X’inhuma s-setgħat tal-Parlament Ewropew?
Bis-saħħa ta’ bidliet sussegwenti fit-Trattat tal-UE, speċjalment mit-Trattat ta’ Liżbona tal-2009, il-Parlament Ewropew issa jgawdi minn setgħat leġiżlattivi, baġitarji u ta’ skrutinju sostanzjali.
Il-Parlament huwa koleġiżlatur. Skont it-terminoloġija tal-UE, dan ifisser li għandu s-setgħa li jadotta u jemenda l-leġiżlazzjoni u jiddeċiedi dwar il-baġit annwali tal-UE fuq livell indaqs mal-Kunsill (l-Istati Membri). B’hekk il-Kummissjoni kif ukoll istituzzjonijiet u korpi oħra tal-UE jagħtu kont tal-operat tagħhom.
Is-setgħat leġiżlattivi
Il-maġġoranza l-kbira tal-liġijiet tal-UE tgħaddi mill- proċedura leġiżlattiva ordinarja (spiss imsejħa “kodeċiżjoni”, kif kienet magħrufa qabel). Hija l-proċess standard tat-teħid tad-deċiżjonijiet leġiżlattivi tal-UE, li jagħti l-istess piż lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea (l-Istati Membri). Tapplika għal firxa wiesgħa ta’ oqsma, bħall-immigrazzjoni, l-enerġija, it-trasport, it-tibdil fil-klima, l-ambjent, il-ħarsien tal-konsumatur u l-governanza ekonomika.
Proċedura oħra ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet hija l-proċedura ta’“approvazzjoni”. Tfisser li l-approvazzjoni tal-PE hija meħtieġa u tapplika għal kwistjonijiet bħall-adeżjoni ta’ Stati Membri ġodda tal-UE kif ukoll għall-ftehimiet kummerċjali internazzjonali tal-UE. Id-deċiżjoni finali dwar jekk għandux jiġi approvat il-Kulleġġ tal-Kummissarji li jmiss jew le, isseħħ bil-proċedura ta’ approvazzjoni.
Il-proċedura ta’ “konsultazzjoni” tapplika f’oqsma ta’ politika bħat-tassazzjoni, il-liġi tal-kompetizzjoni u l-politika estera u ta’ sigurtà komuni. Tippermetti lill-Parlament japprova jew jirrifjuta proposta leġiżlattiva, kif ukoll jipproponi emendi għaliha. Għalkemm il-pożizzjoni tal-Parlament ma torbotx lill-Kunsill, dan tal-aħħar irid jikkonsulta lill-Parlament u jistenna l-pożizzjoni tiegħu qabel ma jieħu deċiżjoni. Jekk dan ma jsirx, l-att ikun illegali u jkun suġġett għal annullament potenzjali mill-Qorti tal-Ġustizzja. Barra minn hekk, meta l-Kunsill ibiddel proposta b’mod sostanzjali, irid jerġa’ jikkonsulta lill-Parlament.
X’jiġri fil-każ tal-inizjattiva leġiżlattiva? Min jibdieh il-proċess leġiżlattiv?
Għalkemm hija l-Kummissjoni li tipproponi liġijiet ġodda tal-UE,il-Parlament jista’ jieħu l-inizjattiva billi jitlob lill-Kummissjoni tippreżenta proposta leġiżlattiva. Meta jirrikorru għal “inizjattiva leġiżlattiva”, il-Membri tal-Parlament Ewropew jistgħu jistabbilixxu skadenza għat-tressiq ta’ proposta. Jekk il-Kummissjoni tirrifjuta, jeħtiġilha tispjega r-raġuni għala.
Atti delegati/ta’ implimentazzjoni
Meta jadottaw liġi ġdida, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jistgħu jitolbu lill-Kummissjoni tagħmel żidiet jew bidliet żgħar, pereżempju annessi jew aġġornamenti tekniċi, permezz ta’ atti delegati (atti li jissupplimentaw jew jemendaw partijiet mil-liġi) jew atti ta’ implimentazzjoni (li jagħtu d-dettalji dwar kif tiġi implimentata l-liġi). B’dan il-mod, il-leġiżlazzjoni tista’ tibqa’ sempliċi u aġġornata mingħajr il-ħtieġa li jibdew negozjati ġodda.
Skont it-tip ta’ att li tadotta l-Kummissjoni, il-Membri tal-PE għandhom għażliet differenti għad-dispożizzjoni tagħhom jekk ma jaqblux mal-miżuri mressqa. Fil-każ ta’ atti delegati, il-Membri tal-PE għandhom id-dritt ta’ veto. Għall- atti ta’ implimentazzjoni, il-Membri tal-PE jistgħu jitolbu lill-Kummissjoni temendahom jew tirtirahom, iżda l-Kummissjoni m’għandha l-ebda obbligu legali li tagħmel dan.