X’inhu s-sehem tal-Parlament mill-baġit tal-UE? 

Il-Parlament jista’ jappoġġja l-ħidma tas-720 Membru tal-Parlament Ewropew u jaħdem b’24 lingwa differenti bis-saħħa tal-baġit annwali tiegħu. Dan il-baġit jirrappreżenta l-20% tan-nefqa amministrattiva totali tal-istituzzjonijiet tal-UE u 1.2% biss tal-baġit ġenerali tal-UE.

L-Istati Membri jirċievu l-maġġoranza l-kbira tal-finanzjamenti tal-UE.

Kif jiġi deċiż il-baġit?

Normalment, il-proċedura biex jitfassal il-baġit tal-Parlament tibda fi Frar. Is-Segretarju Ġenerali tal-Parlament Ewropew iressaq proposta li fiha jiddefinixxi l-prijoritajiet u r-riżorsi għas-sena ta’ wara. Il-Bureau, li hu magħmul mill-President u mill-14-il Viċi President, juża din il-proposta bħala l-bażi biex jadotta l-abbozz preliminari tal-estimi u jippreżentah lill-Kumitat għall-Baġits.

Wieħed mill-membri tal-Kumitat - magħruf bħala r-rapporteur dwar il-baġit - jinħatar biex ifassal rapport li jiddeskrivi l-prijoritajiet ta’ ħidma tal-Parlament u jipproponi kemm għandhom jintefqu flus fuqhom. L-ewwel, il-kumitat għall-baġits jivvota dwar ir-rapport u mbagħad jivvotaw dwaru l-Membri kollha tal-Parlament Ewropew waqt sessjoni plenarja, normalment f’Mejju. Dawn l-estimi mbagħad jiġu inkorporati fl-abbozz ta’ baġit tal-UE għas-sena ta’ wara, li jiġi emendat u adottat mill-Membri tal-Parlament Ewropew waqt sessjoni plenarja sa mhux aktar tard minn Diċembru.