Kriterji għall-kooperazzjoni
L-interpretazzjoni tal-konferenzi f'organizzazzjonijiet internazzjonali bħall-Parlament Ewropew hija differenti ħafna minn forom oħrajn ta' medjazzjoni lingwistika bħall-interpretazzjoni liaison jew l-interpretazzjoni fil-qrati. L-esperjenza fuq medda ta' ħafna snin permezz ta' ttestjar fuq il-persuni gradwati mill-universitajiet wasslet għall-konklużjoni li jekk kors tal-interpretazzjoni jrid joffri ħila professjonali li tista' tintuża, irid jissodisfa ċerti standards.
L-universitajiet huma mħeġġa jsegwu l-linji gwida sussegwenti meta jfasslu l-kurrikula:
- Kors għandu jkun magħmul, fil-biċċa l-kbira tiegħu, minn attivitajiet ta' prattika fl-interpretazzjoni kemm simultanja kif ukoll konsekuttiva (tal-inqas 75%) b'materjal ta' diskorsi minn varjetà kbira ta' sorsi mill-ħajja reali
- Għandhom jingħataw korsijiet minn professjonisti li jkunu qed jipprattikaw, akkreditati mal-Istituzzjonijiet tal-UE jew organizzazzjonijiet internazzjonali oħrajn. Barra minn hekk, l-interpreti tal-konferenzi professjonali jkunu membri sħaħ tal-ġurija tal-eżamijiet.
- Biex jirċievu d-diploma, il-gradwati jridu jgħaddu mill-eżamijiet fiż-żewġ metodi ta' interpretazzjoni
- M'għandu jkun meħtieġ ebda numru minimu ta' studenti biex jiġi organizzat kors u lanqas m'għandhom jintlaħqu xi kwoti biex tingħata d-diploma.
- Sabiex jiżgura dawn il-kundizzjonijiet, il-koordinatur tal-kors għandu jkun ukoll qed jipprattika bl-awtonomija pedagoġika.
Dan l-għan jintlaħaq l-aħjar meta l-kors jitħalla strutturalment indipendenti mid-dipartimenti tal-lingwi jew tat-traduzzjoni. Għarfien ta' lingwa oħra huwa prerekwiżit biex wieħed jibda kors tal-interpretazzjoni, imma l-ħila tal-ipproċessar li wieħed irid jikseb hija distinta ħafna, u l-Masters għandu jinfetaħ għal gradwati xierqa mill-oqsma ta' studju kollha.
L-istandards u l-parametri referenzjali msemmija hawn fuq huma rikonoxxuti sew mill-Kapijiet tas-Servizzi tal-Interpretar tal-Organizzjonijiet Internazzjonali li ffirmaw id-Dikjarazzjoni konġunta dwar it-Taħriġ tal-Interpreti tal-Konferenzi.
Il-Parlament Ewropew jista' jappoġġja l-isforzi tal-università billi jipprovdi għajnuna pedagoġika u finanzjarja, jekk kors jissodisfa l-istandards meħtieġa u skont id-disponibbiltà tar-riżorsi u l-bżonnijiet ta' reklutaġġ tal-istituzzjoni.
Is-sħubija bejn università u s-Servizz tal-Interpretazzjoni tal-Parlament Ewropew tista' tiġi formalizzata fl-għamla ta' Memorandum ta' Ftehim. Il-kooperazzjoni tiġi evalwata kull sena permezz ta' indikaturi rrapportati mill-università.