Allowances
Minbarra s-salarju tagħhom, il-Membri tal-PE, bħall-Membri tal-parlamenti nazzjonali, għandhom dritt għal allowances li jkopru l-ispejjeż imġarrba fil-qadi tad-dmirijiet parlamentari tagħhom, spiss ’il bogħod minn darhom. Iċ-ċifri kollha mniżżla hawn taħt jirreferu għall-01/01/2024.
Allowance għall-ispejjeż ġenerali
L-allowance għall-ispejjeż ġenerali (EUR 4 950 fix-xahar), jew GEA, hija somma b’rata fissa li tippermetti lill-Membri jkopru spejjeż bħall-kera ta’ uffiċċji fl-Istat Membru fejn jiġu eletti, bħal hardware u software tal-IT, fornimenti għall-uffiċċju, mobiles/abbonamenti tat-telefonija mobbli u abbonamenti tal-internet.
Għall-Membri tal-PE, huwa importanti li jkunu jistgħu jorganizzaw attivitajiet bħal dawn fid-distrett elettorali tagħhom, fuq livell lokali, u mhux biss fi Brussell u fi Strażburgu. Ir-regoli u l-għanijiet tal-GEA huma stabbiliti fl-Istatut għall-Membri u r-regoli ta’ implimentazzjoni huma stabbiliti mill-Bureau.
Il-ħlas ta’ ammont f’daqqa jintuża sabiex tiġi ssalvagwardjata l-indipendenza tal-mandat u minħabba li din il-forma ta’ pagament hija l-aktar effettiva fid-dawl tal-ispejjeż.
L-aħħar reviżjoni żżid it-trasparenza bis-saħħa ta’ lista simplifikata tat-tipi ta’ spejjeż koperti. Il-Membri tal-PE jistgħu jippubblikaw l-ispejjeż tagħhom online b’mod trasparenti u aċċessibbli.
Il-Membri jirċievu nofs l-allowance jekk, mingħajr ġustifikazzjoni xierqa, jattendu inqas minn nofs is-seduti plenarji f’sena parlamentari waħda (minn Settembru sa Awwissu)
Allowance ta’ kuljum
L-allowance ta’ kuljum (EUR 350 kuljum), magħrufa wkoll bħala l-allowance għas-sussistenza, hija somma b’rata fissa li tkopri l-akkomodazzjoni, l-ikliet u l-ispejjeż relatati għal kull jum li Membru tal-PE jkun fil-Parlament Ewropew fil-kapaċità uffiċjali tiegħu.
Il-Membri tal-PE għandhom l-obbligu li jiffirmaw reġistru tal-attendenza filwaqt li hemm derogi għall-President u għall-mexxejja tal-gruppi parlamentari.
L-allowance titnaqqas bin-nofs jekk il-Membri tal-Parlament Ewropew ma jattendux għal aktar min-nofs il-votazzjonijiet b’sejħa tal-ismijiet fi ġranet meta jsiru l-votazzjonijiet fis-seduti plenarji, anke jekk kienu preżenti u ffirmaw ir-reġistru tal-attendenza.
Għal-laqgħat barra mill-UE, l-allowance titnaqqas bin-nofs.
Mill-Parlament Ewropew u lejn il-Parlament Ewropew
Il-Parlament Ewropew ikopri l-ispejjeż tal-ivvjaġġar biex il-Membri tal-PE jkunu jistgħu jipparteċipaw fil-laqgħat tal-Parlament Ewropew, bħas-sessjonijiet plenarji, il-laqgħat tal-kumitati u tal-gruppi politiċi. Dawn il-laqgħat isiru prinċipalment Brussell jew Strażburgu.
Il-Membri tal-PE jirċievu r-rimborż tal-kost effettiv tal-biljetti tal-ivvjaġġar biex jattendu l-laqgħat, wara li jippreżentaw l-irċevuti.
Il-limiti massimi huma stabbiliti sa massimu ta’ tariffa tal-ajru “business class” (klassi tariffarja “D” jew simili), biljett tal-ferrovija tal-ewwel klassi, jew EUR 0.58 għal kull km għall-vjaġġi bil-karozza (sa massimu ta’ 1 000 km). Il-Parlament Ewropew joħroġ il-biljetti.
Barra minn hekk, jeżistu allowances fissi bbażati fuq id-distanza u t-tul tal-vjaġġ biex ikopru l-ispejjeż varji tal-ivvjaġġar (pedaġġi tal-awtostradi, tariffi għal eċċess tal-bagalji, spejjeż tal-prenotazzjoni, eċċ.).
L-ivvjaġġar addizzjonali:
Il-Membri jista’ jkollhom bżonn jivvjaġġaw kemm ġewwa kif ukoll barra l-Istat Membru li fih jiġu eletti fil-qadi ta’ dmirijiethom.
L-ivvjaġġar uffiċjali:
Matul l-eżerċizzju tal-mandat tagħhom, il-Membri tal-PE jistgħu jivvjaġġaw barra mill-postijiet tax-xogħol tal-PE għal raġunijiet differenti biex jirrappreżentaw lill-PE: prinċipalment fil-qafas tal-missjonijiet ta’ ġbir ta’ informazzjoni tal-kumitati, tad-delegazzjonijiet tal-kumitati jew tad-delegazzjonijiet uffiċjali f’pajjiżi terzi. Dawn il-vjaġġi huma organizzati skont ir-Regoli ta’ Proċedura tal-PE u r-regoli tal-Bureau. L-ispejjeż tal-ivvjaġġar jaqgħu taħt il-baġit tal-kumitat jew tad-delegazzjoni li tkun qed torganizza.
L-ivvjaġġar individwali:
Barra minn hekk, il-Membri tal-PE jistgħu jorganizzaw vjaġġi għalihom stess biex jaqdu dmirijiet uffiċjali. Il-Membri ta’ spiss ikollhom jivvjaġġaw barra mill-Istat Membri fejn ġew eletti jew fih, kemm biex jaqdu d-dmirijiet uffiċjali tagħhom kif ukoll għal skopijiet differenti (pereżempju, biex jattendu konferenza jew jieħdu sehem fi żjara ta’ xogħol).
Għall-impenji fl-Istat Membru tal-Membri, il-Parlament jirrimborża biss l-ispejjeż tal-ivvjaġġar sa ammont annwali massimu determinat fuq bażi ta’ pajjiż b’pajjiż.
Għall-impenji barra mill-pajjiż – li mhumiex parti mil-laqgħat uffiċjali tal-Parlament – il-Membri tal-PE jistgħu jitolbu rimborż għall-ivvjaġġar, l-akkomodazzjoni u l-ispejjeż relatati f’pajjiżi oħra sa ammont massimu annwali ta’ EUR 5 500.
Il-Membri huma intitolati għal rimborż ta' żewġ terzi mill-ispejjeż mediċi tagħhom. Minbarra l-proporzjon tar-rimborż, ir-regoli u l-proċeduri fid-dettall għal din is-sistema huma l-istess bħal ta' dik li tkopri lill-uffiċjali pubbliċi tal-UE.
Fi tmiem il-mandat tagħhom, il-Membri tal-PE għandhom dritt għal allowance tranżitorja, ekwivalenti għal salarju ta’ xahar għal kull sena li kienu fil-kariga sa massimu ta’ sentejn.
Meta ex Membru tal-PE jieħu kariga xi mkien ieħor, is-salarju l-ġdid jikkumpensa għall-allowance tranżitorja.
Jekk il-Membru tal-Parlament Ewropew ikollu wkoll dritt għal pensjoni tax-xjuħija jew tal-invalidità, ma jistax jirċevihom it-tnejn, iżda jkollu jagħżel jew waħda jew l-oħra.
Il-Membri tal-PE jistgħu jużaw vetturi uffiċjali biex jattendu laqgħat jew avvenimenti fi Brussell jew Strażburgu.