Min huma l-Membri tal-Parlament Ewropew fil-funzjonijiet ewlenin u kif jiġu eletti?
Fl-ewwel sessjoni plenarja wara l-elezzjonijiet Ewropej, il-Membri tal-Parlament Ewropew jeleġġu President ġdid, 14-il Viċi President ġdid u ħames Kwesturi.
Il-karigi eletti kollha fil-Parlament Ewropew, jiġifieri l-President, il-Viċi Presidenti, il-Kwesturi, il-Presidenti u l-Viċi Presidenti tal-kumitati u tad-delegazzjonijiet, jiġġeddu kull sentejn u nofs, jiġifieri darba fil-bidu u darba f’nofs il-leġiżlatura ta’ 5 snin. Dawk li attwalment għandhom kariga jistgħu jiġu kkonfermati għat-tieni mandat.
Meta jiġu eletti l-President, il-Viċi Presidenti u l-Kwesturi, għandha tiġi żgurata r-rappreżentanza ġenerali ġusta tal-Istati Membri u għandhom jitqiesu l-fehmiet politiċi.
Il-President tal-Parlament Ewropew
Il-President jissorvelja l-attivitajiet tal-Parlament, jippresjedi s-seduti plenarji u japprova l-baġit annwali tal-UE. Il-President jirrappreżenta lill-Parlament fuq livell estern u fir-relazzjonijiet tiegħu mal-istituzzjonijiet l-oħra tal-UE.
Roberta Metsola hija l-President tal-Parlament Ewropew
Kif jiġu eletti?
L-ewwel att ta’ Parlament Ewropew ġdid huwa li jeleġġi l-President tiegħu. Il-kandidati għall-Presidenza jistgħu jiġu proposti minn grupp politiku jew minn minimu ta’ 36 Membru tal-Parlament Ewropew. L-elezzjoni ssir permezz ta’ vot sigriet. Biex jiġi elett, kandidat jeħtieġlu jirbaħ maġġoranza assoluta tal-voti validi mitfugħa, jiġifieri 50% u vot wieħed.
Jekk ma jiġi elett l-ebda kandidat fl-ewwel votazzjoni, l-istess kandidat jew kandidati oħra jistgħu jiġu nominati għat-tieni ċiklu ta’ votazzjoni fl-istess kundizzjonijiet. Dan jista’ jiġi ripetut fit-tielet ċiklu jekk ikun meħtieġ, għal darb’oħra bl-istess regoli.
Jekk ħadd ma jiġi elett fit-tielet votazzjoni, iż-żewġ kandidati li jkunu kisbu l-aktar voti f’dak iċ-ċiklu jipproċedu għar-raba’ votazzjoni, li fiha l-kandidat li jirċievi l-ogħla numru ta’ voti jirbaħ. (Jekk f’dan l-istadju jkun hemm żewġ kandidati bl-istess ammont ta’ voti, il-kandidat l-aktar anzjan jiġi ddikjarat ir-rebbieħ).
Min huma l-Viċi Presidenti u l-Kwesturi?
Il-Viċi Presidenti jistgħu jissostitwixxu lill-President fil-qadi ta’ dmirijietu fejn ikun meħtieġ, inkluża l-presidenza tas-seduti plenarji. Huma wkoll membri tal-Bureau - il-korp responsabbli għall-kwistjonijiet amministrattivi, tal-persunal u organizzattivi kollha fil-Parlament. Il-Kwesturi jittrattaw kwistjonijiet amministrattivi li jaffettwaw direttament lill-Membri tal-Parlament Ewropew stess. Il-Parlament Ewropew għandu 14-il Viċi President u ħames Kwesturi.
Kif jiġu eletti?
Il-kandidati għall-karigi ta’ Viċi President u Kwestur jistgħu jiġu ppreżentati minn grupp politiku jew minn minimu ta’ 36 Membru. L-elezzjoni tal-Viċi Presidenti ssir permezz ta’ votazzjoni sigrieta waħda għall-kandidati kollha. L-ordni li fih jiġu eletti l-kandidati tiddetermina l-ordni ta’ preċedenza).
Min huma l-presidenti tal-gruppi politiċi u kif jiġu eletti?
Bħalissa hemm seba’ gruppi politiċi fil-Parlament Ewropew. Kull grupp politiku jeleġġi l-president jew il-kopresidenti tiegħu. Il-presidenti tal-gruppi u l-President tal-PE jiffurmaw il-Konferenza tal-Presidenti.
Il-Konferenza tal-Presidenti torganizza x-xogħlijiet tal-Parlament u l-ippjanar leġiżlattiv, tiddeċiedi dwar l-għoti tal-kompetenzi u l-kompożizzjoni tal-kumitati u tad-delegazzjonijiet u hija responsabbli għar-relazzjonijiet mal-istituzzjonijiet l-oħra tal-UE, mal-parlamenti nazzjonali u mal-pajjiżi terzi.
Min huma l-Presidenti tal-kumitati u kif jiġu eletti?
Matul is-seduti kostituttivi tagħhom (u f’nofs il-leġiżlatura, meta jiġu eletti membri detenturi ta’ karigi ġodda), il-kumitati tal-Parlament jeleġġu l-Presidenti u l-Viċi Presidenti tagħhom. Il-Presidenti u l-Viċi Presidenti jistgħu jiġu kkonfermati wkoll għat-tieni mandat fl-elezzjonijiet li jsiru f’nofs il-leġiżlatura.
Kull kumitat jeleġġi l-Bureau tiegħu, li jikkonsisti minn President u Viċi Presidenti, f’votazzjonijiet separati. In-numru ta’ Viċi Presidenti li għandhom jiġu eletti huwa determinat mill-Parlament kollu fuq proposta tal-Konferenza tal-Presidenti.
Id-delegazzjonijiet interparlamentari permanenti tal-Parlament (għar-relazzjonijiet ma’ parlamenti mhux tal-UE) jeleġġu wkoll il-Presidenti u l-Viċi Presidenti tagħhom, permezz tal-istess proċedura bħal fil-każ tal-kumitati.
Min huma l-koordinaturi fil-kumitati u kif jiġu eletti?
Il-gruppi politiċi jeleġġu l-“koordinaturi” għall-kumitati parlamentari li jirrappreżentaw il-mexxej politiku ta’ kull grupp fi ħdan kull kumitat. Jikkoordinaw il-perspettiva tal-grupp tagħhom rigward is-suġġetti mressqa quddiem għall-eżami tal-kumitat, u flimkien mal-President u mal-Viċi Presidenti, jorganizzaw il-ħidma fil-kumitat.