L-immaniġġjar sostenibbli tal-iskart: dak li qed tagħmel l-UE

Tgħallem kemm jiġġeneraw skart l-Ewropej, kif jimmaniġġjawh u x’miżuri qed tieħu l-UE biex tiżgura prattiki li ma jagħmlux ħsara lill-ambjent.

Kull Ewropew iġġenera medja ta’ 5 tunnellati ta’ skart fl-2022, li jammontaw għal aktar minn 2,2 biljun tunnellata b’kollox.

 

Madwar 38,4 % tal-iskart kollu ġie ġġenerat fil-kostruzzjoni (38,4 %), segwit mill-estrazzjoni minerarja u mill-barrieri (22,7 %), mis-servizzi tal-iskart u tal-ilma (10,5 %), mill-manifattura (10,4 %) u mid-djar (8,9 %). Attivitajiet ekonomiċi oħra, prinċipalment is-servizzi (5,2 %) u l-enerġija (3,0 %), iġġeneraw il-parti li jifdal (9,2 %).

 

L-iskart minerali ewlieni jammonta għal sehem kbir mill-iskart totali (64 %) - dan ġej mill-estrazzjoni minerarja, mill-barrieri, mill-kostruzzjoni u mid-demolizzjoni. Jekk inwarrbu skart minerali ewlieni, l-akbar sorsi ta’ skart fl-2022 kienu s-servizzi tal-iskart u tal-ilma (216-il miljun tunnellata), id-djar (193 miljun tunnellata) u l-attivitajiet ta’ manifattura (166 miljun tunnellata).

L-UE trid tnaqqas l-iskart u l-impatt tiegħu fuq l-ambjent u tippromwovi l-bidla lejn mudell aktar sostenibbli magħruf bħala l-ekonomija ċirkolari.

 

It-trattament tal-iskart fl-UE

 

Kważi 2 biljun tunnellata ta’ skart ġew ittrattati fl-UE fl-2022. Dan in-numru mhuwiex l-istess bħall-iskart iġġenerat, minħabba li jinkludi l-iskart importat fl-UE u jeskludi l-iskart esportat mill-UE.

 

Aħna nippruvaw nagħmlu użu mill-iskart b'modi differenti (dan huwa dak li jissejjaħ l-irkupru tal-iskart). L-iskart jista’ jiġi rriċiklat, jintuża għar-radam mill-ġdid (li jfisser is-sostituzzjoni tal-ħamrija għar-reklamazzjoni tal-inklinazzjonijiet jew għal skopijiet ta’ sikurezza jew ta’ inġinerija fil-pjanifikazzjoni tal-art) jew jista’ jiġi inċinerat u tintuża l-enerġija prodotta minn dan il-proċess. F’inqas minn żewġ deċennji, mill-2004 sal-2022, l-ammont ta’ skart irkuprat żdied b’40,6 %, minn 870 għal 1,223 miljun tunnellata.

 

L-iskart irkuprat kien jammonta għal aktar minn nofs l-iskart totali (61,4 %) fl-2022. L-iskart li jifdal jew intrema f’landfills (30,2 %), inċinerat mingħajr irkupru tal-enerġija (0,4 %) jew intrema b’xi mod ieħor (8,0 %).

 

L-iskart muniċipali

 

L-iskart muniċipali jikkonsisti fi skart iġġenerat mid-djar, mill-ħwienet, mill-uffiċċji u mill-istituzzjonijiet pubbliċi. Dan jammonta biss għal madwar 10 % tal-iskart totali u huwa ġestit mill-awtoritajiet muniċipali.

 

Fl-2022, il-volum ta’ skart muniċipali ġġenerat varja ħafna bejn il-pajjiżi tal-UE, minn 301 kg per capita fir-Rumanija għal 803 kg per capita fl-Awstrija.

Prattiki tal-immaniġġjar tal-iskart muniċipali madwar l-UE

 

Il-prattiki tal-immaniġġjar tal-iskart ivarjaw ukoll bejn il-pajjiżi tal-UE. L-UE trid tippromwovi kemm jista' jkun il-prevenzjoni tal-iskart u l-użu mill-ġdid tal-prodotti. Jekk dan ma jkunx possibbli, tippreferi r-riċiklaġġ (inkluż l-ikkompostjar), segwit mill-użu tal-iskart biex tiġi ġġenerata l-enerġija.

 

L-aktar għażla ta’ ħsara għall-ambjent u għas-saħħa tan-nies hija sempliċiment ir-rimi tal-iskart, pereżempju f’landfills, għalkemm hija wkoll waħda mill-irħas possibbiltajiet. Għalkemm qegħdin niġġeneraw aktar skart, il-mod kif nimmaniġġjawh tjieb - b'aktar riċiklaġġ u inqas rimi fil-miżbliet.

60 %

tal-iskart ta’ kuljum miġbur u ttrattat mill-muniċipalitajiet irid jiġi użat mill-ġdid jew riċiklat sal-2030 skont il-miri tal-UE

Is-sehem tal-iskart muniċipali riċiklat żdied minn 19 % fl-1995 għal 48 % fl-2022, filwaqt li fl-istess perjodu s-sehem tal-iskart mormi f’landfills naqas minn 61 % għal 23 %.

 

F’konformità mad-Direttiva tal-UE dwar ir-rimi ta’ skart f’Landfills, il-pajjiżi tal-UE jridu jnaqqsu l-ammont ta’ skart muniċipali li jintbagħat fil-landfills għal 10 % jew inqas tal-iskart muniċipali totali ġġenerat sal-2035.

 

L-esportazzjoni ta’ skart barra mill-UE

L-UE tesporta wkoll parti mill-iskart tagħha. Fl-2022, l-esportazzjonijiet tal-iskart tal-UE lejn pajjiżi mhux tal-UE laħqu t-32,1 miljun tunnellata. Dan huwa tnaqqis żgħir ta’ 3 % meta mqabbel mal-2021.

 

Il-maġġoranza tal-iskart esportat barra mill-UE (55 %) jikkonsisti fi skart tal-metalli ferrużi (il-ħadid u l-azzar), li fil-biċċa l-kbira jmur lejn it-Turkija. L-UE esportat ħafna skart tal-karti wkoll (15 %), bl-Indja bħala d-destinazzjoni ewlenija.

 

Fl-2022, 39 % tal-iskart tal-UE mar it-Turkija (12,4 miljun tunnellata), segwita mill-Indja (3,5 miljun tunnellata), ir-Renju Unit (2,0 miljun tunnellata), l-Iżvizzera (1,6 miljun tunnellata) u n-Norveġja (1,6 miljun tunnellata).

 

L-UE trid tiġġieled l-esportazzjonijiet illegali u tiżgura li l-iskart jiġi mmaniġġjat b’mod li ma jagħmilx ħsara lill-ambjent fil-pajjiżi ta’ destinazzjoni. Fi Frar 2024, il-Parlament approva regoli aktar stretti għall-vjeġġi ta’ skart lejn pajjiżi terzi. Ir-regoli jipprojbixxu l-esportazzjonijiet tal-iskart tal-plastik lejn pajjiżi mhux tal-OECD u jintroduċu kundizzjonijiet aktar stretti għall-esportazzjonijiet lejn il-pajjiżi tal-OECD. It-trasport tal-iskart bil-baħar lejn pajjiż ieħor tal-UE huwa possibbli biss f’ċirkostanzi eċċezzjonali.

 

Il-ħidma tal-UE biex tinkiseb ekonomija ċirkolari

 

L-Unjoni Ewropea trid tibni ekonomija ċirkolari u newtrali għall-klima sal-2050. Biex tikseb dan, f’dawn l-aħħar snin l-UE introduċiet ħafna miżuri ġodda biex tnaqqas l-iskart u tagħmel il-prodotti aktar sostenibbli.

 

Leġiżlazzjoni ġdida jew aġġornata tkopri l-ekodisinn, l-imballaġġ, il-greenwashing, id-dritt għat-tiswija, l-immaniġġjar tal-iskart u oqsma ewlenin oħra.