Il-politika tal-enerġija: prinċipji ġenerali

Il-politika tal-enerġija tal-UE hija bbażata fuq il-prinċipji tad-dekarbonizzazzjoni, il-kompetittività, is-sigurtà tal-provvista u s-sostenibbiltà. L-objettivi tagħha jinkludu l-iżgurar tal-funzjonament tas-suq tal-enerġija u provvista sigura tal-enerġija fl-UE, kif ukoll il-promozzjoni tal-effiċjenza u l-iffrankar tal-enerġija, l-iżvilupp tal-enerġiji rinnovabbli u l-interkonnessjoni tan-networks tal-enerġija. Fil-qalba tal-politika tal-enerġija tal-UE hemm varjetà ta’ miżuri indirizzati lejn il-kisba ta’ Unjoni tal-Enerġija komprensiva.

Il-bażi ġuridika

L-Artikolu 194 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE).

Dispożizzjonijiet speċifiċi:

  • Sigurtà tal-provvista: L-Artikolu 122 tat-TFUE;
  • In-networks tal-enerġija: l-Artikoli 170-172 tat-TFUE;
  • Il-faħam: il-Protokoll 37 jiċċara l-konsegwenzi finanzjarji li jirriżultaw mill-iskadenza tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Faħam u l-Azzar fl-2002;
  • L-enerġija nukleari: it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea għall-Enerġija Atomika (it-Trattat Euratom) hu l-bażi ġuridika għal ħafna mill-azzjonijiet Ewropej fil-qasam tal-enerġija nukleari.

Dispożizzjonijiet oħra li jaffettwaw il-politika tal-enerġija:

  • Is-suq intern tal-enerġija: L-Artikolu 114 tat-TFUE;
  • Il-politika esterna dwar l-enerġija: l-Artikoli 216-218 tat-TFUE.

L-objettivi

Skont l-Unjoni tal-Enerġija (2015), il-ħames għanijiet ewlenin tal-politika tal-enerġija tal-UE huma li:

  • jiġu diversifikati s-sorsi tal-enerġija tal-Ewropa, filwaqt li tiġi żgurata s-sigurtà tal-enerġija permezz tas-solidarjetà u l-kooperazzjoni bejn il-pajjiżi tal-UE;
  • jiġi żgurat il-funzjonament ta’ suq intern tal-enerġija integrat bis-sħiħ, li jippermetti l-fluss liberu ta’ enerġija fl-UE permezz ta’ infrastruttura adegwata u mingħajr ostakli tekniċi jew regolatorji;
  • tittejjeb l-effiċjenza enerġetika u titnaqqas id-dipendenza fuq l-importazzjonijiet tal-enerġija, jitnaqqsu l-emissjonijiet, u jiġu xprunati l-impjiegi u t-tkabbir;
  • tiġi dekarbonizzata l-ekonomija u ssir it-tranżizzjoni lejn ekonomija b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju b’konformità mal-Ftehim ta’ Pariġi;
  • tiġi promossa r-riċerka dwar teknoloġiji b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju u b’enerġija nadifa, u tingħata prijorità lir-riċerka u l-innovazzjoni biex tiġi xprunata t-tranżizzjoni tal-enerġija u tittejjeb il-kompetittività.

L-Artikolu 194 jagħmel ċerti żoni tal-politika tal-enerġija kompetenza kondiviża, li fiha kull Stat Membru jżomm id-dritt tiegħu li “jiddetermina l-kondizzjonijiet għall-isfruttament tar-riżorsi ta’ enerġija tiegħu, l-għażla tiegħu bejn is-sorsi differenti ta’ enerġija u l-istruttura ġenerali tal-provvista ta’ enerġija tiegħu” (Artikolu 194(2)).

Il-kisbiet

A. Il-qafas tal-politika ġenerali

Il-politika tal-enerġija Ewropea attwali hija bbażata fuq l-istrateġija tal-Unjoni tal-Enerġija, li kellha l-għan li tagħti lill-unitajiet domestiċi u lin-negozji tal-UE provvista tal-enerġija sigura, sostenibbli, kompetittiva u affordabbli. Il-miri attwali tal-enerġija tal-UE għall-2030 jinkludu:

  • żieda tas-sehem tal-enerġiji rinnovabbli fil-konsum tal-enerġija finali għal 42.5%, bil-għan li jintlaħaq 45%;
  • tnaqqis ta’ 11.7% fil-konsum tal-enerġija primarja (indikattiv) u finali meta mqabbel mal-projezzjonijiet tal-2020;
  • l-interkonnessjoni ta’ mill-inqas 15% tas-sistemi tal-elettriku tal-UE.

Il-qafas regolatorju Ewropew attwali għall-enerġija nbena fuq il-pakkett sostanzjali tal-UE “Lesti għall-mira ta’ 55 %”, li inizjalment kellu l-għan li jallinja l-miri kollha dwar il-klima u l-enerġija. Dan ġie mmodifikat suċċessivament mill-pjan REPowerEU, li l-għan tiegħu kien li d-dipendenza fuq il-fjuwils fossili Russi titneħħa malajr u gradwalment tiġi eliminata.

Il-qafas huwa kompost minn diversi dispożizzjonijiet li jkopru l-promozzjoni tal-enerġija rinnovabbli (id-Direttiva (UE) 2018/2001), l-effiċjenza enerġetika (id-Direttiva (UE) 2018/2002), il-governanza u l-interkonnettività tal-elettriku (ir-Regolament (UE) 2018/1999), id-disinn tas-suq tal-elettriku (id-Direttiva (UE) 2019/944 u r-Regolament (UE) 2019/943), it-tħejjija għar-riskji (ir-Regolament (UE) 2019/941), ir-rendiment tal-bini fl-użu tal-enerġija (id-Direttiva (UE) 2018/844), is-swieq tal-gass u tal-idroġenu dekarbonizzat (id-Direttiva 2009/73/KE u r-Regolament (KE) Nru 715/2009), it-tassazzjoni fuq l-enerġija (id-Direttiva 2003/96/KE), l-infrastrutturi tal-enerġija trans-Ewropej (ir-Regolament (UE) 2022/869), il-kooperazzjoni tar-regolaturi tal-enerġija (ir-Regolament (UE) 2019/942), il-batteriji (ir-Regolament (UE) 2023/1542), u l-inizjattivi tat-trasport bl-ajru u marittimu (ir-Regolament (UE) 2023/2405 u r-Regolament (UE) 2023/1805). Skont il-qafas attwali, il-pajjiżi tal-UE jeħtieġ li jistabbilixxu pjanijiet nazzjonali integrati għall-enerġija u l-klima għal 10 snin għall-perjodu mill-2021 sal-2030, iressqu rapport ta’ progress kull sentejn u jiżviluppaw strateġiji nazzjonali fit-tul konsistenti biex jilħqu l-miri tal-enerġija miftiehma u l-għanijiet tal-Ftehim ta’ Pariġi.

B. It-tlestija tas-suq intern tal-enerġija

Suq intern tal-enerġija integrat bis-sħiħ u li jiffunzjona tajjeb jiżgura prezzijiet tal-enerġija affordabbli, jagħti s-sinjali meħtieġa tal-prezzijiet għall-investimenti fl-enerġija ekoloġika, jiżgura l-provvisti tal-enerġija u jiftaħ it-triq l-inqas għalja għan-newtralità klimatika. Il-leġiżlazzjoni dwar is-suq intern tal-enerġija, kienet inizjalment ibbażata fuq il-prinċipji ta’ kooperazzjoni transfruntiera u swieq ġusti tal-bejgħ bl-imnut. Iktar tard il-leġiżlazzjoni iffukat fuq it-tħejjija għar-riskji, il-koordinazzjoni, l-inċentivi għall-konsumaturi, id-dekarbonizzazzjoni u s-sigurtà tal-provvista tal-enerġija.

B’riżultat tal-modifiki tal-REPowerEU, il-qafas tal-enerġija ġie estiż biex jinkludi regoli għal-livelli minimi ta’ mili għall-ħżin tal-gass ta’ 90% qabel ix-xitwa (ir-Regolament (UE) 2022/1032), miri volontarji għat-tnaqqis fid-domanda għall-gass għall-pajjiżi tal-UE ta’ 15% (ir-Regolament (UE) 2022/1369; il-perjodu għat-tnaqqis volontarju fid-domanda kien estiżi sa Marzu 2025), aggregazzjoni volontarja tad-domanda għall-gass (ir-Regolament (UE) 2022/2576; il-Pjattaforma tal-Enerġija tal-UE), miri ta’ tnaqqis fid-domanda għall-elettriku ta’ 10% u 5% matul il-ħinijiet l-aktar intensivi u interventi ta’ emerġenza limitati fiż-żmien biex jiġu indirizzati l-prezzijiet għoljin tal-enerġija (ir-Regolament (UE) 2022/1854) (ara l-iskeda informattiva 2.1.9 dwar is-suq intern tal-enerġija).

C. Effiċjenza enerġetika

Il-pedament tal-politika tal-UE dwar l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija hija d-Direttiva dwar l-Effiċjenza Enerġetika l-ġdida (id-Direttiva (UE) 2023/1791), li stabbiliet mira ta’ 11.7% għat-tnaqqis fil-konsum primarju (indikattiv) u finali tal-enerġija tal-UE sal-2030, meta mqabbel mal-projezzjonijiet tal-2020. Dan huwa ekwivalenti għal mhux aktar minn 992.5 (indikattivi) u 763 miljun tunnellata tal-ekwivalenti taż-żejt, rispettivament. Id-direttiva hija bbażata fuq il-prinċipju “l-effiċjenza enerġetika tiġi l-ewwel”, li jistabbilixxi obbligu għall-pajjiżi tal-UE li jiżguraw li s-soluzzjonijiet tal-effiċjenza enerġetika jitqiesu fid-deċiżjonijiet tal-ippjanar, tal-politika u tal-investiment (ara l-iskeda informattiva 2.4.8 dwar l-effiċjenza enerġetika).

D. L-enerġija rinnovabbli

Il-pedament tal-politika tal-UE dwar l-enerġija rinnovabbli hija d-Direttiva dwar l-Enerġija Rinnovabbli l-ġdida, li stabbiliet mira ta’ 42.5% għas-sehem tal-enerġiji rinnovabbli (l-enerġija solari, l-enerġija mir-riħ, l-enerġija mill-oċeani u l-enerġija idroelettrika, il-bijomassa u l-bijofjuwils) fil-konsum finali tal-enerġija tal-UE sal-2030, bil-għan li jinkiseb 45%. Id-direttiva tippromwovi l-enerġiji rinnovabbli b’sistemi ta’ appoġġ nazzjonali u skemi ta’ finanzjament tal-UE peress li s-swieq tal-enerġija waħedhom ma jistgħux iwasslu l-livell mixtieq ta’ enerġiji rinnovabbli fl-UE (ara l-iskeda informattiva 2.4.9 dwar l-enerġija rinnovabbli).

E. It-tisħiħ tar-relazzjonijiet esterni fil-qasam tal-enerġija

Wara d-deċiżjoni li jintemmu gradwalment l-importazzjonijiet tal-enerġija mir-Russja, il-politika esterna attwali tal-UE dwar l-enerġija hija xprunata mid-diversifikazzjoni tal-provvista tal-enerġija tagħha. F’Marzu 2022, il-komunikazzjoni REPowerEU ipproponiet tnaqqis massiv u rapidu fl-użu tal-gass fossili tal-UE ta’ mill-inqas 155 biljun metru kubu, ekwivalenti għall-volum importat mir-Russja fl-2021. F’konformità mal-pjan REPowerEU, l-UE ħadmet ma’ sħab internazzjonali biex jiġu ddervisifikati l-provvisti, jiġu ggarantiti l-importazzjonijiet ta’ gass naturali likwifikat u jiżdiedu l-kunsenji ta’ gass ġodda permezz tal-pipelines. Hija ħolqot Pjattaforma tal-Enerġija tal-UE, li hija mekkaniżmu ta’ koordinament volontarju li jappoġġa x-xiri konġunt tal-UE ta’ gass u idroġenu, u ppubblikat l-Istrateġija Esterna tal-UE dwar l-Enerġija li tappoġġa lill-Ukrajna, lill-Moldova u pajjiżi oħra.

F. It-titjib tas-sigurtà tal-provvista tal-enerġija

Wara l-invażjoni Russa tal-Ukrajna, is-sigurtà tal-provvista tal-enerġija saret il-prijorità ewlenija tal-enerġija tal-UE. Il-politika attwali dwar is-sigurtà tal-enerġija tinkludi miżuri ta’ koordinazzjoni u regoli għall-prevenzjoni u r-rispons għal aċċidenti fuq installazzjonijiet offshore u interruzzjonijiet fil-provvista tal-enerġija u l-ħażniet taż-żejt u tal-gass ta’ emerġenza, inklużi l-liċenzji għall-esplorazzjoni u l-produzzjoni.

Il-politika tal-infrastruttura trans-Ewropea tal-UE hija koperta mir-regolamenti tan-Networks Trans-Ewropej (TENs) (ara l-iskeda informattiva 3.5.1 dwar it-TENs). Ir-Regolament TEN-E dwar l-infrastruttura tal-enerġija trans-Ewropea, li ġie adottat f’Ġunju 2022, jidentifika 11-il kuritur prijoritarju f’reġjuni ġeografiċi differenti għall-elettriku, il-grilja lil hinn mill-kosta u l-infrastruttura tal-idroġenu. Huwa jidentifika l-proġetti ta’ interess komuni tal-UE fil-pajjiżi tal-UE u l-proġetti ta’ interess reċiproku bejn il-pajjiżi tal-UE u l-pajjiżi terzi, filwaqt li jtemm l-appoġġ favur proġetti ġodda ta’ gass naturali u żejt u jdaħħal kriterji obbligatorji ta’ sostenibbiltà għall-proġetti kollha. Il-politiki tat-TENs huma ffinanzjati mill-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa 2021-2027, stabbilita bir-Regolament (UE) 2021/1153 (ara l-iskeda informattiva 3.5.2 dwar il-finanzjament tat-TENs).

G. Proġetti ta’ riċerka, żvilupp u dimostrazzjoni

Orizzont Ewropa huwa l-programm qafas għall-perjodu bejn l-2021 u l-2027 u l-għodda ewlenija tal-UE għall-promozzjoni tar-riċerka fil-qasam tal-enerġija, b’baġit ta’ EUR 95.5 biljun (fil-prezzijiet tal-2018), inkluż EUR 5.4 biljun mill-programm Next Generation EU (ara l-iskeda informattiva 2.4.6 dwar il-politika ta’ riċerka).

Il-pjan strateġiku Ewropew għat-teknoloġiji tal-enerġija identifika 10 teknoloġiji (inklużi tal-batteriji, fotovoltajċi, eoliċi lil hinn mill-kosta, eċċ.) u azzjonijiet għar-riċerka u l-innovazzjoni, li jkopru l-katina kollha tal-innovazzjoni fl-enerġija ekoloġika.

Ir-rwol tal-Parlament Ewropew

Il-Parlament dejjem esprima l-appoġġ qawwi tiegħu favur politika komuni dwar l-enerġija li tindirizza l-kwistjonijiet relatati mad-dekarbonizzazzjoni, mal-kompetittività, mas-sigurtà u mas-sostenibbiltà. Kemm-il darba talab biex il-pajjiżi tal-UE jkunu koerenti u determinati, u jikkooperaw u juri solidarjetà bejniethom meta jiffaċċjaw sfidi attwali u futuri fis-suq intern, u sabiex l-Istati Membri kollha tal-UE juru impenn politiku.

L-aktar riżoluzzjonijiet reċenti tal-Parlament dwar l-enerġija raw żieda fir-rilevanza u l-ambizzjoni tal-objettivi klimatiċi u ambjentali kollha li jirfdu l-politika tal-enerġija tal-UE. F’Novembru 2019 il-Parlament iddikjara emerġenza klimatika u ambjentali fl-Ewropa. F’Ottubru 2020, f’sensiela ta’ emendi għall-proposta għal regolament li jistabbilixxi l-qafas għall-kisba tan-newtralità klimatika, huwa appella għal mira ta’ tnaqqis tal-UE ta’ 60 % għall-emissjonijiet kollha ta’ gassijiet serra sal-2030 u għal eliminazzjoni gradwali tas-sussidji kollha għall-fjuwils fossili sa mhux aktar tard mill-2025. Bħala reazzjoni għall-pandemija tal-COVID-19, huwa afferma mill-ġdid l-istrateġiji ekoloġiċi u diġitali bħala l-pedamenti tal-Unjoni tal-Enerġija tal-UE. F’Settembru 2022, appoġġa miri aktar ambizzjużi għall-effiċjenza enerġetika u l-enerġija rinnovabbli.

Fl-1 ta’ Marzu 2022, il-Parlament ippubblika riżoluzzjoni dwar l-aggressjoni Russa kontra l-Ukrajna, li kkundannat l-invażjoni militari illegali, mhux provokata u mhux ġustifikata min-naħa tar-Russja fil-konfront tal-Ukrajna. F’April 2022, il-Parlament talab li jkun hemm embargo sħiħ u immedjat fuq l-importazzjonijiet ta’ żejt, faħam, fjuwil nukleari u gass mir-Russja. F’Ottubru 2022, fir-riżoluzzjoni tiegħu dwar ir-rispons tal-UE għaż-żieda fil-prezzijiet tal-enerġija fl-Ewropa, il-Parlament stieden lill-pajjiżi tal-UE biex jevitaw l-iżgumbramenti ta’ unitajiet domestiċi vulnerabbli u li lil dawn jinqatgħulhom il-provvisti tal-enerġija, u esprima dispjaċir li l-Kummissjoni ressqet ħafna mill-proposti tagħha fil-forma ta’ regolament tal-Kunsill minflok ma użat proċedura ta’ kodeċiżjoni. Huwa adotta wkoll diversi riżoluzzjonijiet oħra dwar aspetti speċifiċi tal-kunflitt: jilqa’ pożittivament l-għoti tal-istatus ta’ kandidat tal-UE lill-Ukrajna u lill-Moldova u ta’ prospettiva Ewropea lill-Georgia; dwar it-tisħiħ tal-protezzjoni tal-UE tat-tfal u ż-żgħażagħ li qed jaħarbu minħabba l-gwerra fl-Ukrajna; u enfasizza l-impatt tal-gwerra fuq in-nisa.

Il-Parlament jappoġġa d-diversifikazzjoni tas-sorsi tal-enerġija u tar-rotot tal-provvista tal-enerġija. Huwa saħaq fuq l-importanza tal-interkonnessjonijiet tal-gass u tal-elettriku mill-Ewropa Ċentrali u tax-Xlokk matul l-assi mit-Tramuntana għan-Nofsinhar għall-ħolqien ta’ aktar interkonnessjonijiet, id-diversifikazzjoni tat-terminals tal-gass naturali likwifikat u l-iżvilupp ta’ pipelines. Waqt li jissottolinja r-rwol sinifikanti tar-riċerka biex tiġi żgurata provvista tal-enerġija sostenibbli, il-Parlament saħaq fuq il-ħtieġa ta’ sforzi komuni fil-qasam ta’ teknoloġiji ġodda tal-enerġija, kif ukoll ta’ finanzjament addizzjonali pubbliku u privat.

Għal aktar informazzjoni dwar dan is-suġġett, jekk jogħġbok ara s-sit web tal-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija.

 

Matteo Ciucci