X’inhuma l-gruppi politiċi u kif jiġu ffurmati? 

Wara elezzjoni, il-Membri tal-Parlament Ewropew normalment jingħaqdu fi grupp politiku jew joħolqu oħrajn ġodda. Dawn il-gruppi jlaqqgħu Membri tal-Parlament Ewropew minn Stati Membri differenti abbażi tal-fehmiet politiċi tagħhom. Il-gruppi jistgħu jiġu ffurmati wkoll aktar tard fil-leġiżlatura. Bħalissa hemm seba’ gruppi politiċi fil-Parlament Ewropew.

Grupp politiku rikonoxxut formalment irid ikun magħmul minn tal-anqas 23 Membru tal-Parlament Ewropew li jkunu ġejjin minn mill-anqas kwart tal-Istati Membri (jiġifieri mill-anqas sebgħa). Il-Membri tal-Parlament Ewropew jistgħu jagħmlu parti minn grupp politiku wieħed biss. Uħud mill-Membri ma jkunu jagħmlu parti mill-ebda grupp politiku, u dawn jissejħu Membri “mhux affiljati”.

Biex jifforma grupp, il-President tal-Parlament irid jiġi mgħarraf f’dikjarazzjoni li tispeċifika l-isem tal-grupp, il-Membri tiegħu u l-mexxejja tiegħu.

Meta jiffurmaw grupp, il-Membri tal-Parlament Ewropew jaċċettaw l-affinità politika b’mod awtomatikuu l-Parlament normalment ma jivvalutax il-koeżjoni politika bejn il-membri tal-grupp. Huwa biss meta din l-affinità tiġi miċħuda mill-Membri tal-Parlament Ewropew kkonċernati li l-Parlament ikollu jevalwa jekk il-grupp ikunx fil-fatt ġie ffurmat f’konformità mar-regoli.

Il-gruppi politiċi

Il-gruppi politiċi jistgħu jimpjegaw persunal u jirċievu spazju għall-uffiċċji ffinanzjat mill-baġit tal-Parlament. Il-Bureau tal-Parlament jistabbilixxi regoli dwar kif dawn il-fondi u l-faċilitajiet jiġu amministrati u awditjati. Il-fondi disponibbli għall-gruppi jkopru l-ispejjeż amministrattivi u operattivi tal-persunal tal-grupp, kif ukoll l-ispejjeż imġarrba minħabba kampanji politiċi u ta’ informazzjoni relatati mal-UE.

Il-baġit la jista’ jiffinanzja kwalunkwe forma ta’ kampanja elettorali Ewropea, nazzjonali, reġjonali jew lokali u lanqas kwalunkwe partit politiku fil-livell nazzjonali u Ewropew jew il-korpi dipendenti tiegħu.

Il-Membri mhux affiljati jistgħu jimpjegaw konsulenti komparabbli ma’ dawk fil-gruppi politiċi u jista’ jkollhom drittijiet skont ir-regoli stabbiliti mill-Bureau.