzjament.
Għal aktar informazzjoni dwar dan is-suġġett, jekk jogħġbok żur is-sit web tal-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija.
Corinne Cordina