Il-politika tal-innovazzjoni
L-innovazzjoni għandha rwol dejjem aktar importanti fl-ekonomija tagħna. Minbarra li hija ta’ benefiċċju għall-konsumaturi u l-ħaddiema tal-UE, hija essenzjali biex jinħolqu impjiegi aħjar, tinbena soċjetà aktar ekoloġika, u tittejjeb il-kwalità tal-ħajja tagħna. Hija wkoll kruċjali biex tinżamm il-kompetittività tal-UE fis-swieq globali. Il-politika tal-innovazzjoni hija l-interfaċċja bejn il-politika tar-riċerka u l-iżvilupp teknoloġiku u l-politika industrijali. Għandha l-għan li toħloq qafas li jwassal biex l-ideat jinġiebu fis-suq.
Il-bażi ġuridika
L-Artikolu 173 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), li jiddikjara li “l-Unjoni u l-Istati Membri għandhom jiżguraw li jeżistu l-kondizzjonijiet neċessarji għall-kompetittività tal-industrija tal-Unjoni”.
L-Artikoli 179 sa 190 tat-TFUE jirregolaw ir-riċerka u l-iżvilupp teknoloġiku (RŻT) u l-politika spazjali tal-Unjoni. L-istrument ewlieni tal-politika tar-RŻT huwa l-programm qafas pluriennali, li jiddefinixxi l-objettivi, il-prijoritajiet u l-pakkett ta’ appoġġ finanzjarju. Il-programmi qafas RŻT jiġu adottati mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill b’konsultazzjoni minn qabel mal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew.
L-objettivi
L-importanza tal-politika tal-innovazzjoni hija rikonoxxuta b’mod wiesa’ u hija marbuta mill-qrib ma’ politiki oħra tal-UE, bħal dawk dwar l-impjiegi, il-kompetittività, il-klima u l-ambjent, l-industrija u l-enerġija. Ir-rwol tal-innovazzjoni huwa li tikkonverti r-riżultati tar-riċerka f’servizzi u prodotti ġodda u aħjar sabiex tinżamm il-kompetittività fis-suq globali u tittejjeb il-kwalità tal-ħajja tal-persuni.
L-UE tonfoq perċentwal iżgħar tal-PDG annwali (2.2% fl-2022) mill-Istati Uniti (3.5% fl-2022) u mir-Repubblika tal-Korea (4.9% fl-2022) fuq ir-riċerka u l-iżvilupp (R&Ż). Barra minn hekk, hemm effett ta’ eżodu tal-imħuħ, peress li ħafna mill-aqwa riċerkaturi u innovaturi tal-UE qed imorru jgħixu f’pajjiżi fejn il-kundizzjonijiet huma aktar favorevoli. Is-suq tal-UE għadu frammentat u ma jiffavorixxix biżżejjed l-innovazzjoni. Sabiex tibdel dawn ix-xejriet, l-UE żviluppat il-kunċett ta’ “Unjoni tal-Innovazzjoni”, bil-għan li:
- l-UE ssir attur bi prestazzjoni fix-xjenza ta’ kalibru dinji;
- tneħħi l-ostakli għall-innovazzjoni – bħall-ispejjeż għolja tal-ħruġ ta’ privattivi, il-frammentazzjoni tas-suq, il-fatt li l-istandards jiġu stabbiliti bil-mod u n-nuqqas ta’ ħiliet – li jimpedixxu li l-ideat jaslu malajr fis-suq;
- tibdel b’mod drastiku l-mod li bih is-setturi pubbliċi u privati jaħdmu flimkien, prinċipalment permezz tal-implimentazzjoni ta’ sħubijiet Ewropej għall-innovazzjoni bejn l-istituzzjonijiet tal-UE, l-awtoritajiet nazzjonali u reġjonali u n-negozji.
Il-kisbiet
A. Unjoni tal-Innovazzjoni
L-Unjoni tal-Innovazzjoni kienet waħda mis-seba’ inizjattivi ewlenin tal-istrateġija Ewropa 2020 għal ekonomija intelliġenti, sostenibbli u inklużiva. Imnedija mill-Kummissjoni fl-2010, kellha l-għan li toħloq suq uniku Ewropew ġenwin għall-innovazzjoni. Sabiex jintlaħaq dan il-għan, kienu ġew proposti diversi miżuri fl-oqsma tal-ħarsien tal-privattivi, l-istandardizzazzjoni, l-akkwist pubbliku u r-regolamentazzjoni intelliġenti. Ġew introdotti bosta strumenti sabiex jitkejlu u jiġu ssorveljati s-sitwazzjoni fl-UE kollha u l-progress miksub, inklużi:
- tabella ta’ valutazzjoni komprensiva għall-innovazzjoni fl-UE bbażata fuq 32 indikatur u suq Ewropew tal-għarfien għall-privattivi u l-liċenzjar. It-Tabella ta’ Valutazzjoni tal-Innovazzjoni Ewropea (EIS) hija strument tal-Kummissjoni żviluppat fl-ambitu tal-Istrateġija ta’ Liżbona biex tiġi pprovduta valutazzjoni komparattiva tal-prestazzjoni tal-innovazzjoni tal-Istati Membri tal-UE, tal-pajjiżi Ewropej oħra, u tal-ġirien reġjonali;
- tabella ta’ valutazzjoni tal-innovazzjoni reġjonali, li tikklassifika r-reġjuni tal-UE f’erba’ gruppi ta’ prestazzjoni tal-innovazzjoni: “mexxejja tal-innovazzjoni”, “innovaturi b’saħħithom”, “innovaturi moderati” u “innovaturi emerġenti”. Din tipprovdi mmappjar iżjed dettaljat tal-innovazzjoni fil-livell lokali.
L-Unjoni tal-Innovazzjoni pproponiet ukoll miżuri biex titlesta ż-Żona Ewropea tar-Riċerka biex tiġi żgurata konsistenza aħjar bejn il-politiki tal-UE u dawk nazzjonali dwar ir-riċerka, u biex jitneħħew l-ostakli għall-mobbiltà tar-riċerkaturi. Fl-edukazzjoni, il-Kummissjoni tappoġġja proġetti għall-iżvilupp ta’ kurrikuli ġodda li jindirizzaw in-nuqqasijiet fil-ħiliet ta’ innovazzjoni.
B. Orizzont 2020 u Orizzont Ewropa
Bħala inizjattiva ewlenija ta’ Ewropa 2020 bil-għan li tiġi ggarantita l-kompetittività globali tal-UE, Orizzont 2020, b’baġit ta’ EUR 74.8 biljun (aġġustat fl-2015), kien l-istrument finanzjarju li kellu jipprovdi l-appoġġ għall-implimentazzjoni tal-Unjoni tal-Innovazzjoni. Għalkemm dan kien it-tmien programm qafas tal-UE (2014-2020) għar-riċerka, Orizzont 2020 kien l-ewwel programm li integra r-riċerka u l-innovazzjoni.
Il-programm Orizzont Ewropa ġie stabbilit bir-Regolament (UE) 2021/695, li jistabbilixxi l-objettivi tal-programm għall-perjodu mill-2021 sal-2027, il-forom ta’ finanzjament tal-UE u r-regoli għall-għoti ta’ tali finanzjament.
Ir-reviżjoni ta’ nofs it-terminu tal-baġit fit-tul tal-UE – il-qafas finanzjarju pluriennali (QFP) – għas-snin 2021-2027 rat emendi rigward l-għajnuna lill-Ukrajna kif ukoll żieda fil-Fond Ewropew għad-Difiża u l-ħolqien tal-Pjattaforma tat-Teknoloġiji Strateġiċi għall-Ewropa (STEP). B’riżultat ta’ dan, il-baġit ta’ Orizzont Ewropa tnaqqas mis-somma inizjali ta’ EUR 95.5 biljun għal EUR 93.4 biljun, b’effett mill-2025.
It-tieni pjan strateġiku ta’ Orizzont Ewropa għall-2025-2027, adottat f’Marzu 2024, jiddeskrivi tliet oqsma ta’ prijorità ewlenin: 1) it-tranżizzjoni ekoloġika; 2) it-tranżizzjoni diġitali u 3) Ewropa aktar reżiljenti, kompetittiva, inklużiva u demokratika. Barra minn hekk, l-awtonomija strateġika miftuħa u l-iżgurar tar-rwol ewlieni tal-Ewropa fl-iżvilupp u l-użu ta’ teknoloġiji kritiċi huma prinċipji ġenerali li jiggwidaw l-investimenti fit-tliet oqsma.
C. Il-politika ta’ koeżjoni
Il-politika ta’ koeżjoni tiffoka wkoll fuq ir-riċerka u l-innovazzjoni. F’reġjuni aktar żviluppati, mill-inqas 85% tar-riżorsi mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali fil-livell nazzjonali jiġu allokati għal objettivi relatati mal-innovazzjoni, u l-prijoritajiet tal-2021-2027 huma l-investimenti f’Ewropa aktar intelliġenti, aktar ekoloġika, aktar konnessa u aktar soċjali li tkun eqreb taċ-ċittadini tagħha.
D. L-istrumenti finanzjarji
L-Unjoni tal-Innovazzjoni kellha wkoll l-għan li tistimula l-investiment tas-settur privat. Għalhekk, fost affarijiet oħra, ipproponiet żieda fl-investimenti ta’ kapital ta’ riskju fi ħdan l-UE. Sabiex jittejjeb l-aċċess għas-self għal proġetti tar-R&Ż u jitnedew proġetti ta’ dimostrazzjoni, il-Kummissjoni, f’kooperazzjoni mal-Grupp tal-Bank Ewropew tal-Investiment (il-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) u l-Fond Ewropew tal-Investiment), nediet inizjattiva konġunta fl-ambitu ta’ Orizzont 2020. Din l-inizjattiva, “InnovFin – Finanzi tal-UE għall-Innovaturi”, kienet tikkonsisti f’serje ta’ għodod ta’ finanzjament integrati u komplementari u servizzi ta’ konsulenza offruti mill-Grupp tal-BEI, li kienet tkopri l-katina kollha tal-valur tar-riċerka u l-innovazzjoni sabiex jiġu appoġġjati l-investimenti mill-iżgħar intrapriża sal-ikbar waħda.
Minbarra l-programmi tal-politika ta’ koeżjoni, diversi programmi ta’ finanzjament tal-UE, bħall-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza, InvestEU u l-Fond għall-Innovazzjoni, huma disponibbli biex jiffinanzjaw investimenti f’teknoloġiji innovattivi. Il-Fond għall-Innovazzjoni b’mod partikolari huwa wieħed mill-akbar programmi ta’ finanzjament fid-dinja li jappoġġja teknoloġiji b’emissjonijiet żero netti u innovattivi, b’enfasi fuq l-enerġija u l-industrija.
E. L-Istitut Ewropew tal-Innovazzjoni u t-Teknoloġija
L-Istitut Ewropew tal-Innovazzjoni u t-Teknoloġija (EIT) ġie stabbilit fl-2008. Il-missjoni ġenerali tiegħu hija li jżid il-kompetittività tal-Ewropa, it-tkabbir ekonomiku sostenibbli tagħha u l-ħolqien tal-impjiegi billi jippromwovi u jsaħħaħ il-kooperazzjoni fost l-organizzazzjonijiet ewlenin tan-negozju, tal-edukazzjoni u tar-riċerka. Huwa għandu l-għan ukoll li jixpruna l-innovazzjoni u l-intraprenditorija fl-Ewropa billi joħloq ambjenti għal ideat kreattivi u innovattivi biex jirnexxu. L-EIT jilħaq dawn l-objettivi prinċipalment permezz tal-Komunitajiet ta’ Konoxxenza u Innovazzjoni (KKI) tiegħu, li jlaqqgħu flimkien aktar minn 1,200 sieħeb min-negozju, ir-riċerka u l-edukazzjoni (it-“triangolu tal-għarfien”).
F. Il-Kunsill tal-Innovazzjoni
Fl-2017, il-Kummissjoni ħolqot Grupp ta’ Livell Għoli ta’ Innovaturi bi ħmistax-il membru li għenu biex jissawwar it-tfassil tal-Kunsill Ewropew tal-Innovazzjoni (EIC) fil-qafas ta’ Orizzont Ewropa. L-EIC huwa l-programm ta’ innovazzjoni ewlieni tal-UE biex jidentifika, jiżviluppa u jespandi innovazzjonijiet rivoluzzjonarji, u b’mod partikolari t-teknoloġija profonda. Għandu baġit ta’ EUR 10.1 biljun biex jappoġġjahom matul iċ-ċiklu tal-ħajja mir-riċerka fi stadju bikri, sal-prova tal-kunċett, it-trasferiment tat-teknoloġija, u l-finanzjament u l-espansjoni tan-negozji ġodda u tal-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju. Fl-2021, il-Kummissjoni ffirmat memorandum ta’ qbil bejn l-EIC u l-EIT għat-tisħiħ tal-kooperazzjoni tagħhom biex jiġu appoġġjati l-aqwa intraprendituri Ewropej. B’rispons għall-gwerra ta’ aggressjoni Russa kontra l-Ukrajna, il-Kummissjoni warrbet EUR 20 miljun biex tappoġġja lin-negozji ġodda Ukreni permezz ta’ emenda mmirata għall-programm ta’ ħidma tal-EIC għall-2022.
G. Aġenda Ewropea għall-Innovazzjoni
L-Aġenda Ewropea għall-Innovazzjoni Ġdida 2022 għandha l-għan li tpoġġi lill-Ewropa fuq quddiem nett tal-mewġa l-ġdida ta’ innovazzjoni tat-teknoloġija profonda, u dan jirrikjedi R&Ż rivoluzzjonarji flimkien ma’ investiment kapitali sostanzjali sabiex jiġu indirizzati l-isfidi soċjetali urġenti. L-aġenda tipproponi 25 azzjoni speċifika f’ħames oqsma ewlenin: 1) il-finanzjament tan-negozji li qed jespandu; 2) l-iffaċilitar tal-innovazzjoni permezz tal-ispazji tal-esperimentazzjoni u l-akkwist pubbliku; 3) l-aċċelerazzjoni u t-tisħiħ tal-innovazzjoni fl-ekosistemi Ewropej tal-innovazzjoni madwar l-UE u l-indirizzar tad-distakk fl-innovazzjoni; 4) it-trawwim, l-attrazzjoni u ż-żamma ta’ talenti tat-teknoloġija profonda; u 5) it-titjib tal-għodod tat-tfassil tal-politika. Sabiex jiġu żviluppati kontinwament l-aspetti strateġiċi tal-Aġenda Ewropea għall-Innovazzjoni, inħoloq il-Bord Konsultattiv Ewropew dwar l-Innovazzjoni bħala pjattaforma għal pariri u għal diskussjonijiet ta’ kwistjonijiet emerġenti ma’ rappreżentanti ta’ livell għoli mill-akkademja u l-industrija Ewropea.
L-edizzjoni 2022 tar-rapport tal-Kummissjoni “Science, research and innovation performance of the EU 2022” (Prestazzjoni tax-Xjenza, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni tal-UE fl-2022) tiffoka wkoll fuq il-prestazzjoni tal-innovazzjoni tal-UE f’kuntest globali u tissuġġerixxi miżuri biex jiġu indirizzati kwistjonijiet bħad-diffikultà li jiġi attirat u jinżamm it-talent.
H. L-Att dwar l-Industrija b’Emissjonijiet Żero Netti
L-innovazzjoni hija parti vitali mill-inizjattiva l-ġdida biex tissaħħaħ l-ekosistema tal-manifattura tal-prodotti ta’ teknoloġija b’emissjonijiet żero netti tal-Ewropa – l-Att dwar l-Industrija b’Emissjonijiet Żero Netti2.4.1. Dan ikopri 19-il teknoloġija b’emissjonijiet żero netti, bil-ħolqien ta’ kundizzjonijiet aktar favorevoli għall-investimenti fi proġetti ġodda sabiex titnaqqas id-dipendenza tal-UE fuq importazzjonijiet ikkonċentrati ħafna. Fost miżuri oħra, l-Att dwar l-Industrija b’Emissjonijiet Żero Netti jappoġġja l-innovazzjoni permezz tal-ħolqien ta’ ambjenti ta’ esperimentazzjoni regolatorja għal teknoloġiji b’emissjonijiet żero netti, il-koordinazzjoni tal-attivitajiet ta’ riċerka u innovazzjoni permezz tal-Grupp ta’ Tmexxija tal-Pjan Strateġiku għat-Teknoloġija tal-Enerġija, u l-użu tal-akkwist prekummerċjali u l-akkwist pubbliku ta’ soluzzjonijiet innovattivi.
Ir-rwol tal-Parlament Ewropew
Il-Parlament adotta numru ta’ riżoluzzjonijiet biex isaħħaħ il-politika dwar l-innovazzjoni tal-UE inklużi dawn li ġejjin:
- ir-riżoluzzjoni tal-2010 dwar l-istrateġija UE 2020. Il-Parlament appoġġja bil-qawwa politika li tkopri s-settur industrijali kollu kemm hu u bil-għan li jinħoloq l-aqwa ambjent biex tinżamm u tiġi żviluppata bażi industrijali b’saħħitha, kompetittiva u diversifikata fl-UE, filwaqt li jingħata lok għat-tranżizzjoni lejn ekonomija sostenibbli u effiċjenti fl-użu tal-enerġija;
- ir-riżoluzzjoni tal-2011 bit-titolu “Unjoni tal-Innovazzjoni: Inbiddlu l-Ewropa għad-dinja wara l-kriżi;
- ir-riżoluzzjoni tal-2011 dwar l-Aġenda għal Ħiliet u Impjiegi Ġodda. Din ir-riżoluzzjoni ssottolinjat l-importanza li tiġi żviluppata kooperazzjoni iżjed mill-qrib bejn l-istituti ta’ riċerka u l-industrija u jiġi mħeġġeġ u pprovdut appoġġ għall-kumpaniji industrijali biex jinvestu fir-R&Ż;
- ir-riżoluzzjoni tal-2016 dwar sinerġiji għall-innovazzjoni: il-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej, Orizzont 2020 u fondi ta’ innovazzjoni Ewropej u programmi tal-UE oħra;
- ir-riżoluzzjoni tal-2020 dwar Strateġija Industrijali Ġdida għall-Ewropa, fejn il-Parlament issottolinja li l-iżgurar tas-sovranità u tal-awtonomija strateġika tal-UE jirrikjedi bażi industrijali kompetittiva u investiment enormi fir-riċerka u l-innovazzjoni (R&I) f’teknoloġiji abilitanti essenzjali, soluzzjonijiet innovattivi, u ktajjen tal-valur ewlenin;
- ir-riżoluzzjoni tas-6 ta’ April 2022 dwar approċċ globali għar-riċerka u l-innovazzjoni: L-istrateġija tal-Ewropa għall-kooperazzjoni internazzjonali f’dinja li qed tinbidel, li laqgħet il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-kwistjoni u enfasizzat il-ħtieġa li l-Unjoni tiżviluppa kooperazzjoni multilaterali bbażata fuq ir-regoli biex tindirizza l-isfidi ekonomiċi, soċjetali u ambjentali globali ewlenin, li fihom ir-riċerka u l-innovazzjoni għandu jkollhom rwol ċentrali;
- ir-riżoluzzjoni tat-22 ta’ Novembru 2022 dwar l-implimentazzjoni tal-Kunsill Ewropew tal-Innovazzjoni, li fiha l-Parlament stieden lill-Kummissjoni tivvaluta mill-ġdid l-implimentazzjoni tagħha tal-Fond tal-EIC fl-ambitu tal-programm Orizzont Ewropa u tagħmel rakkomandazzjonijiet għal appoġġ aktar effettiv għall-innovazzjoni rivoluzzjonarja fl-Ewropa;
- ir-riżoluzzjoni tal-14 ta’ Diċembru 2023 dwar żieda fl-innovazzjoni u fil-kompetittività industrijali u teknoloġika permezz ta’ ambjent favorevoli għan-negozji l-ġodda u n-negozji li qed jespandu, fejn il-Parlament stieden lill-Kummissjoni tiżviluppa strateġija Ewropea komprensiva għan-negozji ġodda u n-negozji li qed jespandu li tippromwovi l-innovazzjoni u tindirizza l-isfidi li jiffaċċjaw l-innovaturi individwali, il-fundaturi, in-negozji ġodda u n-negozji li qed jespandu fl-UE. Huwa talab ukoll lill-Kummissjoni tappoġġja u tiffaċilita l-parteċipazzjoni ta’ negozji ġodda u negozji li qed jespandu innovattivi fil-programmi ta’ finanzjament tal-UE.
Għal aktar informazzjoni dwar dan is-suġġett, jekk jogħġbok żur is-sit web tal-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija (ITRE).
Kristi Polluveer