L-impjieg taż-żgħażagħ: il-miżuri tal-UE biex jiffunzjona

Il-qgħad fost iż-żgħażagħ tibqa' kwistjoni prinċipali fl-Ewropa. Skopri x'miżuri daħħlet fis-seħħ l-UE bħala għajnuna.

Żgħażagħ qed jaħdmu fi spazju ta’ ħidma konġunta. Ritratt ta' CoWomen fuq Unsplash
Żgħażagħ qed jaħdmu fi spazju ta’ ħidma konġunta. Ritratt ta' CoWomen fuq Unsplash

Il-politiki tal-impjiegi u taż-żgħażagħ huma responsabbiltà tal-Istati Membri. Madankollu, l-UE varat għadd ta' inizjattivi li jikkomplementaw il-politiki nazzjonali bħala parti mill-azzjonijiet tagħha għal Ewropa aktar soċjali.

 

Dan l-appoġġ jiffoka fuq il-finanzjament ta’ programmi għall-impjieg taż-żgħażagħ, it-titjib tal-kwalità tal-apprendistati u t-traineeships, l-offerta ta’ edukazzjoni internazzjonali u opportunitajiet ta’ xogħol u l-iffaċilitar tal-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ fi proġetti ta’ volontarjat.

  

Iċ-ċifri tal-qgħad fost iż-żgħażagħ fl-Ewropa

 

It-tfittxija mingħajr suċċess għal opportunitajiet ta’ xogħol u taħriġ toħloq sentimenti ta’ iżolament, dipendenza u inutilità fiż-żgħażagħ. Barra minn hekk, hemm effetti negattivi fuq l-ekonomija u fuq soċjetà li qed tixjieħ.

 

Iż-żgħażagħ kienu fost dawk li ntlaqtu l-agħar mill-kriżi ekonomika u finanzjarja tal-2008 bir-rata tal-qgħad ta' persuni taħt il-25 sena fl-UE tilħaq kważi l-25 % fil-bidu tal-2013 u livelli ta' aktar minn 50 % fil-Greċja u Spanja. Dan kien naqas għal livell baxx rekord ta’ madwar 14 % fl-2019, iżda l-pandemija tal-coronavirus imbuttatu għal 19,1 % fl-2020. Madankollu, dan l-aħħar kien hemm sinjali ta’ titjib, hekk kif il-qgħad fost iż-żgħażagħ naqas għal 14,4 % f’April 2024.

 

Il-finanzjament ta' programmi għall-impjieg taż-żgħażagħ

 

Parti mill-Pakkett usa’ ta’ Appoġġ għall-Impjieg taż-Żgħażagħ, il-Garanzija għaż-Żgħażagħ imsaħħa hija inizjattiva tal-UE li tagħti lil kull persuna taħt it-30 sena offerta ta’ impjieg ta’ kwalità tajba, edukazzjoni kontinwa, apprendistat jew traineeship fi żmien erba’ xhur minn meta ssir qiegħda jew minn meta titlaq mill-edukazzjoni formali.

 

L-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ hija l-għodda ewlenija tal-UE biex tgħin fil-finanzjament ta' miżuri u programmi stabbiliti mill-pajjiżi tal-UE biex iwettqu skemi ta' Garanzija għaż-Żgħażagħ, bħal taħriġ u assistenza għaż-żgħażagħ biex isibu l-ewwel impjieg tagħhom, flimkien ma' inċentivi għal min iħaddem. L-inizjattiva tappoġġja b’mod speċjali r-reġjuni fl-UE li għandhom rata ta’ qgħad fost iż-żgħażagħ ogħla minn 25 %.

 

L-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ ġiet integrata fil-Fond Soċjali Ewropew Plus (FSE+), għall-perjodu 2021-2027. Il-pajjiżi tal-UE b’rata ta’ żgħażagħ barra mill-edukazzjoni, impjieg jew taħriġ (NEET) ogħla mill-medja tal-UE għandhom jiddedikaw mill-inqas 12,5 % tar-riżorsi tal-FSE+ tagħhom għaż-żgħażagħ.

 

Apprendistati u traineeships ta' kwalità

 

Il-pjattaforma Alleanza Ewropea għall-Apprendistati ġiet varata biex tappoġġja l-Garanzija għaż-Żgħażagħ u ttejjeb il-kwalità tal-apprendistati fl-Ewropa.

 

F’Lulju 2020, il-Kummissjoni Ewropea nediet verżjoni mġedda tal-pjattaforma, li tiffoka fuq apprendistati diġitali u ekoloġiċi li se jiffaċilitaw it-tranżizzjoni lejn Ewropa newtrali għall-klima.

 

F’Marzu 2024, il-Kummissjoni pproponiet regoli ġodda biex jiġi evitat l-isfruttament tat-trainees madwar l-UE. Aktar kmieni, f’Ġunju 2023, il-Parlament kien appella għal leġiżlazzjoni li tiżgura traineeships ta’ kwalità madwar l-UE.

Opportunitajiet internazzjonali

 

Fl-UE, il-politiki tal-edukazzjoni għolja u s-sistemi tat-taħriġ huma responsabbiltà tal-Istati Membri. L-UE tista’ tgħin billi tikkoordina bejniethom u tappoġġa l-isforzi tagħhom permezz ta’ finanzjament jew kooperazzjoni politika.

 

Il-proċess ta' Bolonja, mekkaniżmu intergovernattiv li nbeda fl-1999, jiffaċilita r-rikonoxximent reċiproku ta' kwalifiki fl-edukazzjoni għolja fi 48 pajjiż. Illum jeżisti proċess Ewropew ta' rikonoxximent reċiproku mhux vinkolanti ta' baċellarati, lawrji master u dottorati.

 

Fl-2018, biex il-proċess ta' rikonoxximent jiġi promoss aktar, il-pajjiżi tal-UE adottaw rakkomandazzjoni dwar il-promozzjoni tar-rikonoxximent reċiproku ta' kwalifiki tal-edukazzjoni għolja u postsekondarja bejn pajjiż u ieħor. Ir-Rakkomandazzjoni tistieden lill-Istati Membri jieħdu passi biex jintroduċu rikonoxximent awtomatiku tal-kwalifiki sal-2025.

 

Diġà jeżistu fl-UE għodod differenti li jistgħu jgħinu billi jappoġġjaw ir-rikonoxximent tal-kwalifiki u jiffaċilitaw il-validazzjoni transfruntiera taċ-ċertifikati tat-taħriġ u t-tagħlim tul il-ħajja, pereżempju:

 

  • Il-Europass huwa sett ta' dokumenti ewlenin, inkluż mudell ta' CV standardizzat madwar l-Ewropa kollha u passaport tal-lingwa, li jagħmilha aktar faċli biex tqabbel l-edukazzjoni u l-esperjenza tax-xogħol tiegħek internazzjonalment.

 

L-UE għandha l-għan li tibni Żona Ewropea tal-Edukazzjoni li tippermetti liż-żgħażagħ kollha jirċievu edukazzjoni u taħriġ ta' kwalità u jsibu impjiegi fl-Ewropa kollha.

 

Il-programm tal-UE fl-oqsma tal-edukazzjoni, it-taħriġ, iż-żgħażagħ u l-isport jismu Erasmus+, u jiffoka fuq il-mobbiltà u l-kooperazzjoni transnazzjonali. Il-programm beda bħala programm ta' skambju tal-istudenti fl-1987, u evolva fi programm ġenerali li jkopri l-edukazzjoni skolastika u f'livell (internazzjonali) ogħla, l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali, it-tagħlim tal-adulti, it-tagħlim mhux formali u informali taż-żgħażagħ, u l-isport.

 

Erasmus+ jippermetti lill-istudenti jistudjaw barra minn pajjiżhom, joffri opportunitajiet ta' tagħlim u taħriġ għall-persunal li jaħdem fis-settur tal-edukazzjoni u jappoġġja t-traineeships u l-iskambji taż-żgħażagħ. L-organizzazzjonijiet (bħal skejjel, universitajiet, organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ, eċċ.) jistgħu wkoll jirċievu fondi biex jibnu sħubijiet strateġiċi u alleanzi ma' organizzazzjonijiet minn pajjiżi oħra.

 

Il-programm Erasmus+ il-ġdid għall-2021-2027 ġie adottat mill-Parlament fit-18 ta' Mejju 2021. Il-Membri tal-PE kisbu €1.7 biljun addizzjonali f'finanzjament matul in-negozjati mal-Kunsill, li jġib il-baġit totali għal aktar minn €28 biljun. Dan huwa kważi d-doppju tal-finanzjament għall-programm preċedenti. Dan jiffoka fuq l-inklużjoni soċjali, it-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali u jippermetti l-parteċipazzjoni ta’ aktar persuni żvantaġġati.

Baġit ġdid għal Erasmus+ biex ikabbar il-mobilità u l-opportunitajiet għaż-żgħażagħ

Opportunitajiet ta’ volontarjat

 

Il-Korp Ewropew ta' Solidarjetà, varat uffiċjalment fl-2016, jiffinanzja attivitajiet ta' volontarjat, traineeships u impjiegi għaż-żgħażagħ fi proġetti ta' solidarjetà ta' benefiċċju għall-komunitajiet u l-persuni fl-Ewropa kollha sa tmiem l-2020. Sa Settembru 2019, aktar minn 161,000 żagħżugħ u żagħżugħa kienu diġà rreġistraw biex jieħdu sehem.

 

F'Mejju 2021, l-Membri tal-PE approvaw il-programm il-ġdid għas-snin 2021-2027. Dan issa jinkludi għajnuna umanitarja u se jkun programm ta’ volontarjat awtonomu bil-baġit tiegħu stess għall-ewwel darba.