Raggruppamenti Ewropej ta’ Kooperazzjoni Territorjali (REKT)
Ir-raggruppamenti Ewropej ta’ kooperazzjoni territorjali (REKT) twaqqfu sabiex jiffaċilitaw il-kooperazzjoni transfruntiera, transnazzjonali u interreġjonali bejn l-Istati Membri u l-awtoritajiet reġjonali u lokali tagħhom. Dawn jippermettu lis-sħab jimplimentaw proġetti konġunti, jiskambjaw il-ħiliet esperti u jtejbu l-koordinazzjoni tal-ippjanar spazjali.
Il-bażi legali
- Ir-Regolament (KE) Nru 1082/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Lulju 2006 dwar raggruppament Ewropew ta’ kooperazzjoni territorjali (REKT).
- Ir-Regolament (UE) Nru 1302/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1082/2006 dwar raggruppament Ewropew ta’ kooperazzjoni territorjali (REKT) fir-rigward tal-kjarifika, is-simplifikazzjoni u t-titjib għat-twaqqif u l-funzjonament ta’ tali raggruppamenti.
L-isfond
L-objettiv ta’ REKT huwa li jiffaċilita u jippromwovi l-kooperazzjoni territorjali, b’mod partikolari, bejn il-membri tiegħu, inkluż mill-anqas linja waħda jew aktar ta’ kooperazzjoni transfruntiera, transnazzjonali u interreġjonali, bil-għan li tissaħħaħ il-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali fl-UE.
B’mod ġenerali, il-kompiti ta’ REKT huma allinjati mal-objettivi deskritti hawn fuq. Il-kompiti jistgħu jinkludu atti speċifiċi ta’ kooperazzjoni territorjali bejn il-membri tiegħu, b’appoġġ finanzjarju mill-Unjoni Ewropea jew mingħajru. REKT jista’ jingħata l-kompitu li jimplimenta programmi kofinanzjati mill-UE, permezz tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew u/jew il-Fond ta’ Koeżjoni, jew proġetti ta’ kooperazzjoni transfruntiera oħra b’finanzjament tal-UE jew mingħajru. Eżempji ta’ attivitajiet bħal dawn jinkludu l-ġestjoni ta’ faċilitajiet tat-trasport jew sptarijiet transfruntieri, l-implimentazzjoni jew il-ġestjoni ta’ proġetti ta’ żvilupp transfruntier, u l-qsim ta’ ħiliet espert u prattiki tajba.
L-istruttura
REKT jista’ jinħoloq minn sħab li jkunu bbażati f’mill-anqas żewġ Stati Membri (jew Stat Membru wieħed u pajjiż terz wieħed jew aktar) li jappartjenu għal waħda jew aktar mill-kategoriji li ġejjin:
- Stati Membri jew awtoritajiet f’livell nazzjonali;
- awtoritajiet reġjonali;
- awtoritajiet lokali;
- impriżi jew korpi pubbliċi regolati bid-dritt pubbliku;
- impriżi fdati bl-operazzjonijiet ta’ servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali;
- awtoritajiet nazzjonali, reġjonali jew lokali, jew korpi jew impriżi minn pajjiżi terzi (soġġetti għal kundizzjonijiet speċifiċi);
- assoċjazzjonijiet li jikkonsistu f’korpi li jappartjenu għal kategorija waħda jew aktar mill-kategoriji msemmija hawn fuq.
Ir-REKT għandhom personalità ġuridika u huma regolati permezz ta’ konvenzjoni konkluża b’mod unanimu mill-membri tagħhom. Ir-REKT jaġixxu f’isem il-membri tagħhom, li jadottaw l-istatuti tagħhom permezz ta’ konvenzjonijiet speċjali li jiddeskrivu l-organizzazzjoni u l-attivitajiet tar-REKT. Bħala rekwiżit minimu, REKT irid ikollu żewġ organi: assemblea, li tkun magħmula minn rappreżentanti tal-membri, u direttur, li jirrappreżenta lir-REKT u jaġixxi f’isimha.
Barra minn hekk, il-poteri tar-REKT huma limitati mill-poteri rispettivi tal-membri tagħhom. Il-poteri tal-awtorità pubblika, bħal pereżempju t-tfassil tal-politiki u l-poteri regolatorji, ma jistgħux jiġu trasferiti lil REKT.
L-assemblea tadotta l-estimi tal-baġit annwali tar-REKT, li fir-rigward tagħhom jitħejja rapport annwali tal-attività u jiġi ċċertifikat minn esperti indipendenti. Il-membri huma responsabbli finanzjarjament għal kwalunkwe dejn, bi proporzjon mal-kontribuzzjoni tagħhom.
Il-kisbiet
Il-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni jamministra r-reġistru tar-REKT. Il-lista bħalissa fiha 88 REKT, li tlieta minnhom ingħalqu.
Bħalissa hemm REKT wieħed, in-Network Ewropew ta’ Għarfien Urban li l-membri tiegħu ma jikkondividux fruntiera ġeografika. Dan ir-REKT huwa pjattaforma għall-iskambju ta’ għarfien espert u ideat fil-qasam tal-iżvilupp urban.
Fir-rapport tagħha ta’ April 2018 dwar l-applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1082/2006 (ir-Regolament REKT), il-Kummissjoni kkonfermat il-valur miżjud Ewropew tal-istrument: il-kooperazzjoni fost il-membri tar-REKT minn Stati Membri u pajjiżi terzi differenti tiffaċilita t-teħid tad-deċiżjonijiet u tikkontribwixxi għall-iżvilupp konġunt ta’ objettivi u strateġiji bejn il-fruntieri nazzjonali. Ir-Raggruppamenti Ewropej ta’ Kooperazzjoni Territorjali u l-isħubiji fihom qed jikbru b’mod stabbli fl-UE kollha, u l-użi tagħhom qed jimmultiplikaw. B’riżultat tal-bidliet tar-Regolament REKT fl-2013, ir-REKT issa huma involuti f’diversi programmi u proġetti ta’ kooperazzjoni territorjali Ewropea (INTERREG), u fl-implimentazzjoni ta’ programmi oħra tal-politika ta’ koeżjoni, pereżempju fil-qasam tal-iżvilupp rurali.
Ir-rwol tal-Parlament Ewropew
Ir-Regolament REKT jaqa’ taħt il-proċedura leġiżlattiva ordinarja; Għaldaqstant il-Parlament aġixxa bħala koleġiżlatur, fuq bażi pari mal-Kunsill. Ir-Regolament laqa’ t-talbiet tal-Parlament rigward definizzjoni ċara ta’ kooperazzjoni territorjali, il-ħtieġa li tkun speċifika r-responsabilità finanzjarja tal-Istati Membri, kif ukoll il-ġuriżdizzjoni u r-regoli tal-pubblikazzjoni u/jew ir-reġistrazzjoni tal-istatuti ta’ REKT. Barra minn hekk, il-Kunsill aċċetta s-suġġeriment tal-Parlament li REKT għandu jkun irregolat mid-dritt tal-Istat Membru fejn ir-REKT ikollu l-uffiċċju rreġistrat tiegħu.
Fl-aħħar tal-2013, ir-Regolament REKT ġie emendat. L-għan ta’ din l-emenda kien li jiġu ċċarati r-regoli eżistenti, li l-ħolqien u l-funzjonament tar-REKT isiru aktar sempliċi u li l-involviment ta’ pajjiżi terz ikun aktar ċar. Ir-Regolament REKT rivedut ilu japplika mit-22 ta’ Ġunju 2014.
Bil-għan li jiġi faċilitat l-użu tal-istrument, il-Parlament poġġa enfasi fuq l-istabbiliment ta’ rabtiet ma’ Raggruppamenti Ewropej ta’ Kooperazzjoni Territorjali fi strumenti ta’ politika differenti, bħall-politika ta’ koeżjoni. Il-Parlament irnexxielu wkoll jiżgura li, taħt il-qafas leġiżlattiv li jirregola l-perjodu ta’ programmazzjoni 2014-2020, ir-rappreżentanti tar-REKT jistgħu jipparteċipaw fil-kumitati ta’ monitoraġġ tal-programmi.
Minkejja l-iżviluppi pożittivi fl-użu ta’ dawn l-istrumenti, il-Parlament jemmen li hemm lok għal titjib: fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta’ Settembru 2018 dwar spinta lit-tkabbir u l-koeżjoni fir-reġjuni tal-fruntieri tal-UE, il-Parlament esprima dispjaċir dwar il-fatt li l-potenzjal tar-REKT mhux qed jiġi sfruttat għalkollox. Dan jista’ jkun dovut parzjalment għar-riżervi tal-awtoritajiet reġjonali u lokali, u parzjalment għall-biża’ tagħhom minn trasferiment tal-kompetenzi u nuqqas ta’ sensibilizzazzjoni rigward il-kompetenzi rispettivi tagħhom. Barra minn hekk, il-Parlament stiednet lill-Kummissjoni tipproponi miżuri biex jingħelbu l-ostakli għall-applikazzjoni aktar effettiva tal-istrument REKT.
Fil-15 ta’ Settembru 2022, il-Parlament adotta riżoluzzjoni dwar ir-reġjuni tal-fruntieri tal-UE: laboratorji ħajjin tal-integrazzjoni Ewropea. Ir-riżoluzzjoni tipproponi li jiġu indirizzati l-iżvantaġġi strutturali li jiffaċċjaw ir-reġjuni mal-fruntiera kollha permezz ta’ skema ta’ għajnuna reġjonali ddedikata. Jitlob ukoll li 0.26% tal-baġit tal-politika ta’ koeżjoni tal-UE jiġi allokat biex jiġu indirizzati l-isfidi strutturali fiż-żoni tal-fruntiera. Huwa jispeċifika li l-ammont għandu jingħata fil-bidu tal-perjodu l-ġdid ta’ programmazzjoni tal-baġit (2028-2034) u għandu jingħata lil REKT jew strutturi simili fir-reġjuni mal-fruntiera.
Frédéric Gouardères