It-tniġġis tal-arja u t-tniġġis akustiku

It-tniġġis tal-arja huwa wieħed mill-akbar riskji għas-saħħa b’rabta mal-ambjent fl-Ewropa. Il-pjan ta’ azzjoni ta’ tniġġis żero tal-UE adottat fl-2021 għandu l-għan li jnaqqas it-tniġġis tal-arja u t-tniġġis akustiku għal livelli li ma jibqgħux jitqiesu ta’ ħsara għas-saħħa u għall-ekosistemi naturali. Kemm il-leġiżlazzjoni kif ukoll network ta’ monitoraġġ madwar l-UE kollha għandhom l-għan li jiżguraw li t-tniġġis ikun taħt il-valuri kritiċi, u li l-UE tkun fit-triq it-tajba biex tnaqqas it-tniġġis tal-arja għal livelli li ma jibqgħux jitqiesu ta’ ħsara sal-2050.

Il-bażi legali

L-Artikoli 191-193 (dwar l-Ambjent) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

Kuntest ġenerali

It-tniġġis tal-arja jista’ jikkawża mard kardjovaskulari u mard respiratorju kif ukoll il-kanċer, u huwa l-kawża ambjentali ewlenija tal-mewt qabel iż-żmien fl-UE. Ċerti sustanzi niġġiesa, bħalma huma l-arseniku, il-kadmju, in-nikil u l-idrokarburi aromatiċi poliċikliċi, huma karċinoġeni ġenotossiċi għall-bniedem, u kapaċi jikkawżaw il-kanċer billi jimmodifikaw direttament il-materjal ġenetiku taċ-ċelloli milquta. It-tniġġis tal-arja jolqot b’mod negattiv ukoll il-kwalità tal-ilma u tal-ħamrija u jagħmel ħsara lill-ekosistemi, pereżempju permezz tal-ewtrofikazzjoni (tniġġis min-nitroġenu eċċessiv) u tax-xita aċiduża. L-agrikoltura u l-foresti, kif ukoll materjali u bini, jiġu għalhekk affettwati. It-tniġġis tal-arja għandu diversi sorsi, iżda prinċipalment jiġi mill-industrija, mit-trasport, mill-produzzjoni tal-enerġija u mill-agrikoltura. L-istandards tal-kwalità tal-arja spiss ma jiġux irrispettati, speċjalment f’żoni urbani (“hotspots” għat-tniġġis tal-arja) – fejn jgħixu l-maġġoranza tal-Ewropej. Is-sustanzi niġġiesa l-aktar problematiċi llum il-ġurnata huma l-partikuli fini, l-ossidi tan-nitroġenu u l-ożonu troposferiku. Il-briefing tal-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent bit-titolu “L-istatus tal-kwalità tal-arja tal-Ewropa 2023” juri li t-tniġġis eċċessiv tal-arja, li jaqbeż l-istandards tal-UE, huwa mifrux fl-UE, u li spiss jaqbeż il-linji gwida tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO). Il-pjan ta’ azzjoni ta’ tniġġis żero tal-UE għall-2050 għandu l-għan li jnaqqas it-tniġġis tal-arja, tal-ħamrija u tal-ilma, kif ukoll it-tniġġis akustiku u t-tniġġis tal-plastik, għal livelli li ma jibqgħux jitqiesu ta’ ħsara għas-saħħa u għall-ekosistemi naturali. Dan l-għan fit-tul inqasam f’miri ewlenin għall-2030, u l-progress lejn il-miri huwa mmonitorjat u vvalutat kontinwament. L-għan li jitnaqqsu l-imwiet prematuri kkawżati mit-tniġġis tal-arja b’55% x’aktarx li jintlaħaq, u t-tnaqqis jista’ jkun saħansitra akbar, u jilħaq 66% sal-2030, skont ix-xejriet attwali.

Il-livelli tal-istorbju ambjentali qed jiżdiedu fiż-żoni urbani, prinċipalment b’riżultat tal-volumi tat-traffiku li qed jiżdiedu u l-attivitajiet industrijali u ta’ rikreazzjoni li qed jintensifikaw. Huwa stmat li madwar 20% tal-popolazzjoni fl-UE huma soġġetti għal livelli ta’ storbju li huma meqjusa bħala mhux aċċettabbli. Dan jista’ jaffettwa l-kwalità tal-ħajja u jwassal għal livelli sinifikanti ta’ stress, problemi tal-irqad u effetti ħżiena fuq is-saħħa bħalma huma l-problemi kardjovaskulari. L-istorbju jaffettwa b’mod negattiv ukoll lill-organiżmi selvaġġi. Il-pjan ta’ azzjoni tal-UE għal tniġġis żero għandu l-għan li jnaqqas b’30% il-proporzjon ta’ persuni li huma kronikament disturbati mit-tniġġis akustiku maħluq mit-trasport, iżda dan l-għan x’aktarx li ma jintlaħaqx sal-2030.

Il-kisbiet fil-ġlieda kontra t-tniġġis tal-arja

Il-kwalità tal-arja fl-Ewropa ttejbet ħafna mindu l-UE bdiet għall-ewwel darba tindirizza b’mod deċiżiv din il-kwistjoni fis-snin sebgħin. Il-konċentrazzjonijiet ta’ sustanzi bħad-diossidu tal-kubrit (SO2), il-monossidu tal-karbonju (CO), il-benżen (C6H6) u ċ-ċomb (Pb) naqsu drastikament minn dak iż-żmien ’l hawn. L-UE għandha tliet mekkaniżmi ġuridiċi differenti biex timmaniġġja t-tniġġis tal-arja: id-definizzjoni tal-istandards ġenerali tal-kwalità tal-arja għall-konċentrazzjonijiet ambjentali tas-sustanzi niġġiesa tal-arja; l-iffissar ta’ limiti nazzjonali fuq l-emissjonijiet totali tas-sustanzi niġġiesa; u t-tfassil ta’ leġiżlazzjoni li tkun speċifika għas-sors, pereżempju li tikkontrolla l-emissjonijiet industrijali jew li tistabbilixxi standards għall-emissjonijiet tal-vetturi, l-effiċjenza tal-enerġija jew il-kwalità tal-fjuwils. Barra minn hekk, it-tniġġis transkonfinali tal-arja huwa indirizzat permezz ta’ kooperazzjoni internazzjonali ma’ sħab strateġiċi. Il-leġiżlazzjoni hija kkomplementata minn strateġiji u miżuri li jippromwovu l-protezzjoni ambjentali u l-integrazzjoni tagħha f’setturi oħra, li kollha huma elementi ewlenin tal-Patt Ekoloġiku Ewropew.

A. Il-kwalità tal-arja ambjentali

Il-leġiżlazzjoni dwar il-kwalità tal-arja tikkonsisti f’żewġ direttivi ewlenin. Id-Direttiva 2004/107/KE dwar il-kwalità tal-arja fl-ambjent daħlet fis-seħħ f’Ġunju 2008 u hija relatata ma’ sustanzi (l-arseniku, il-kadmju, il-merkurju, in-nikil u l-idrokarburi aromatiċi poliċikliċi) li għalihom tista’ tiġi identifikata konċentrazzjoni ta’ limitu fl-arja ambjentali li taħtha ma joħolqux riskju għas-saħħa tal-bniedem. Id-Direttiva 2008/50/KE dwar il-kwalità tal-arja ambjentali tistabbilixxi miżuri li jiddefinixxu u jistabbilixxu objettivi tal-kwalità tal-arja ambjentali (jiġifieri, limiti li ma għandhom jinqabżu mkien fl-UE) fir-rigward tas-sustanzi niġġiesa prinċipali tal-arja: id-diossidu tal-kubrit, id-diossidu tan-nitroġenu/l-ossidi tan-nitroġenu, il-materja partikolata, l-ożonu, il-benżen, iċ-ċomb, il-monossidu tal-karbonju, l-arseniku, il-kadmju, in-nikil u l-benżo(a)piren. L-Istati Membri huma mitluba jiddefinixxu żoni u agglomerazzjonijiet urbani bil-għan li jivvalutaw u jimmaniġġjaw il-kwalità tal-arja ambjentali, jimmonitorjaw it-tendenzi fit-tul u jqiegħdu l-informazzjoni għad-dispożizzjoni tal-pubbliku. Din id-data tinġabar permezz ta’ network ta’ monitoraġġ madwar l-UE kollha. Fejn il-kwalità tal-arja hija tajba trid tinżamm kif inhi; fejn il-valuri ta’ limitu jinqabżu, trid tittieħed azzjoni. Bħala parti mill-Patt Ekoloġiku Ewropew, il-Kummissjoni pproponiet li tirrevedi ż-żewġ Direttivi dwar il-Kwalità tal-Arja fl-Ambjent, filwaqt li tallinja l-istandards tal-kwalità tal-arja tal-UE aktar mill-qrib mar-rakkomandazzjonijiet tad-WHO. Fi Frar 2024, il-Kunsill u l-Parlament laħqu ftehim proviżorju, li jeħtieġ li jiġi adottat formalment.

Id-Direttiva (UE) 2016/2284 (id-Direttiva dwar il-Limiti Nazzjonali tal-Emissjonijiet) tistabbilixxi limiti nazzjonali aktar stretti għall-emissjonijiet tal-ħames sustanzi niġġiesa ewlenin – id-diossidu tal-kubrit, l-ossidi tan-nitroġenu, il-komposti organiċi volatili mhux metaniċi, l-ammonijaka u l-materja partikolata fina. Id-Direttiva tirrikjedi li l-Istati Membri jfasslu programmi nazzjonali ta’ kontroll tat-tniġġis tal-arja.

B. It-trasport bit-triq

Ġew adottati għadd ta’ direttivi biex it-tniġġis mit-trasport jiġi limitat billi jiġu ffissati standards ta’ rendiment għall-emissjonijiet għal kategoriji differenti ta’ vetturi, bħalma huma l-karozzi, il-vetturi kummerċjali ħfief, it-trakkijiet, il-karozzi tal-linja u l-motoċikletti, u billi tiġi regolata l-kwalità tal-fjuwil. L-istandard ta’ emissjonijiet attwali Euro 6 għall-karozzi u l-vannijiet ħfief jistabbilixxi limiti ta’ emissjonijiet għal għadd ta’ sustanzi niġġiesa tal-arja, partikolarment l-ossidu tan-nitroġenu u l-materja partikulata. F’konformità mal-istrateġija tal-Kummissjoni għall-mobbiltà sostenibbli u intelliġenti tal-2020, se jiġu introdotti standards aktar stretti tat-tniġġis tal-arja bir-regolament Euro 7. Il-ftehim proviżorju milħuq bejn il-Parlament u l-Kunsill ġie approvat mill-Parlament f’Marzu 2023. Minn Settembru 2017 beda intuża ċiklu ta’ ttestjar aktar realistiku: u issa qed jiġu ddeterminati l-“emissjonijiet f’sewqan reali” għall-mudelli ġodda ta’ karozzi biex jirriflettu aħjar il-kundizzjonijiet reali tas-sewqan. Barra minn hekk, hemm regoli dwar il-konformità fl-użu (li jirrikjedu li l-vetturi jkomplu jikkonformaw mal-istandards waqt iċ-ċirkolazzjoni), id-durabilità tal-apparati tal-kontroll tat-tniġġis, is-sistemi dijanjostiċi abbord, il-kejl tal-konsum tal-fjuwil, u l-aċċess għall-informazzjoni dwar it-tiswija u l-manutenzjoni tal-vetturi għall-operaturi indipendenti. Jeżistu regoli simili għall-vetturi tqal bħax-xarabanks u t-trakkijiet. Regolament tal-2018 dwar l-approvazzjoni tat-tip u tas-sorveljanza tas-suq ta’ vetturi bil-mutur daħlet fis-seħħ mill-1 ta’ Settembru 2020, bil-għan li jiżdiedu l-kwalità u l-indipendenza tas-servizzi tekniċi u biex jivverifika jekk il-vetturi li diġà hemm fit-triq jikkonformawx mar-rekwiżiti.

C. Emissjonijiet oħra tat-trasport

Sabiex jitnaqqas it-tniġġis tal-arja mill-bastimenti – li jingħad li huma responsabbli għal 50 000 mewta qabel iż-żmien kull sena – l-UE stabbiliet limiti għall-kontenut tal-kubrit tal-fjuwils tal-bunkers tal-baħar użati fuq il-bastimenti li joperaw fl-ibħra Ewropej. Il-limitu ġenerali tal-kubrit naqas minn 3.5% għal 0.5% fl-2020 f’konformità mal-limiti li sar qbil dwarhom mill-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali. Mill-2015 qed japplika standard saħansitra aktar strett ta’ 0.1% f’ċerti “Żoni ta’ Kontroll tal-Emissjonijiet tal-Kubrit” indikati, bħalma huma l-Baħar Baltiku, il-Kanal Ingliż u l-Baħar tat-Tramuntana. Fl-2016 ġew stabbiliti standards ulterjuri ta’ rendiment għall-emissjonijiet għall-makkinarju mobbli mhux tat-triq, bħalma huma l-gafef, il-bulldozers u l-lupi, kif ukoll għat-tratturi agrikoli u tal-forestrija u għall-opri tal-baħar għar-rikreazzjoni bħalma huma d-dgħajjes sportivi.

F’Diċembru 2022, il-Kunsill approva l-Iskema ta’ Kumpens u Tnaqqis tal-Karbonju għall-Avjazzjoni Internazzjonali, li hija skema globali għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tas-CO2 mill-avjazzjoni internazzjonali li tinvolvi wkoll lill-istati membri tal-UE. Ir-Regolament ReFuelEU Aviation, li huwa applikabbli minn Jannar 2024, għandu l-għan li jnaqqas l-impatt ambjentali tal-avjazzjoni permezz ta’ miżuri bħall-użu ta’ fjuwils tal-avjazzjoni sostenibbli. Ir-Regolament FuelEU Maritime korrispondenti daħal fis-seħħ f’Ottubru 2023 u għandu l-għan li jnaqqas b’80% l-intensità tal-gassijiet serra tal-enerġija abbord il-bastimenti sal-2050, filwaqt li jinkoraġġixxi l-adozzjoni ta’ fjuwils rinnovabbli u b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju.

D. L-emissjonijiet mill-industrija

Id-Direttiva dwar l-Emissjonijiet Industrijali (IED) tal-2010 tkopri l-attivitajiet industrijali li jniġġsu ħafna u li huma responsabbli għal sehem sinifikanti mit-tniġġis fl-Ewropa. Hija tikkonsolida u tgħaqqad flimkien id-direttivi rilevanti kollha (dwar l-inċinerazzjoni tal-iskart, il-komposti organiċi volatili, l-impjanti ta’ kombustjoni kbar, il-prevenzjoni u l-kontroll integrati tat-tniġġis, eċċ.) fi strument leġiżlattiv koerenti wieħed, bil-għan li tiġi ffaċilitata l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni u jiġi minimizzat it-tniġġis minn diversi għejun industrijali. L-IED tistabbilixxi l-obbligi li jridu jiġu ssodisfati mill-installazzjonijiet industrijali kollha, fiha lista ta’ miżuri għall-prevenzjoni tat-tniġġis tal-ilma, l-arja u l-ħamrija u tagħti bażi għat-tfassil ta’ liċenzji tal-operat jew permessi għal installazzjonijiet industrijali. Bl-użu ta’ approċċ integrat, hija tqis ir-rendiment ambjentali totali ta’ impjant, inkluż l-użu tal-materja prima, it-tniġġis akustiku jew l-effiċjenza enerġetika. Il-kunċett tal-“aħjar tekniki disponibbli” jaqdi rwol ċentrali, l-istess bħalma jagħmlu l-flessibilità, l-ispezzjonijiet ambjentali u l-parteċipazzjoni pubblika. L-IED ġiet ikkomplementata fl-2015 b’direttiva dwar l-emissjonijiet minn impjanti tal-kombustjoni medji.

F’Novembru 2023, il-leġiżlaturi laħqu ftehim provvizorju dwar reviżjoni tal-IED, bil-għan, pereżempju, li jiżguraw l-implimentazzjoni sħiħa u konsistenti tal-IED fl-Istati Membri kollha, b’kontrolli tal-permessi aktar stretti fuq l-emissjonijiet fl-arja u fl-ilma. Dan il-ftehim ġie adottat mill-Parlament f’Marzu 2024.

Il-kisbiet fir-rigward tat-tniġġis akustiku

L-approċċ tal-UE għat-tniġġis akustiku jinqasam fi tnejn: qafas ġenerali għall-identifikazzjoni tal-livelli ta’ tniġġis akustiku li jeħtieġ azzjoni kemm fil-livell tal-Istati Membri kif ukoll f’dak tal-UE; u sett ta’ leġiżlazzjonijiet dwar is-sorsi ewlenin tal-istorbju, bħat-traffiku fit-toroq, fl-ajru u ferrovjarju, u l-istorbju minn tagħmir għall-użu fuq barra.

Id-Direttiva Qafas dwar il-ħsejjes ambjentali tal-2002 għandha l-għan li tnaqqas l-esponiment għall-istorbju ambjentali billi tarmonizza l-indikaturi u l-metodi ta’ valutazzjoni tal-istorbju, tiġbor informazzjoni dwar l-esponiment għall-istorbju fis-sura ta’ “mapep tal-ħsejjes’’, u tqiegħed din l-informazzjoni għad-dispożizzjoni tal-pubbliku. Fuq din il-bażi l-Istati Membri huma mitluba jfasslu pjanijiet ta’ azzjoni biex jindirizzaw il-problemi tal-istorbju. Il-mapep tal-ħsejjes u l-pjanijiet ta’ azzjoni jeħtieġ li jiġu rieżaminati mill-inqas kull ħames snin. Ir-rapport ta’ implimentazzjoni l-aktar reċenti, ippubblikat f’Marzu 2023, ikkonferma l-progress ġeneralment tajjeb li sar mill-maġġoranza tal-Istati Membri fl-implimentazzjoni tad-Direttiva, minkejja xi dewmien inizjali.

Ir-Regolament tal-2014 dwar il-livell ta’ ħoss tal-vetturi bil-mutur jintroduċi metodu ta’ ttestjar ġdid għall-kejl tal-emissjonijiet tal-ħsejjes, inaqqas il-valuri ta’ limitu tal-istorbju eżistenti attwalment u jinkludi dispożizzjonijiet addizzjonali dwar l-emissjoni tal-ħsejjes fil-proċedura tal-approvazzjoni tat-tip. Regolamenti oħra jittrattaw il-limiti tal-istorbju għal mopeds, muturi u tidwir tat-tajers.

Minn Ġunju 2016, ir-regoli tal-UE dwar il-ħsejjes mill-avjazzjoni, f’konformità mal-“approċċ bilanċjat” maħluq mill-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali bdew japplikaw għall-ajruporti b’aktar minn 50 000 moviment ta’ inġenji tal-ajru ċivili fis-sena. Dan l-approċċ jikkonsisti f’erba’ elementi prinċipali mfassla biex jiġi identifikat l-aktar mod kosteffiċjenti kif jiġi indirizzat b’mod determinat l-istorbju mill-inġenji tal-ajru f’kull ajruport individwali: it-tnaqqis tal-livelli tal-istorbju fis-sors permezz tal-użu ta’ inġenji tal-ajru moderni; il-ġestjoni tal-art madwar l-ajruporti b’mod sostenibbli; l-adattament tal-proċeduri operattivi biex jitnaqqas l-impatt tal-istorbju fuq l-art; u, jekk meħtieġ, l-introduzzjoni ta’ restrizzjonijiet fuq l-operat bħal projbizzjonijiet fuq titjiriet ta’ billejl.

Fil-kuntest tad-direttiva dwar l-interoperabilità ferrovjarja tal-2016, speċifikazzjoni teknika għall-interoperabilità dwar l-istorbju, li ġiet emendata fl-2019, tistabbilixxi l-limiti massimi tal-istorbju li jistgħu jipproduċu vetturi ferrovjarji (konvenzjonali) ġodda.

Installazzjonijiet industrijali u agrikoli kbar koperti mill-IED jistgħu joperaw biss jekk ikollhom permess, li jkun marbut ma’ kundizzjonijiet rigward il-limiti tal-emissjonijiet, inkluż l-istorbju, u l-użu tal-aħjar tekniki disponibbli. L-istorbju li joħroġ mit-tagħmir tal-kostruzzjoni, kif ukoll mid-dgħajjes li jintużaw għar-rikreazzjoni jew mit-tagħmir għall-użu fuq barra, huwa rregolat ukoll.

Ir-rwol tal-Parlament Ewropew

Il-Parlament kellu parti deċiżiva fil-formulazzjoni ta’ politika ambjentali progressiva biex jiġu miġġielda t-tniġġis tal-arja u t-tniġġis akustiku. Pereżempju, il-Membri tal-Parlament Ewropew iġġieldu attentati biex jipposponu, mill-2020 għall-2025, l-iskadenza biex jitnaqqas il-kontenut tal-kubrit dannuż tal-fjuwils tal-baħar għal 0.5 %. Wara l-iskoperta fl-Istati Uniti li l-grupp Volkswagen użaw software li jqarraq bit-testijiet biex inaqqsu l-emissjonijiet ta’ NOx, il-Parlament waqqaf kumitat temporanju ta’ inkjesta biex jinvestiga l-kwistjoni tal-kejl tal-emissjonijiet fis-settur awtomobilistiku. Fir-rapport finali tiegħu tal-2017, hu appella biex l-Istati Membri u l-manifatturi tal-karozzi jinżammu responsabbli u ħeġġiġhom biex jimmodifikaw jew jirtiraw mis-suq karozzi li jniġġsu ħafna.

Fil-25 ta’ Marzu 2021, il-Parlament adotta riżoluzzjoni dwar l-implimentazzjoni tad-Direttivi dwar il-Kwalità tal-Arja fl-Ambjent. Huwa nnota li l-istandards Ewropej dwar il-kwalità tal-arja kellhom biss suċċess parzjali u laqa’ l-impenn tal-Patt Ekoloġiku Ewropew biex jiġu riveduti l-istandards tal-kwalità tal-arja f’konformità mal-livelli ta’ referenza attwali tal-WHO.

Ir-riżoluzzjoni appellat ukoll lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jivvalutaw l-effikaċja tal-leġiżlazzjoni eżistenti dwar l-emissjonijiet u talbet li jiġu stabbiliti mill-aktar fis possibbli sett ta’ rekwiżiti minimi u l-aħjar prattiki kemm għat-tħejjija kif ukoll għall-implimentazzjoni tal-pjanijiet tal-kwalità tal-arja mill-Istati Membri. F’Settembru 2023, il-Parlament adotta l-pożizzjoni tiegħu dwar leġiżlazzjoni riveduta mfassla biex ittejjeb il-kwalità tal-arja madwar l-UE. Bil-għan li jiġu salvagwardjati s-saħħa tal-bniedem, l-ekosistemi naturali u l-bijodiversità mit-tniġġis tal-arja, fir-rigward ta’ diversi sustanzi niġġiesa, il-Parlament ippropona objettivi aktar stretti meta mqabbla mar-rakkomandazzjonijiet inizjali tal-Kummissjoni.

Fir-rigward tal-istorbju ambjentali, il-Parlament ripetutament saħaq fuq il-ħtieġa li jsir aktar tnaqqis fil-valuri ta’ limitu u li l-proċeduri tal-kejl jittejbu. Huwa talab li jiġu stabbiliti valuri tal-UE għall-istorbju madwar l-ajruporti u li l-miżuri ta’ tnaqqis tal-istorbju jiġu estiżi biex ikopru l-inġenji militari tal-ajru tat-tip ġett subsoniċi. Barra minn hekk, huwa approva d-dħul gradwali ta’ limiti tal-istorbju ġodda u aktar baxxi għall-karozzi u għamel kampanja li rnexxiet għall-introduzzjoni ta’ tikketti biex il-konsumaturi jiġu mgħarrfa dwar il-livelli tal-istorbju.

Għal aktar informazzjoni dwar dan is-suġġett, ara s-sit web tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel (ENVI).

 

Christian Kurrer / Zuzanna Wala