L-objettiv ewlieni tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-UE huwa li jippermettu l-funzjonament tajjeb tas-suq intern tal-UE. It-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) għandu l-għan li jipprevjeni restrizzjonijiet fuq il-kompetizzjoni u distorsjonijiet tagħha, bħall-abbuż ta’ pożizzjonijiet dominanti, il-ftehimiet antikompetittivi kif ukoll l-għaqdiet u l-akkwiżizzjonijiet, jekk dawn inaqqsu l-kompetizzjoni. Barra minn hekk, l-għajnuna mill-Istat hija pprojbita meta din twassal għal distorsjonijiet tal-kompetizzjoni, iżda tista’ tiġi awtorizzata f’każijiet speċifiċi.

Il-bażi legali

  • L-Artikoli 101 sa 109 tat-TFUE u l-Protokoll Nru 27 dwar is-suq intern u l-kompetizzjoni, li jagħmluha ċara li sistema ta’ kompetizzjoni ġusta hija parti integrali mis-suq intern, kif stabbilit fl-Artikolu 3(3) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea;
  • ir-Regolament dwar l-Għaqdiet (ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004) u r-regoli ta’ implimentazzjoni tiegħu (ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 802/2004);
  • l-Artikoli 37, 106 u 345 tat-TFUE għall-impriżi pubbliċi u l-Artikoli 14, 59, 93, 106, 107, 108 u 114 tat-TFUE għas-servizzi pubbliċi, is-servizzi ta’ interess ġenerali u s-servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali; il-Protokoll Nru 26 dwar is-servizzi ta’ interess ġenerali; l-Artikolu 36 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

L-objettivi

Il-politika tal-kompetizzjoni hija strument ewlieni biex jinkiseb suq intern ħieles, dinamiku u li jiffunzjona u biex jiġi promoss benesseri ekonomiku ġenerali. Il-kompetizzjoni tippermetti lin-negozji jikkompetu b’termini ugwali fl-Istati Membri, filwaqt li fl-istess ħin toħolqilhom inċentiv biex jirsistu ħalli joffru l-aqwa prodotti bl-orħos prezz għall-konsumaturi. Dan, min-naħa tiegħu, iwassal għall-innovazzjoni u jixpruna t-tkabbir ekonomiku fit-tul. Il-politika tal-kompetizzjoni tal-UE tapplika wkoll għan-negozji li mhumiex tal-UE iżda li joperaw fis-suq intern. Il-bidliet soċjetali, ekonomiċi, ġeopolitiċi u teknoloġiċi joħolqu sfidi għall-politika tal-kompetizzjoni tal-UE.

Fl-2020, il-Kummissjoni nediet rieżami komprensiv tar-regoli tal-UE dwar l-antitrust, l-għaqdiet u regoli dwar l-għajnuna mill-Istat. Il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar politika ta’ kompetizzjoni lesta għal sfidi ġodda, ta’ Novembru 2021, tiġbor fil-qosor l-elementi ewlenin ta’ dak ir-rieżami. Din tenfasizza wkoll kif ir-rieżami tal-politika jgħin biex jiġi promoss l-irkupru tal-UE wara l-pandemija u jinħoloq suq intern aktar reżiljenti biex titrawwem l-implimentazzjoni tal-Patt Ekoloġiku Ewropew u biex titħaffef it-tranżizzjoni diġitali.

F’ekonomija dejjem aktar diġitalizzata, saru meħtieġa għodod ġodda biex jiġu indirizzati l-isfidi emerġenti. L-Att dwar is-Swieq Diġitali, iffinalizzat mill-koleġiżlaturi f’Settembru 2022, għandu l-għan li jżomm is-swieq diġitali ġusti u kontestabbli u jintroduċi regolamentazzjoni ex ante għall-pjattaformi online hekk imsejħa “gwardjani”. Tnedew għadd ta’ inizjattivi oħra maħsuba biex isaħħu l-awtonomija strateġika miftuħa tal-UE f’kuntest globali. Pereżempju, ir-Regolament il-ġdid dwar is-Sussidji Barranin ifittex li jindirizza l-effetti distorsivi potenzjali tas-sussidji barranin fis-suq intern, b’mod partikolari fil-kuntest tal-akkwisti pubbliċi u fużjonijiet.

L-għodod tal-politika tal-kompetizzjoni

B’mod ġenerali, is-sett ta’ għodod tal-politika tal-kompetizzjoni tal-UE jinkludi regoli dwar l-antitrust, il-kontroll tal-għaqdiet, l-għajnuna mill-Istat, kif ukoll l-impriżi u s-servizzi pubbliċi. Ir-regoli tal-antitrust għandhom l-għan li jirrestawraw il-kundizzjonijiet kompetittivi, pereżempju fil-każ tal-formazzjoni ta’ kartelli jew l-abbuż minn pożizzjoni dominanti. L-għodod preventivi tal-politika tal-kompetizzjoni jinkludu l-kontroll tal-għaqdiet u r-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat. Il-kontroll tal-għaqdiet jantiċipa distorsjonijiet potenzjali tal-kompetizzjoni billi jivvaluta minn qabel jekk għaqda jew akkwiżizzjoni potenzjali jistax ikollha impatt antikompetittiv. Ir-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat għandhom l-għan li jipprevjenu intervent mhux dovut mill-Istat kull fejn trattament preferenzjali ta’ ċerti impriżi jew setturi jkollu, jew x’aktarx ikollu, effett ta’ distorsjoni fuq il-kompetizzjoni u jaffettwa ħażin il-kummerċ bejn l-Istati Membri. Is-servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali (SGEIs) huma partikolarment importanti għall-konsumaturi u huma soġġetti għal regoli speċifiċi fil-kuntest tal-għajnuna mill-Istat, bil-ħsieb li jippromwovu koeżjoni soċjali u territorjali, livell għoli ta’ kwalità, sikurezza u affordabbiltà, kif ukoll trattament ugwali.

A. Projbizzjoni komprensiva ta’ ftehimiet antikompetittivi (l-Artikolu 101 tat-TFUE)

Kollużjoni bejn il-kumpaniji toħloq distorsjoni tal-kundizzjonijiet ekwi u tikkawża ħsara lill-konsumaturi u lil negozji oħra. Il-ftehmiet bejn l-impriżi, bħalma huma l-kartelli, huma pprojbiti u jiġu awtomatikament nulli. Madankollu, il-ftehmiet jistgħu jiġu eżentati jekk jikkontribwixxu biex itejbu l-produzzjoni jew id-distribuzzjoni tal-prodotti jew jekk jippromwovu l-progress tekniku jew ekonomiku. Il-kundizzjonijiet għall-għoti ta’ eżenzjoni huma li l-konsumaturi jitħallew ikollhom sehem ġust mill-benefiċċju li jirriżulta u li l-ftehim ma jimponix restrizzjonijiet mhux meħtieġa jew ikollu l-għan li jelimina l-kompetizzjoni għal parti sostanzjali tal-prodotti inkwistjoni. Ġeneralment, eżenzjonijiet bħal dawn jiġu rregolati minn Regolamenti ta’ Eżenzjoni ta’ Kategorija minflok ma jingħataw każ b’każ.

Dawn ir-regolamenti jkopru gruppi ta’ ftehimiet speċifiċi simili, li normalment ikollhom impatt paragunabbli fuq il-kompetizzjoni. F’Mejju 2022, il-Kummissjoni adottat ir-Regolament rivedut għal Eżenzjoni ta’ Kategorija Vertikali. Hija rrieżaminat ukoll iż-żewġ Regolamenti ta’ Eżenzjoni ta’ Kategorija Orizzontali, flimkien mal-linji gwida rilevanti.

Fl-aħħar nett, ċerti ftehimiet ma jitqisux bħala ksur jekk ikunu ta’ importanza minuri u jkollhom impatt żgħir fuq is-suq (il-prinċipju de minimis). Tali ftehimiet spiss jitqiesu utli għall-kooperazzjoni bejn intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju.

Fi Frar 2024, ġie adottat avviż rivedut dwar id-definizzjoni tas-suq mill-Kummissjoni, l-ewwel reviżjoni tal-avviż mill-1997. Huwa jkopri d-definizzjoni ta’ swieq f’każijiet ta’ antitrust u fużjonijiet. Dan iġib il-gwida f’konformità ma’ realtajiet ġodda tas-suq, bħal swieq diġitali, u mal-iżviluppi fil-prattika tal-każ tal-Kummissjoni u l-ġurisprudenza tal-UE, u jwessa’ sostanzjalment il-kunċett ta’ “suq rilevanti”.

B. Il-projbizzjoni ta’ abbuż minn pożizzjoni dominanti (l-Artikolu 102 tat-TFUE)

Skont il-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE (QĠUE), pożizzjoni dominanti f’dan is-sens isseħħ meta impriża jkollha pożizzjoni ta’ saħħa ekonomika li tippermettilha tipprevjeni ż-żamma ta’ kompetizzjoni effettiva fis-suq rilevanti, billi tagħtiha s-saħħa li topera sa ċertu punt b’mod indipendenti mill-kompetituri u l-klijenti tagħha u fl-aħħarnett mill-konsumaturi tagħha. Il-pożizzjoni dominanti tiġi vvalutata fir-rigward tas-suq intern kollu kemm hu, jew tal-anqas parti sostanzjali minnu.

Pożizzjoni dominanti, fiha nnifisha, mhijiex ksur tal-liġi tal-kompetizzjoni tal-UE u dawk li jkollhom pożizzjonijiet bħal dawn jitħallew jikkompetu abbażi tal-mertu. Madankollu, pożizzjoni dominanti tagħti lil impriża responsabbiltà speċjali li tiżgura li l-aġir tagħha ma joħloqx distorsjoni tal-kompetizzjoni. Eżempji ta’ mġiba li twassal għal abbuż minn pożizzjoni dominanti jinkludu l-istabbiliment ta’ prezzijiet taħt il-livell tal-ispiża (ipprezzar predatorju), l-impożizzjoni ta’ prezzijiet eċċessivi, il-bejgħ abbinat u r-raggruppamenti, kif ukoll ir-rifjut ta’ negozju ma’ ċerti kontropartijiet.

Barra minn hekk, l-Att dwar is-Swieq Diġitali jistabbilixxi obbligi speċifiċi għall-pjattaformi online hekk imsejħa “gwardjani”. Ladarba entità tinħatar bħala gwardjan mill-Kummissjoni, din hija obbligata li tikkonformi ma’ ċerti obbligi jew projbizzjonijiet ta’ ċerta mġiba kif previst fil-liġi (bħall-awtofavorizzazzjoni, l-installazzjoni minn qabel u l-abbinament ta’ ċerti prodotti tas-software, eċċ.). Dawk l-obbligi huma supplementari għar-regoli ġenerali tal-kompetizzjoni, li jibqgħu japplikaw. Kważi immedjatament wara li l-obbligi saru applikabbli, il-Kummissjoni fetħet diversi investigazzjonijiet ta’ nuqqas ta’ konformità.

C. Il-kontroll tal-għaqdiet

Skont ir-Regolament (KE) dwar l-Għaqdiet (Nru 139/2004), il-konċentrazzjonijiet li jimpedixxu b’mod sinifikanti l-kompetizzjoni effettiva fis-suq intern jew f’parti sostanzjali minnu, partikolarment minħabba l-ħolqien jew it-tisħiħ ta’ pożizzjoni dominanti, iridu jiġu ddikjarati inkompatibbli mas-suq komuni (l-Artikolu 2(3)). Il-Kummissjoni trid tiġi nnotifikata dwar l-għaqdiet ippjanati jekk il-kumpanija li tirriżulta taqbeż ċerti limiti (l-hekk imsejħa konċentrazzjonijiet b’dimensjoni Komunitarja). Taħt dawn il-livelli limiti, l-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni jistgħu jirrieżaminaw l-għaqdiet. Ir-regoli dwar il-kontroll tal-għaqdiet japplikaw bl-istess mod għal kumpaniji bbażati barra mill-UE, jekk dawn iwettqu negozju fis-suq intern. Il-proċess ta’ rieżami jiskatta mal-akkwiżizzjoni tal-kontroll fuq impriża oħra (l-Artikolu 3(1)). Wara valutazzjoni tal-impatt potenzjali ta’ għaqda fuq il-kompetizzjoni, il-Kummissjoni tista’ tapprovaha jew tiċħadha, jew tista’ tagħti approvazzjoni, soġġetta għal ċerti kundizzjonijiet u obbligi (l-Artikolu 8). Wara dan, ma jsir ebda skrutinju sistematiku jew separazzjoni ta’ kumpaniji assoċjati.

Wara proċess ta’ rieżami twil li beda fl-2014, il-Kummissjoni emendat ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni dwar l-Għaqdiet u l-Avviż dwar Proċedura Simplifikata. Dawn ir-regoli l-ġodda ilhom japplikaw minn Settembru 2023. Każijiet speċifiċi fejn l-Istati Membri jistgħu jitolbu lill-Kummissjoni biex teżamina kwalunkwe konċentrazzjoni li ma jkollhiex dimensjoni Komunitarja ġew definiti ulterjorment f’komunikazzjoni tal-Kummissjoni fis-26 ta’ Marzu 2021.

D. Il-projbizzjoni tal-għajnuna mill-Istat (l-Artikolu 107 tat-TFUE)

L-Artikolu 107 tat-TFUE fih projbizzjoni ġenerali tal-għajnuna mill-Istat għall-prevenzjoni ta’ distorsjonijiet tal-kompetizzjoni fis-suq intern li jistgħu jirriżultaw mill-għoti ta’ vantaġġi selettivi lil ċerti kumpaniji. Kull għajnuna diretta mogħtija mill-Istati Membri (pereżempju sussidji li ma jitħallsux lura, self b’kundizzjonijiet favorevoli, eżenzjonijiet mit-taxxa u mid-dazju u garanziji għal self) kif ukoll vantaġġi simili huma pprojbiti.

It-TFUE jagħti l-possibbiltà ta’ ċerti eżenzjonijiet minn din il-projbizzjoni ġenerali, jekk dawn ikunu jistgħu jiġu ġġustifikati minn objettivi speċifiċi ta’ politika ġenerali, pereżempju biex jiġi indirizzat taqlib ekonomiku serju jew għal raġunijiet ta’ interess Ewropew komuni. Waqt it-tifqigħa tal-COVID-19, il-Kummissjoni adottat il-qafas temporanju għall-għajnuna mill-Istat biex tindirizza disturbi ekonomiċi serji kkawżati mill-pandemija; il-qafas diġà ġie eliminat gradwalment. F’Marzu 2022, il-Kummissjoni adottat qafas temporanju għall-kriżijiet, li minn dak iż-żmien ġie estiż aktar, biex l-Istati Membri jkunu jistgħu jużaw il-flessibbiltà mogħtija skont ir-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat biex jappoġġjaw l-ekonomija fil-kuntest tal-invażjoni tal-Ukrajna mir-Russja. F’Marzu 2023, il-Kummissjoni ttrasformat ulterjorment il-qafas temporanju fil-Qafas Temporanju ta’ Kriżi u ta’ Tranżizzjoni, billi żiedet miżuri biex trawwem miżuri ta’ appoġġ f’setturi li huma kruċjali għat-tranżizzjoni lejn ekonomija b’emissjonijiet żero netti, f’konformità mal-Pjan Industrijali tal-Patt Ekoloġiku. B’konsegwenza ta’ dan, minħabba ż-żieda ta’ għanijiet ġodda, l-essenza tal-politika tal-kompetizzjoni tal-UE bħalissa għaddejja minn bidliet profondi, u dan jista’ jitqies bħala tluq minn deċennji ta’ prattika.

Fil-passat, passi simili ttieħdu fil-kuntest tal-kriżi finanzjarja globali għall-prevenzjoni ta’ riperkussjonijiet negattivi maġġuri għas-sistema finanzjarja kollha minħabba l-falliment ta’ istituzzjoni finanzjarja individwali.

L-Istati Membri meħtieġa jinnotifikaw lill-Kummissjoni dwar kwalunkwe għajnuna mill-Istat ippjanata, dment li ma tkunx koperta minn eżenzjoni ta’ kategorija ġenerali (kif stabbilit mir-Regolament tal-Kummissjoni ta’ Eżenzjoni ta’ Kategorija għall-għajnuna mill-Istat) jew mill-prinċipju de minimis. Il-miżuri tal-għajnuna mill-Istat jistgħu jiġu implimentati biss jekk il-Kummissjoni tkun tat l-approvazzjoni. F’ċertu każijiet, il-Kummissjoni kkunsidrat it-trattament preferenzjali tat-taxxa għal kumpaniji magħżula bħala għajnuna mill-Istat illegali. Bosta minn dawk il-każijiet bħalissa huma soġġetti għal investigazzjoni legali mill-QĠUE. Il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tirkupra l-għajnuna mill-Istat li tkun inkompatibbli.

Mill-2021, il-Kummissjoni lestiet firxa ta’ rieżamijiet ta’ aspetti differenti tal-politika tal-UE dwar l-għajnuna mill-Istat, liema rieżamijiet irriżultaw f’linji gwida ġodda dwar l-għajnuna mill-Istat għall-klima, il-protezzjoni ambjentali u l-enerġija, il-komunikazzjoni riveduta dwar ir-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat għal proġetti importanti ta’ interess Ewropew komuni (IPCEIs), u l-linji gwida riveduti dwar l-għajnuna mill-Istat għall-promozzjoni tal-investimenti ta’ finanzjament tar-riskju, fost l-oħrajn. Mill-2018, bejn wieħed u ieħor ġie approvat IPCEI wieħed kull sena.

E. Servizzi pubbliċi ta’ interess ekonomiku ġenerali

F’uħud mill-Istati Membri, ċerti servizzi essenzjali (pereżempju l-elettriku, il-posta u t-trasport bil-ferrovija) għadhom jiġu pprovduti minn impriżi pubbliċi jew minn impriżi kkontrollati mill-awtoritajiet pubbliċi. Tali servizzi jitqiesu bħala SGEIs u jkunu soġġetti għal regoli speċifiċi fil-kuntest tal-qafas tal-UE dwar l-għajnuna mill-Istat. L-Artikolu 36 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea jirrikonoxxi wkoll l-aċċess li ċ-ċittadini Ewropej għandu jkollhom għall-SGEIs.

L-infurzar

L-infurzar rigoruż u effettiv tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-UE huwa essenzjali biex jiġi żgurat li jinkisbu l-objettivi tal-politika tal-kompetizzjoni. Il-Kummissjoni hija l-entità ewlenija responsabbli biex tiġi żgurata l-applikazzjoni korretta ta’ dawn ir-regoli u għandha setgħat estensivi ta’ spezzjoni u infurzar. Madanakollu, ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 jippermetti li l-qrati u l-awtoritajiet tal-antitrust nazzjonali jkollhom rwol ta’ infurzar aktar b’saħħtu, rwol li kompla jissaħħaħ bid-Direttiva (UE) 2019/1. Il-koordinazzjoni tal-infurzar nazzjonali u tal-UE hija appoġġjata min-Network Ewropew għall-Kompetizzjoni (NEK), li fih il-Kummissjoni, l-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni u l-qrati jikkooperaw biex jiżguraw li r-regoli tal-kompetizzjoni tal-UE jiġu infurzati b’mod effettiv u applikati b’mod konsistenti. Il-proċedura ta’ kooperazzjoni hija stabbilita fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 u ġiet imsaħħa bid-Direttiva (UE) 2019/1 (NEK+).

Fil-qasam tal-liġi dwar l-antitrust, id-Direttiva dwar l-Azzjonijiet għad-Danni ġiet adottata fl-2014 sabiex tipprovdi protezzjoni aħjar għall-parteċipanti fis-suq li ssirilhom ħsara mill-ftehimiet ipprojbiti (kartelli u abbuż minn pożizzjoni dominanti) u sabiex issaħħaħ l-effett ta’ deterrent fuq dawk il-prattiki. Dan jiffaċilita l-proċess biex jinkiseb kumpens għall-ħsara.

Ir-rwol tal-Parlament Ewropew

Fil-politika tal-kompetizzjoni, ir-rwol prinċipali tal-Parlament huwa l-iskrutinju tal-eżekuttiv. Il-Kummissarju għall-Kompetizzjoni jidher diversi drabi fis-sena quddiem il-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji (ECON) tal-Parlament, biex jispjega l-approċċ meħud u jiddiskuti deċiżjonijiet individwali. Rigward l-adozzjoni ta’ leġiżlazzjoni dwar il-politika tal-kompetizzjoni, il-Parlament normalment jiġi involut biss permezz tal-proċedura ta’ konsultazzjoni. Madankollu, il-proċedura leġiżlattiva ordinarja tista’ tiġi applikata, bħal pereżempju għall-adozzjoni tad-direttivi msemmijin hawn fuq dwar azzjonijiet għad-danni u miżuri biex jissaħħu l-awtoritajiet tal-Istati Membri (id-Direttiva NEK+).

Matul it-tmien leġiżlatura (2014-2019), il-Kumitat Speċjali dwar id-Deċiżjonijiet fil-Qasam tat-Taxxa u Miżuri oħra ta’ Natura jew Effett Simili (TAXE 1, TAXE 2 u TAXE 3) analizza l-miżuri meħuda biex jivvaluta l-kompatibbiltà tad-deċiżjonijiet tat-taxxa fl-Istati Membri mar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat u l-possibbiltà li r-regoli dwar l-iskambju reċiproku tal-informazzjoni jiġu ċċarati aktar. F’Settembru 2020, is-Sottokumitat għall-Kwistjonijiet Fiskali (FISC) inħoloq biex ikompli din il-ħidma u jiżgura li l-Parlament jippromwovi tassazzjoni ġusta fil-livell nazzjonali, tal-UE u globali.

Il-Parlament ikompli jimmonitorja l-iżviluppi fil-politika tal-kompetizzjoni u l-ħidma tal-Kummissjoni f’dan il-qasam. Il-Grupp ta’ Ħidma ddedikat dwar il-Kompetizzjoni tal-Kumitat ECON u r-riżoluzzjonijiet annwali tal-Parlament dwar ir-rapport annwali tal-Kummissjoni dwar il-politika tal-kompetizzjoni jipprovdu kontribut għall-politiki u gwida għall-fehma tal-Parlament dwar kif għandhom jiġu indirizzati l-isfidi tal-politika tal-kompetizzjoni tal-UE.

 

Christian Scheinert