2021 - 2030

María Corina Machado, il-mexxejja tal-forzi demokratiċi fil-Venezwela u l-President elett Edmundo González Urrutia – rebbieħa tal-Premju Sakharov 2024

Maria-Corina-Machado-2024 Sakharov Prize
María Corina Machado and Edmundo González Urrutia, from Venezuela, win the 2024 Sakharov Prize © Miguel Gutierrez / EFE
Imsemmi għad-dissident Sovjetiku Andrei Sakharov, il-Premju Sakharov jingħata kull sena lil persuni jew lil gruppi li jkunu wrew kuraġġ straordinarju fid-difiża tad-drittijiet tal-bniedem u tal-libertà tal-ħsieb. Fl-għażla ta’ Machado u ta’ González Urrutia bħala rebbieħa tal-premju, il-Parlament Ewropew jirrikonoxxi mhux biss il-ħidma tagħhom, iżda wkoll l-isfidi enormi li għandhom quddiemhom l-istituzzojnijiet demokratiċi tal-Venezwela.

Il-Parlament Ewropew ta l-premju prestiġjuż tiegħu, il-Premju Sakharov għal-Libertà tal-Ħsieb tal-2024, lil María Corina Machado, il-mexxejja tal-forzi demokratiċi fil-Venezwela, u lill-President elett Edmundo González Urrutia, li jirrappreżentaw lill-Venezwelani kollha fil-pajjiż u barra mill-pajjiż u li qegħdin jiġġieldu biex jerġgħu jiġu stabbiliti l-libertà u d-demokrazija. B'hekk jirrikonoxxi l-impenn sod tagħhom favur il-libertà, id-drittijiet tal-bniedem u l-prinċipji demokratiċi, u jappoġġja l-ġlieda tagħhom għal futur demokratiku tal-Venezwela.

María Corina Machado, ex parlamentari tal-oppożizzjoni u mexxejja tal-forzi demokratiċi, saret personalità ċentrali fil-moviment favur id-demokrazija tal-Venezwela. Magħrufa għall-kritika skjetta tagħha fir-rigward tar-reġim ta' Maduro, sostniet ir-riforma demokratika, it-trasparenza u l-obbligu ta' rendikont fil-governanza Venezwelana. Il-pożizzjoni li ħadet kontra l-korruzzjoni u l-abbuż ta' poter wassluha biex f'diversi okkażjonijiet ikollha xi tgħid mal-awtoritajiet.

Edmundo González Urrutia, il-President elett u diplomatiku, ukoll iddedika ħajtu għall-kawża tad-demokrazija u tal-libertà tal-Venezwela, u rrappreżenta lill-Venezwela kemm fil-pajjiż kif ukoll barra. Bħala mexxej rispettat tas-soċjetà ċivili, González Urrutia ħadem biex jgħaqqad is-soċjetà Venezwela u jrawwem is-solidarjetà fost iċ-ċittadini, speċjalment quddiem ir-repressjoni min-naħa tal-gvern. Ħadem biex jibni appoġġ internazzjonali u alleanzi li jistgħu jwittu t-triq għal tranżizzjoni demokratika fil-Venezwela. It-tmexxija ta' González Urrutia, b'mod partikolari fil-mumenti ta' diżordni ċivili mifrux, kienet strumentali biex tgħaqqad lill-poplu Venezwelan wara għan komuni.

Id-deċiżjoni biex il-Premju Sakharov 2024 jingħata lil dawn iż-żewġ personalitajiet distinti tenfasizza d-dedikazzjoni tal-Parlament Ewropew biex jippromwovi l-valuri demokratiċi fid-dinja kollha. Il-President Metsola rrikonoxxiet il-kuraġġ ta' Machado u ta' González meta qalet: "Huma u jfittxu tranżizzjoni ġusta, libera u paċifika tal-poter, iddefendew bla biża' l-valuri tant għal qalb miljuni ta' Venezwelani u dan il-Parlament: il-ġustizzja, id-demokrazija u l-istat tad-dritt. Il-Parlament Ewropew jappoġġja lill-poplu tal-Venezwela, lil María Corina Machado u lill-President elett Edmundo González Urrutia fil-ġlieda tagħhom favur il-futur demokratiku ta' pajjiżhom. Dan il-premju huwa għalihom." Għall-Venezwelani li jsofru diffikultajiet ekonomiċi qawwijin, abbużi tad-drittijiet tal-bniedem u repressjoni politika, dan ir-rikonoxximent iservi ta' raġġ ta' tama, u juri li l-komunità internazzjonali tappoġġja l-isforzi tagħhom.

Jina Mahsa Amini u l-Moviment “Nisa, Ħajja, Libertà” fl-Iran - Rebbieħa tal-Premju Sakharov 2023

Il-Parlament Ewropew huwa kburi li jappoġġja lil dawk li b’kuraġġ u bi sfida qegħdin ikomplu jiġġieldu favur l-ugwaljanza, id-dinjità u l-libertà fl-Iran.

Il-Premju Sakharov għal-Libertà tal-Ħsieb tal-2023 ingħata lil Jina Mahsa Amini u lill-Moviment "Nisa, Ħajja, Libertà" fl-Iran. L-istorja traġika ta' Jina Mahsa Amini, mara Kurda-Iranjana ta' 22 sena, isservi bħala tfakkira qawwija tal-ġlieda li għaddejja għad-drittijiet tal-bniedem u l-libertà tan-nisa fl-Iran.

Fit-13 ta' Settembru 2022, Amini ġiet arrestata mill-Pulizija Iranjana f'Tehran talli allegatament kisret il-liġijiet stretti tal-pajjiż dwar l-ilbies tal-velu, u tlett ijiem wara hija mietet fil-kustodja tal-pulizija. Il-mewt ta' Amini wasslet għal għadd ta' protesti madwar l-Iran, partikolarment immexxija min-nisa, bl-għajta b'saħħitha "Nisa, Ħajja, Libertà." Id-dimostrazzjonijiet tagħhom fittxew li jisfidaw il-liġi oppressiva dwar il-ħiġab, u li jappellaw għad-drittijiet ċivili, filwaqt li jwaqqfu l-oppressjoni, id-diskriminazzjoni, it-tirannija u d-dittatorjat tar-reġim li huma qed iħabbtu wiċċhom magħhom.

Sena wara l-mewt ta' Amini, li skattat mewġa ta' dimostrazzjonijiet kontra r-reġim, il-gruppi tad-drittijiet tal-bniedem irrappurtaw li aktar minn 500 dimostrant tilfu ħajjithom f'idejn il-forzi tas-sigurtà, u ġew arrestati aktar minn 19,700 persuna. Filwaqt li l-Gvern fil-biċċa l-kbira rażżan il-protesti, il-mewt ta' Amini kellha impatt profond u dejjiemi fuq l-Iranjani ordinarji.

Il-protesti mifruxa, fuq skala li kienet ilha ma tidher mir-Rivoluzzjoni Ħadra tal-2009, urew ir-reżiljenza u d-determinazzjoni inkredibbli tan-nisa Iranjani. Il-kuraġġ eċċezzjonali tagħhom ispira lil miljuni ta' nies u ġibed l-attenzjoni dinjija għas-sitwazzjoni mwiegħra tad-drittijiet tal-bniedem fl-Iran.

Il-Premju Sakharov għal-Libertà tal-Ħsieb huwa rikonoxximent qawwi tas-sagrifiċċji li għamlu għadd kbir ta' individwi u movimenti fit-tfittxija tagħhom għall-ġustizzja u d-drittijiet tal-bniedem. Il-President Metsola, meta ħabbret il-premju, enfasizzat is-sinifikat tiegħu billi ddikjarat,

"Fis-16 ta' Settembru, il-qtil ta' Jina Mahsa Amini fl-Iran għalaq sena. Il-Parlament Ewropew huwa kburi li jappoġġja lil dawk li b'kuraġġ u bi sfida qegħdin ikomplu jiġġieldu favur l-ugwaljanza, id-dinjità u l-libertà fl-Iran. Nappoġġjaw ukoll lil dawk li saħansitra mill-ħabs ikomplu jżommu ħaj il-moviment "Nisa, Ħajja, Libertà". Bl-għażla tagħhom bħala r-rebbieħa tal-Premju Sakharov għal-Libertà tal-Ħsieb tal-2023, din il-Kamra tiftakar it-taqbida tagħhom u tkompli tonora lil dawk kollha li ħallsu l-prezz aħħari għal-libertà."

Il-Premju Sakharov huwa simbolu tal-appoġġ sod tal-Parlament Ewropew għal dawk li jiddefendu bla heda d-drittijiet tal-bniedem u l-libertà fil-konfront tal-avversità. Fil-każ ta' Jina Mahsa Amini u l-Moviment "Nisa, Ħajja, Libertà", id-determinazzjoni u l-qlubija tagħhom ispiraw nazzjon u ġibdu l-attenzjoni tal-komunità internazzjonali għall-ġlieda li għaddejja għall-ugwaljanza u l-libertà fl-Iran. L-azzjonijiet tagħhom ifakkruna li, anke fl-aktar ċirkostanzi diffiċli, l-ispirtu tal-bniedem jista' jegħleb l-oppressjoni u jiġġieled għal futur aħjar.

Il-poplu kuraġġuż tal-Ukrajna, irrappreżentat mill-President tiegħu, mill-mexxejja eletti u mis-soċjetà ċivili

Il-poplu Ukren ilu mill-24 ta' Frar 2022 jirreżisti b'kuraġġ il-gwerra ta' aggressjoni mhux provokata u illegali tar-Russja.

L-aggressjoni li għaddejja bħalissa hija fażi ġdida tal-gwerra li r-Russja bdiet kontra l-Ukrajna fi Frar 2014 wara r-Rivoluzzjoni Ukrena tad-Dinjità, li matulha l-poplu Ukren talab li pajjiżu jsegwi perkors pro-Ewropew. Il-gwerra ta' aggressjoni mhux provokata tar-Russja kontra l-Ukrajna hija ta' piż enormi fuq il-poplu Ukren. Mhux biss qed jiġġieled biex jipproteġi daru, is-sovranità, l-indipendenza u l-integrità territorjali tiegħu, iżda qed jiddefendi wkoll il-libertà, id-demokrazija, l-istat tad-dritt u l-valuri Ewropej fil-kampijiet tal-battalja "kontra reġim brutali li jfittex li jdgħajjef id-demokrazija tagħna, idgħajjef u jifred l-Unjoni tagħna".

Kuljum, il-poplu tal-Ukrajna qed isofri l-atroċitajiet tar-Russja, id-devastazzjoni, il-qerda, il-mewt, it-tifrik soċjali u ekonomiku u tbatijiet oħra. 'Il fuq minn 10 miljun Ukren qed jgħixu l-ħajja ta' persuni spostati internament, u aktar minn 6 miljuni, fil-biċċa l-kbira nisa bit-tfal u anzjani, ġew imġiegħla jaħarbu minn pajjiżhom.

Il-Premju Sakharov tal-PE għal-Libertà tal-Ħsieb 2022 qed jingħata lill-poplu Ukren. Dan jenfasizza l-isforzi tal-President Ukren Volodymyr Zelenskyy kif ukoll ir-rwol tal-individwi, tar-rappreżentanti tal-inizjattivi tas-soċjetà ċivili, u tal-istituzzjonijiet tal-Istat u pubbliċi inklużi s-Servizzi ta' Emerġenza tal-Istat tal-Ukrajna, Yulia Pajevska, fundatriċi tal-unità medika tal-evakwazzjoni Angels of Taira, Oleksandra Matviychuk, avukat tad-drittijiet tal-bniedem u president tal-organizzazzjoni Ċentru għal-Libertajiet Ċivili, il-Moviment ta' Reżistenza Ċivili Yellow Ribbon, u Ivan Fedorov, is-sindku tal-belt Ukrena Melitopol, li bħalissa tinsab taħt okkupazzjoni Russa.

Il-President Zelenskyy - wiċċ il-kuraġġ tal-poplu Ukren, li jixhed il-kuraġġ, ir-reżistenza u d-dedikazzjoni tiegħu lejn il-poplu tiegħu u lejn il-valuri Ewropej.

Is-servizzi ta' Emerġenza tal-Istat (SES) tal-Ukrajna - li qed isalvaw in-nies, ineħħu t-tifrik u l-isplussiv mhux splodut, u jevakwaw lin-nies lejn postijiet aktar sikuri. Sa tmiem Ġunju 2022, l-SES kienu tfew 10,078 nar, evakwaw 1,861,000 persuna, salvaw 1,487 persuna, u naddfu żona ta' 620 km kwadru mill-mini.

Yulia Pajevska ("Taira") - voluntiera Ukrena, paramediku Fundatriċi tal-unità medika tal-evakwazzjoni "Angels of Taira". Ilha mill-2014 issalva l-ħajjiet tal-militari u tal-popolazzjoni ċivili f'Donbass. F'Marzu 2022, waqt l-evakwazzjoni ta' persuni ċivili minn Mariupol, inqabdet mir-Russi. Damet tliet xhur maqbuda.

Oleksandra Matviychuk - avukat tad-drittijiet tal-bniedem, President tal-NGO Ċentru għal-Libertajiet Ċivili. Qed telenka d-delitti tal-gwerra u delitti kontra l-umanità mwettqa mill-armata Russa fl-Ukrajna.

Il-Moviment ta' Reżistenza Ċivili Yellow Ribbon - li oriġina mill-belt okkupata temporanjament Kherson, jaqdi rwol importanti fid-difiża tal-libertà tal-kelma u tar-reżistenza kontra l-intenzjonijiet Russi għal żoni okkupati.

Ivan Fedorov - kien elett sindku ta' Melitopol u żamm il-kariga sal-11 ta' Marzu 2022, meta nħataf mill-forzi Russi u ġie sostitwit minn sindku interim pro-Russu. Fost l-Ukreni, Fedorov kien sar simbolu ta' oppressjoni u reżistenza u eżempju ta' kuraġġ quddiem l-invażjoni.

Alexei Navalny - 2021, ir-Russja

 © Grigory Dukor/Reuters
Alexei Navalny huwa mexxej tal-oppożizzjoni, avukat u attivist kontra l-korruzzjoni Russu, li sar magħruf wara li organizza dimostrazzjonijiet kontra l-gvern u stabbilixxa lilu nnifsu bħala l-aktar kandidat b'saħħtu tal-oppożizzjoni għall-partit fil-gvern fir-Russja.

Navalny kien membru tal-Kunsill ta' Koordinazzjoni tal-Oppożizzjoni Russa u huwa l-mexxej tal-partit "Russja tal-Futur" kif ukoll fundatur tal-Fondazzjoni Kontra l-Korruzzjoni (FBK). L-FBK ippubblikat investigazzjonijiet dwar l-allegata korruzzjoni mwettqa minn uffiċjali Russi ta' grad għoli, fosthom żewġ dokumentarji: Issejħulux Dimon (2017 ), dwar l-ex Prim Ministru u President Dmitry Medvedev, u Il-Palazz ta' Putin (2021), dwar palazz allegatament mibni għall-president Russu, allegazzjonijiet li dan tal-aħħar ċaħad.

L-awtoritajiet Russi arrestaw lil Navalny diversi drabi. Huwa rċieva sentenzi sospiżi għal approprjazzjoni indebita f'żewġ kawżi, waħda f'Lulju 2013 u oħra f'Diċembru 2014. Skont id-deċiżjonijiet tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, il-proċeduri kisru d-dritt ta' Navalny għal proċess ġust. Fl-2013, l-organizzazzjoni bbażata r-Russja Memorial, rebbieħa tal-Premju Sakharov 2009, irrikonoxxiet lil Navalny bħala priġunier politiku. Fi Frar 2014, Navalny tqiegħed taħt detenzjoni domiċiljari u ma tħalla jikkomunika ma' ħadd, ħlief mal-familja tiegħu.

Navalny ipprova joħroġ għall-kariga ta' president tar-Russja matul l-elezzjoni tal-2018 iżda l-Kummissjoni Elettorali Ċentrali tar-Russja impedietu milli jagħmel hekk f'Diċembru 2017. Il-Qorti Suprema tar-Russja ċaħdet l-appell tiegħu u kkonfermat il-projbizzjoni.

Fl-20 ta' Awwissu 2020, Navalny ttieħed l-isptar u tħalla f'kundizzjoni serja wara li ġie vvelenat bl-aġent nervin Novichok. Jumejn wara, ġie ttrasportat lejn Berlin fuq titjira ta' evakwazzjoni medika mħallsa mill-organizzazzjoni mhux governattiva Ġermaniża Cinema for Peace. Investigazzjoni dwar l-aġenti tal-avvelenament implikat is-Servizz tas-Sigurtà Federali Russu. L-UE, ir-Renju Unit u l-Istati Uniti rreaġixxew billi imponew sanzjonijiet fuq uffiċjali għolja Russi. Navalny irkupra minn koma ħames xhur wara u mar lura Moska fis-17 ta' Jannar 2021, fejn ġie arrestat minnufih fl-ajruport. Fit-2 ta' Frar 2021, qorti ta' Moska kkundannatu għal sentejn u nofs ħabs talli allegatament kiser il-probation tiegħu fil-kuntest tas-sentenza sospiża tal-2014 għal approprjazzjoni indebita, minħabba li naqas milli jirrapporta lis-Servizz tal-Ħabs Federali tar-Russja darbtejn fix-xahar waqt li kien rikoverat il-Ġermanja. Fil-31 ta' Marzu 2021, wara li l-awtoritajiet tal-ħabs naqsu milli jipprovdulu kura medika adegwata jew iħallu lit-tobba tiegħu stess iżuruh, Navalny beda strajk tal-ġuħ ta' 23 jum bi protesta.

Alexei Navalny bħalissa jinsab il-ħabs f'kolonja penali taħt sigurtà għolja. Il-Parlament Ewropew talab ripetutament il-ħelsien immedjat u inkondizzjonat ta' Navalny u stieden lill-Istati Membri tal-UE jsaħħu b'mod sinifikanti s-sanzjonijiet kontra l-individwi u l-entitajiet legali involuti fid-deċiżjoni li dan jiġi arrestat u jintbagħat il-ħabs.