Denis Mukwege – 2014, Ir-Repubblika Demokratika tal-Kongo
Mukwege twieled f'Bukavu fl-1955. Huwa studja l-mediċina u stabbilixxa s-servizz tal-ġinekoloġija fl-isptar ta' Lemera fil-Lvant tar-Repubblika Demokratika tal-Kongo, li nqerdet meta faqqgħet il-gwerra fl-1996. Mukwege ħarab lura lejn Bukavu u fetaħ sptar bit-tined, filwaqt li bena sala tal-maternità u sala tal-operazzjonijiet ġodda, iżda dan kollu nqered fit-tieni gwerra tal-Kongo fl-1998. Mukwege ma qatax qalbu u reġa' bena l-isptar tiegħu f'Panzi, fejn kien jaħdem sigħat twal u jħarreġ lill-persunal fit-trattament tan-nisa vvittmizzati mill-ġellieda li kienu "ddikjaraw lin-nisa l-għadu komuni tagħhom". Huwa offra kura lil għexieren ta' eluf ta' nisa mindu l-isptar reġa' fetaħ fl-1999, u l-ewwel vittma ta' stupru li laqa' fih kellha ġrieħi tal-balal fl-organi ġenitali tagħha u f'koxxtejha. F'temp ta' ftit ġimgħat, għexieren ta' nisa marru l-isptar u rrapportaw stejjer ta' stupru u tortura.
Mukwege huwa espert rikonoxxut internazzjonalment fit-trattament tal-ħsara patoloġika u psikosoċjali li tikkawża l-vjolenza sesswali. L-isptar li jmexxi f'Panzi joffri kura psikoloġika u fiżika, u jgħin lin-nisa jiżviluppaw ħiliet ġodda biex jaqilgħu l-għajxien tagħhom, minħabba li ħafna minnhom ġew imwarrba mill-komunitajiet tagħhom. Il-bniet anke jingħataw appoġġ biex jirritornaw lejn l-iskola, u tiġi offruta għajnuna legali lil dawk li jkunu qed ifittxu rimedju legali.
Mukwege ilu attivist bla heda għan-nisa vittimizzati minn meta għaraf lil mara żagħżugħa fuq il-mejda tal-operazzjonijiet tiegħu bħala tifla li hu kien assista t-twelid tagħha fl-isptar ta' Panzi. Għal Mukwege, dan kien mument kruċjali li tah l-ispinta biex imur lil hinn mill-fejqan tal-pazjenti u jibda jsemma' leħnu f'pajjiżu u barra minn pajjiżu biex tintemm il-vjolenza minħabba r-riżorsi naturali tar-Repubblika Demokratika tal-Kongo. Fl-2012 safa vittma huwa stess, meta xi rġiel armati daħlu f'daru u ppuntaw il-pistoli tagħhom lejn uliedu bniet. Il-gwardja tal-korp u ħabib tiegħu nqatel, iżda hu rnexxielu jaħrab mal-familja tiegħu u sabu rifuġju fl-Iżvezja u wara fil-Belġju. Huwa mar lura lejn ir-Repubblika Demokratika tal-Kongo fl-2013 meta grupp ta' nisa, li jgħixu b'anqas minn dollaru kuljum, ingħaqdu biex jixtrulu l-biljett lura lejn daru.
Mukwege qed jgħix fl-isptar ta' Panzi minkejja theddid kontinwu fuq ħajtu. Barra minn hekk hu waqqaf il-Fondazzjoni Dr. Denis Mukwege, li tipprovdi appoġġ lil netwerk dinji ta' persuni li ġarrbu vjolenza sesswali. Kien involut ħafna fil-proċess leġiżlattiv tal-Parlament li wassal għar-Regolament tal-2017 tal-UE dwar il-minerali ta' kunflitt, li għandu l-għan li jipprevjeni ċerti minerali u metalli minn żoni ta' kunflitti milli jiġu esportati lejn l-Ewropa.
Mill-2008, Mukwege ngħata għexieren ta' premji b'rikonoxximent tax-xogħol tiegħu, inkluż il-Premju tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU (2008), il-Premju tal-Paċi ta' Seoul (2016) u l-Premju Nobel għall-Paċi (2018). Huwa ngħata wkoll lawrji onorarji mill-Universitajiet ta' Edinburgh u ta' Harvard. The man who mends women - the wrath of Hippocrates huwa t-titlu ta' dokumentarju tal-2015 dwar il-ħajja u x-xogħol tiegħu. Il-film ġie sottotitolat fil-lingwi uffiċjali kollha tal-UE bl-appoġġ tal-Parlament Ewropew. F'Marzu 2020, Dr. Mukwege inħatar koordinatur tal-ħidma tal-Kumitat tas-Saħħa Reġjonali tan-Nofsinhar ta' Kivu b'rispons għall-pandemija COVID-19.