L-ekonomija ċirkolari: definizzjoni, importanza u benefiċċji
L-ekonomija ċirkolari: skopri xi tfisser, kif tibbenefika int, l-ambjent u l-ekonomija tagħna bis-saħħa tal-filmat tagħna.
L-Unjoni Ewropea tipproduċi aktar minn 2.1 biljun tunnellata ta' skart kull sena. Billi taġġorna l-leġiżlazzjoni tagħha dwar l-immaniġġjar tal-iskart, l-UE trid tippromwovi bidla lejn mudell aktar sostenibbli magħruf bħala l-ekonomija ċirkolari.
Iżda xi tfisser eżattament l-ekonomija ċirkolari? U xi jkunu l-benefiċċji tagħha?
X'inhi l-ekonomija ċirkolari?
L-ekonomija ċirkolari hija mudell ta' produzzjoni u konsum, li jinvolvi l-kondiviżjoni, il-lokazzjoni, l-użu mill-ġdid, it-tiswija, ir-rinnovazzjoni u r-riċiklaġġ ta' materjali u prodotti eżistenti kemm jista' jkun fit-tul. B'dan il-mod, iċ-ċiklu tal-ħajja tal-prodotti jiġi estiż.
Fil-prattika, dan ifisser li l-iskart jitnaqqas kemm jista' jkun. Meta prodott jasal fi tmiem il-ħajja tiegħu, il-materjali tiegħu jinżammu fl-ekonomija kull meta jkun possibbli bis-saħħa tar-riċiklaġġ. Dawn jistgħu jintużaw u jerġgħu jintużaw b'mod produttiv, u b'hekk jinħoloq valur ulterjuri.
Dan huwa differenti mill-mudell ekonomiku tradizzjonali u lineari, li huwa bbażat fuq mudell "ħu-ipproduċi-ikkonsma-armi". Dan il-mudell jiddependi fuq kwantitajiet kbar ta' materjali u enerġija rħas u faċilment aċċessibbli.
Barra minn hekk, parti minn dan il-mudell hija l-obsolexxenza ppjanata, meta prodott ikun ġie ddisinjat biex ikollu tul ta' ħajja limitat biex il-konsumaturi jkunu mħeġġa jerġgħu jixtruh. Il-Parlament Ewropew appella għal miżuri biex din il-prattika tiġi indirizzata.
Il-benefiċċji: għaliex għandna bżonn naqilbu għal ekonomija ċirkolari?
Biex inħarsu l-ambjent
L-użu mill-ġdid u r-riċiklaġġ tal-prodotti jnaqqsu l-użu tar-riżorsi naturali, inaqqsu t-tfixkil tal-pajsaġġ u tal-ħabitat u jgħin biex jillimita t-telf tal-bijodiversità.
Benefiċċju ieħor mill-ekonomija ċirkolari huwa tnaqqis fl-emissjonijiet totali annwali tal-gassijiet serra.
Il-ħolqien ta' prodotti aktar effiċjenti u sostenibbli mill-bidu jgħin biex jitnaqqas il-konsum tal-enerġija u r-riżorsi, peress li huwa stmat li aktar minn 80% tal-impatt ambjentali ta' prodott jiġi determinat matul il-fażi tad-disinn.
L-imballaġġ huwa kwistjoni li qed tikber u, bħala medja, ċittadin Ewropew jiġġenera madwar 190 kilo ta’ skart mill-imballaġġ fis-sena. L-għan huwa li jiġi indirizzat l-imballaġġ eċċessiv u jittejjeb id-disinn tiegħu biex jiġu promossi l-użu mill-ġdid u r-riċiklaġġ.
Innaqqsu d-dipendenza fuq materja prima
Il-popolazzjoni tad-dinja qed tikber u magħha qed tikber ukoll id-domanda għall-materja prima. Madankollu, il-provvista ta' materja prima kruċjali hija limitata.
Provvisti finiti tfisser ukoll li xi pajjiżi tal-UE huma dipendenti fuq pajjiżi oħra għall-materja prima tagħhom. Skont il-Eurostat, kull Ewropew ikkonsma 14.9 tunnellata ta’ materja prima fl-2022.
Il-valur totali tal-kummerċ (importazzjonijiet flimkien mal-esportazzjonijiet) tal-materja prima bejn l-UE u l-bqija tad-dinja fl-2023 kien ta’ €165 biljun. L-esportazzjonijiet kienu aktar baxxi mill-importazzjonijiet, u għalhekk dan irriżulta f’defiċit kummerċjali ta’ €29 biljun.
Ir-riċiklaġġ tal-materja prima jtaffi r-riskji assoċjati mal-provvista, bħall-volatilità tal-prezzijiet, id-disponibbiltà u d-dipendenza fuq l-importazzjoni.
Dan japplika b'mod speċjali għall-materja prima kritika, meħtieġa għall-produzzjoni ta' teknoloġiji li huma kruċjali għall-kisba tal-għanijiet klimatiċi, bħal batteriji u magni elettriċi.
Biex noħolqu xogħlijiet u niffrankaw il-flus għall-konsumaturi
Il-mixja lejn ekonomija aktar ċirkolari tista’ żżid il-kompetittività, tistimula l-innovazzjoni, tagħti spinta lit-tkabbir ekonomiku u toħloq l-impjiegi (700,000 impjieg fl-UE biss sal-2030).
Id-disinn mill-ġdid ta' materjali u prodotti għall-użu ċirkolari jagħti spinta wkoll lill-innovazzjoni f'setturi differenti tal-ekonomija.
Il-konsumaturi se jingħataw prodotti aktar durabbli u innovattivi li se jżidu l-kwalità tal-ħajja u jiffrankawhom il-flus fit-tul.
X'qed tagħmel l-UE biex issir ekonomija ċirkolari?
L-Unjoni Ewropea trid tibni ekonomija ċirkolari u newtrali għall-klima sal-2050. Biex tikseb dan, f’dawn l-aħħar snin l-UE introduċiet ħafna miżuri ġodda biex tnaqqas l-iskart u tagħmel il-prodotti aktar sostenibbli.
Leġiżlazzjoni ġdida jew aġġornata tkopri l-ekodisinn, l-imballaġġ, il-greenwashing, id-dritt għat-tiswija, l-immaniġġjar tal-iskart u oqsma ewlenin oħra.