Ix-xogħol tal-Membri tal-Parlament Ewropew
Iċ-ċittadini Ewropej jeleġġu l-Membri tal-PE biex jirrappreżentawhom. Dawn huma l-leġiżlaturi tal-UE u il-Kummissjoni u l-Istati Membri jagħtu kont lilhom tal-operat tagħhom. Il-Membri tal-PE jiżvolġu rwol ewlieni fi kwistjonijiet ewlenin attwali bħal, pereżempju, it-tibdil fil-klima, il-migrazzjoni, id-drittijiet tal-bniedem u l-mod li bih nirregolaw is-swieq finanzjarji.
Il-volum ta’ xogħol ta’ kuljum ta’ Membru tal-PE jinqasam bejn il-ħidma għall-eletturi, id-dibattiti fil-gruppi politiċi kif ukoll in-negozjati u l-votazzjonijiet fil-kumitati u matul is-sessjonijiet plenarji.
Ix-xogħol fil-kumitati
Hemm diversi kumitati speċjalizzati fil-Parlament li jkopru firxa wiesgħa ta’ oqsma ta’ politika. Jeżaminaw il-proposti leġiżlattivi billi jemendaw u jadottaw ir-rapporti. Il-kumitati jaħtru wkoll tim ta’ Membri tal-PE biex imexxu negozjati mal-Kunsill dwar il-leġiżlazzjoni tal-UE. Barra minn hekk, jadottaw ukoll riżoluzzjonijiet fuq inizjattiva proprja, jorganizzaw seduti ta’ smigħ ma’ esperti u jagħmlu skrutinju fuq il-korpi u l-istituzzjonijiet l-oħra tal-UE.
Kumitat huwa magħmul minn minimu ta’ 25 sa massimu ta’ 90 membru sħiħ u għadd ekwivalenti ta’ membri sostituti.
Kull kumitat jeleġġi president u sa erba’ viċi presidenti fost il-membri sħaħ tiegħu, li flimkien jiffurmaw il-“Bureau tal-Kumitat”, għal mandat ta’ sentejn u nofs.
Il-Parlament jista’ wkoll jistabbilixxi sottokumitati u kumitati temporanji speċjali biex jittrattaw kwistjonijiet speċifiċi, u jista’ wkoll joħloq kumitati ta’ inkjesta biex jinvestigaw allegazzjonijiet ta’ ksur jew amministrazzjoni ħażina tad-dritt tal-Unjoni. Il-kumitati parlamentari normalment jiltaqgħu Brussell. Id-dibattiti tagħhom huma pubbliċi u, fil-prinċipju, disponibbli online bil-lingwi uffiċjali kollha tal-UE.