Immunità parlamentari 

L-immunità parlamentari mhijiex privileġġ personali ta’ Membru, iżda tiggarantixxi li Membru tal-Parlament Ewropew ikun jista’ jeżerċita b’mod liberu l-mandat tiegħu mingħajr ma jiġi espost għal persekuzzjoni politika arbitrarja. L-immunità parlamentari bħala tali tiggarantixxi l-indipendenza u l-integrità tal-Parlament fit-totalità tiegħu.

Il-Membri tal-Parlament Ewropew ma jistgħux ikunu soġġetti għall-ebda forma ta’ investigazzjoni, detenzjoni jew proċedura legali, minħabba opinjonijiet espressi jew voti mitfugħa minnhom fil-qadi ta’ dmirijiethom bħala Membri tal-Parlament Ewropew.

L-immunità ta’ Membru tal-PE hija doppja:

  • fl-Istat Membru tagħhom, simili għall-immunità mogħtija lill-membri tal-parlamenti nazzjonali; u
  • fit-territorju ta’ kull Stat Membru ieħor, l-immunità minn kull tip ta’ detenzjoni u minn proċeduri legali (l-Artikolu 9 tal-Protokoll Nru 7).

L-immunità ma tistax tintalab meta Membru jinqabad fil-fatt ta’ reat.

Kif tista’ titneħħa jew mħarsa l-immunità?

Fi tweġiba għal talba minn awtorità nazzjonali kompetenti lill-Parlament Ewropew għat-tneħħija tal-immunità ta’ Membru (jew għal talba minn Membru jew ex Membru għall-ħarsien tal-immunità tiegħu), il-President tal-Parlament iħabbar it-talba lill-plenarja u jirreferiha lill-kumitat parlamentari responsabbli (il-Kumitat għall-Affarijiet Legali).

Il-kumitat jista’ jitlob kwalunkwe informazzjoni jew spjegazzjoni li jqis neċessarja. Il-Membru kkonċernat għandu jingħata l-opportunità li jinstema’, u jista’ jippreżenta kwalunkwe dokument rilevanti jew evidenza oħra bil-miktub.

Il-Kumitat jadotta, bil-magħluq, u jressaq quddiem il-Parlament kollu rakkomandazzjoni dwar jekk japprovax jew jiċħadx it-talba biex titneħħa jew titħares l-immunità tal-Membru. Fis-sessjoni plenarja wara d-deċiżjoni tal-kumitat, il-Parlament jasal għal deċiżjoni permezz ta’ votazzjoni b’maġġoranza sempliċi. Wara l-votazzjoni, il-President jikkomunika minnufih id-deċiżjoni tal-Parlament lill-Membru tal-PE u lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru.

Membru tal-Parlament Ewropew iżomm is-siġġu tiegħu anke jekk titneħħielu l-immunità?

Iva, il-mandat ta’ Membru tal-PE huwa mandat nazzjonali u l-ebda awtorità oħra ma tista’ tneħħihielu. Barra minn hekk, it-tneħħija tal-immunità ta’ Membru tal-PE mhijiex sentenza ta’ “ħtija”, iżda tippermetti biss lill-awtoritajiet ġudizzjarji nazzjonali jipproċedu b’investigazzjoni jew bi proċess. Peress li l-Membri tal-Parlament Ewropew jiġu eletti skont il-liġi elettorali nazzjonali, jekk jinstabu ħatja ta’ reat, sta għall-awtoritajiet tal-Istat Membru jiddeċiedu dwar jekk jiddekadix il-mandat tiegħu jew le.