Il-MPE japprovaw pjanijiet biex jipprovdu aktar munizzjon lill-Ukrajna
- Kunsinna aktar mgħaġġla ta’ munizzjon lejn l-Ukrajna
- EUR 500 miljun f’finanzjament
- Skema li tkopri l-munizzjon tal-artillerija, u l-missili
Il-Ħamis, il-Parlament adotta pjanijiet biex tiżdied il-produzzjoni tal-UE ta’ munizzjon u missili biex jiġi indirizzat in-nuqqas attwali.
Skont it-test, maqbul mal-Kunsill il-ġimgħa li għaddiet, l-Att b’Appoġġ għall-Produzzjoni tal-Munizzjon (ASAP) għandu l-għan li jaċċellera t-twassil ta’ munizzjon u missili lill-Ukrajna u jgħin lill-Istati Membri jerġgħu jimlew il-ħażniet tagħhom. Bl-introduzzjoni ta’ miżuri mmirati, inklużi EUR 500 miljun f’finanzjament, l-ASAP għandu l-għan li jżid il-kapaċità tal-produzzjoni tal-UE biex tindirizza n-nuqqas attwali ta’ prodotti tad-difiża, speċifikament il-munizzjon tal-artillerija, il-missili u l-komponenti tagħhom.
Matul in-negozjati mal-Kunsill, il-MPE żguraw li firxa aktar diversa ta’ proġetti jirċievu finanzjament, u li l-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju (SMEs) ikunu eliġibbli għal rata ta’ finanzjament ogħla. Huma kisbu finanzjament ġdid li m’għandux isir għad-detriment tal-finanzjament ta’ koeżjoni eżistenti. Il-MPE insistew ukoll biex jiżguraw li l-pajjiżi tal-UE jipprovdu l-Ukrajna bil-munizzjon iffinanzjat skont din il-leġiżlazzjoni, mingħajr ma tkun soġġetta għal restrizzjonijiet fuq l-esportazzjoni.
Il-passi li jmiss
Il-leġiżlazzjoni ġiet adottata b’505 vot favur, 56 vot kontra u 21 astensjoni. Issa jeħtieġ ukoll li tiġi approvata mill-Kunsill sabiex issir liġi.
Sfond
l-ASAP huwa tweġiba għal talba mill-Ukrajna lill-UE biex tforni rawnds ta’ artillerija b’kalibru ta’ 155 mm u l-qbil tal-Kunsill fl-20 ta’ Marzu 2023 dwar proposta fuq tliet binarji dwar il-munizzjon. L-Istati Membri ġew mistiedna jittrasferixxu b’mod urġenti l-munizzjon mill-istokkijiet tagħhom stess lejn l-Ukrajna (Rotta 1). Il-pajjiżi tal-UE qablu li jakkwistaw b’mod konġunt miljun rawnd ta’ munizzjon (Rotta 2). Ir-Rotta 3 għandha l-għan li żżid il-kapaċità tal-produzzjoni fl-industrija Ewropea tad-difiża. Dan għandu jinkiseb permezz tal-ASAP, li jwieġeb direttament għall-appell tal-Kunsill biex il-munizzjon jitwassal b’mod urġenti, u, jekk jintalab, ukoll il-missili, lill-Ukrajna u biex jgħin lill-Istati Membri jerġgħu jibnu l-provvisti tagħhom.
Kuntatti:
-
Baptiste CHATAIN
Press Officer