L-oppożizzjoni demokratika fil-Venezwela – 2017, il-Venezwela
Il-Premju Sakharov ingħata lill-oppożizzjoni demokratika fil-Venezwela, jiġifieri lill-Assemblea Nazzjonali (rappreżentata minn Julio Borges) u lill-priġunieri politiċi kollha elenkati mill-Foro Penal Venezolano (Il-Forum Penali tal-Venezwela) u rappreżentati minn Leopoldo López, Antonio Ledezma, Daniel Ceballos, Yon Goicoechea, Lorent Saleh, Alfredo Ramos u Andrea González.
Il-Venezwela ilha għaddejja minn kriżi politika għal bosta snin. Il-partit fil-gvern illimita b'mod kostanti l-istat tad-dritt u l-ordni kostituzzjonali, u f'Marzu 2017 il-Qorti Suprema neħħiet is-setgħa leġiżlattiva tal-Assemblea Nazzjonali eletta demokratikament. Julio Borges, il-President tal-Assemblea Nazzjonali, iddeskriva s-sitwazzjoni fil-Venezwela kif ġej: "Il-konfrontazzjoni li għaddejja fil-Venezwela mhijiex biss waħda politika. Hija konfrontazzjoni vitali, eżistenzjali u bbażata fuq il-valuri".
Fl-isfond tal-iperinflazzjoni, il-kaos u t-taqlib li ilu għaddej 'il fuq minn għaxar snin, il-Gvern tal-Venezwela ppersegwita, iffastidja u żamm detenuti lil mijiet ta' avversarji politiċi. L-identità u l-istatus tal-priġunieri politiċi jiġu rappurtati mill-Foro Penal Venezolano, organizzazzjoni prominenti tad-drittijiet tal-bniedem fil-Venezwela li tipprovdi assistenza legali pro bono lil persuni b'riżorsi ekonomiċi limitati u preżunti li ġew detenuti b'mod arbitrarju, ittorturati jew attakkati waqt protesti.
Il-Gvern tal-Venezwela żamm detenuti lil mexxejja tal-oppożizzjoni fosthom Leopoldo López, Antonio Ledezma, Daniel Ceballos, Yon Goicoechea, Lorent Saleh, Alfredo Ramos u Andrea González. Filwaqt li xi wħud minnhom inħelsu b'mod proviżorju fl-2018, ħafna għadhom qed jinżammu taħt detenzjoni domiċiljari jew fil-ħabs, xi drabi f'kundizzjonijiet ħorox u inumani.
Il-mexxej tal-oppożizzjoni Venezwelana, Leopoldo López, inħeles f'attentat ta' kolp ta' stat f'Mejju 2019, iżda ma tħalliex jirritorna fix-xena politika. López qatta' aktar minn tliet snin il-ħabs u sentejn taħt detenzjoni domiċiljari. Ilu refuġjat fl-Ambaxxata ta' Spanja f'Caracas minn April 2019. Antonio Ledezma, politiku prominenti ieħor tal-oppożizzjoni u ex-sindku ta' Caracas, kien ilu taħt detenzjoni domiċiljari mill-2015, iżda rnexxielu jaħrab mill-pajjiż f'Novembru 2017, waqt li l-kollegi u ex-sindki Alfredo Ramos, ta' Iribarren u Daniel Ceballos, ta' San Cristóbal, ukoll intbagħtu l-ħabs għal żmien twil. Minn dak iż-żmien 'l hawn, it-tnejn li huma nħelsu.
Fid-dawl tal-elezzjonijiet Presidenzjali li saru f'Mejju 2018, li kienu bbojkottjati mill-oppożizzjoni u li r-riżultati tagħhom ma ġewx rikonoxxuti mill-biċċa l-kbira tal-atturi internazzjonali, fosthom l-Unjoni Ewropea, il-Gvern tal-Venezwela prova jtejjeb l-immaġni tiegħu billi jeħles xi priġunieri politiċi. F'Ottubru 2018, ir-Rebbieħ tal-Premju Sakharov Lorent Saleh, mexxej tal-istudenti u attivista favur id-demokrazija, inħeles u tkeċċa lejn Spanja wara li kien inżamm aktar minn erba' snin fil-ħabsijiet ta' La Tumba u El Heliocoide f'Caracas, f'kundizzjonijiet inumani.
F'Jannar 2020, il-milizzji favur il-gvern iċċirkondaw il-faċilitajiet tal-Assemblea Nazzjonali u ffastidjaw lill-Membri li kienu qed jippruvaw jidħlu fil-bini, sawtuhom u sparaw lejn il-karozzi tagħhom. Is-sitwazzjoni għadha mimlija tensjoni, bil-komunità internazzjonali tirrikonoxxi lill-Assemblea Nazzjonali bħala l-parlament leġittimu tal-Venezwela, u li topera b'mod parallel mal-Assemblea Kostitwenti, li tappoġġja r-reġim ta' Nicolas Maduro.
Fis-6 ta' Diċembru 2020, ġiet eletta Assemblea ġdida kkontrollata mir-reġim, f'vot meqjus mhux ħieles u mhux ġust mill-komunità internazzjonali. L-oppożizzjoni Demokratika fil-Venezwela għadha qed tissielet għal elezzjonijiet ħielsa u ġusti. Il-kandidata ewlenija tal-oppożizzjoni, Maria Corina Machado, ġiet legalment ipprojbita mill-Qorti Suprema kkontrollata mir-reġim milli toħroġ għall-elezzjoni Presidenzjali tal-2024, mossa kkundannata mill-Parlament Ewropew f'riżoluzzjoni approvata fit-8 ta' Frar 2024.
- Ċerimonja tal-Premjazzjoni 2017
- Fuljett tal-Premju Sakharov 2017 (PDF - 283 KB)
- Segwi l-Assemblea Nazzjonali tal-Venezwela fuq Twitter
- Segwi l-Assemblea Nazzjonali tal-Venezwela fuq Facebook
- Segwi l-Assemblea Nazzjonali tal-Venezwela fuq Instagram
- Segwi lill-Foro Penal Venezolano fuq Twitter
- Segwi l-Assemblea Nazzjonali tal-Venezwela fuq Twitter