L-iskart u r-riċiklaġġ tal-plastik fl-UE: fatti u ċifri
Filwaqt li l-pajjiżi tal-UE qed jirriċiklaw aktar skart tal-plastik, qed jiġġeneraw ukoll aktar minnu. Skopri l-fatti u ċ-ċifri fl-infografika tagħna.
Kull persuna li tgħix fl-UE ġġenerat medja ta’ 36.1 kilo ta’ skart mill-imballaġġ tal-plastik fl-2021. Il-volum ta’ skart mill-imballaġġ tal-plastik iġġenerat għal kull abitant żdied b’madwar 29 % (+ 8.1 kilo għal kull persuna) bejn l-2010 u l-2021.
L-iskart totali tal-plastik prodott fl-UE fl-2021 kien ta’ 16,13-il miljun tunnellata. Madwar 6,56 miljun tunnellata ta’ skart tal-plastik ġie riċiklat.
L-UE diġà ħadet miżuri biex tnaqqas l-ammont ta' skart tal-plastik, iżda x'jiġri mill-iskart li jiġi ġġenerat minkejja l-isforzi kollha? U kif jistgħu jiżdiedu r-rati ta' riċiklaġġ tal-plastik?
It-trattament tal-iskart tal-plastik fl-Ewropa
Fl-Ewropa, l-aktar mod użat biex jintrema l-iskart tal-plastik huwa l-irkupru tal-enerġija, li jfisser li l-iskart tal-plastik jinbidel fi sħana, elettriku jew fjuwil li jistgħu jintużaw permezz tal-inċinerazzjoni jew proċessi oħra. Ir-riċiklaġġ huwa t-tieni l-aktar mod użat għat-trattament tal-iskart tal-plastik.
Nofs il-plastik miġbur għar-riċiklaġġ jiġi esportat biex jiġi ttrattat f'pajjiżi barra mill-UE. Ir-raġunijiet għall-esportazzjoni jinkludu nuqqas ta' kapaċità, teknoloġija jew riżorsi finanzjarji biex l-iskart jiġi ttrattat lokalment. L-esportazzjonijiet tal-UE ta' kull tip ta' skart lejn pajjiżi mhux tal-UE laħqu 33 miljun tunnellata fl-2021. Il-biċċa l-kbira tal-iskart jikkonsisti f'ruttam tal-metall ferruż u mhux ferruż kif ukoll skart tal-karta, plastik, tessuti u ħġieġ u jmur prinċipalment lejn it-Turkija, l-Indja u l-Eġittu.
Qabel, sehem sinifikanti mill-iskart tal-plastik esportat kien jiġi ttrasportat lejn iċ-Ċina, iżda minħabba restrizzjonijiet fuq l-importazzjonijiet tal-iskart tal-plastik fiċ-Ċina x'aktarx se jonqsu l-esportazzjonijiet tal-UE. Dan joħloq ir-riskju ta' aktar inċinerazzjoni u rimi ta' skart tal-plastik f'landfills fl-Ewropa. Sadanittant, l-UE qed tipprova ssib modi ċirkolari u li ma jagħmlux ħsara lill-klima biex timmaniġġja l-iskart tal-plastik tagħha.
Is-sehem pjuttost żgħir ta' riċiklaġġ tal-plastik fl-UE jfisser telf kbir għall-ekonomija kif ukoll għall-ambjent. Huwa stmat li 95% tal-valur tal-materjal tal-imballaġġ tal-plastik jintilef mill-ekonomija wara ċiklu ta' użu ta' darba qasir.
Madwar 22 miljun tunnellata ta’ plastik sabu ruħhom fil-ħamrija, fix-xmajjar u fl-oċeani fl-2019, u t-tnixxija tal-plastik hija proġettata li tirdoppja sal-2060.
Fl-2019, il-plastik iġġenera 1.8 biljun tunnellata ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra (GHG) — 3.4 % tal-emissjonijiet globali. 90 % ta’ dawn l-emissjonijiet ġejjin mill-produzzjoni u l-konverżjoni tagħhom mill-fjuwils fossili. Sal-2060, l-emissjonijiet miċ-ċiklu tal-ħajja tal-plastiks huma stabbiliti għal aktar mid-doppju, u jilħqu 4.3 biljun tunnellata ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra.
Il-problemi involuti fir-riċiklaġġ tal-plastik
Il-kwistjonijiet ewlenin li jikkumplikaw ir-riċiklaġġ tal-plastik huma l-kwalità u l-prezz tal-prodott riċiklat, meta mqabbla ma' dawk tal-kontroparti mhux riċiklata tagħhom. Il-proċessuri tal-plastik jirrikjedu kwantitajiet kbar ta' plastik riċiklat, manifatturati skont speċifikazzjonijiet ikkontrollati b'mod strett u bi prezz kompetittiv.
Madankollu, peress li l-plastik jiġi adattat faċilment għall-ħtiġijiet (funzjonali jew estetiċi) ta' kull manifattur, id-diversità tal-materja prima tikkomplika l-proċess tar-riċiklaġġ, u b'hekk tagħmlu għali u taffettwa l-kwalità tal-prodott finali. B'konsegwenza ta' dan, id-domanda għall-plastik riċiklat qed tikber b'rata mgħaġġla.
Is-soluzzjonijiet tal-UE biex iżżid ir-rati ta' riċiklaġġ
F'Ġunju 2019, l-UE adottat regoli ġodda biex timmira l-kwistjoni tal-iskart tal-plastik fil-baħar, billi introduċiet serje ta' miżuri rigward l-aktar 10 plastiks komuni li jintużaw darba biss li jinsabu fuq il-bajjiet Ewropej, kif ukoll bħala rkaptu tas-sajd. Tinkludi mira ta' 25% għal kontenut riċiklat fi fliexken tal-plastik sal-2025 u 30% sal-2030.
F'Novembru 2022, il-Kummissjoni pproponiet regoli ġodda għall-UE kollha dwar l-imballaġġ. Il-Parlament u l-Kunsill laħqu ftehim u l-Membri tal-PE approvawh f’April 2024. Ir-regoli jirrikjedu li l-pajjiżi tal-UE jnaqqsu l-iskart totali tal-imballaġġ per capita b’5 %, meta mqabbel mal-2018, sal-2030, imbagħad b'10 % sal-2035 u b'15 % sal-2040.
Hemm ukoll dispożizzjonijiet speċifiċi għat-tnaqqis tal-iskart mill-imballaġġ tal-plastik. Ċerti tipi ta’ imballaġġ tal-plastik li jintuża darba biss se jiġu pprojbiti mill-1 ta’ Jannar 2030. Sal-2029, 90 % tal-kontenituri tax-xorb tal-plastik u tal-metall li jintużaw darba biss (sa tliet litri) se jkollhom jinġabru separatament.
Bħala parti mill-Patt Ekoloġiku, 55% tal-iskart li jiġi mill-imballaġġ tal-plastik għandu jibda jiġi riċiklat sal-2030. Dan jimplika disinn aktar adatt għar-riċiklabbiltà, iżda l-Membri tal-PE jemmnu li hemm bżonn ukoll ta' miżuri li jistimulaw is-suq għall-plastik riċiklat.
Dawn il-miżuri jistgħu jinkludu:
- Il-ħolqien ta' standards tal-kwalità għall-plastik sekondarju
- It-tħeġġiġ għal ċertifikazzjoni sabiex tiżdied il-fiduċja kemm tal-industrija kif ukoll tal-konsumaturi
- L-introduzzjoni ta' regoli obbligatorji dwar il-kontenut minimu ta' materjal riċiklat f'ċerti prodotti
- It-tħeġġiġ biex l-Istati Membri jqisu li jnaqqsu l-VAT fuq il-prodotti riċiklati.
Il-Parlament Ewropew appoġġja wkoll, fl-2015, ir-restrizzjoni tal-basktijiet tal-plastik ħfief fl-UE.
Il-Membri tal-PE stiednu wkoll lill-Kummissjoni Ewropea tieħu azzjoni kontra l-mikroplastik.
Fi Frar 2024, il-Parlament approva rekwiżiti aktar stretti għal vjeġġi ta’ skart barra mill-UE. Ir-regoli jipprojbixxu l-esportazzjonijiet tal-iskart tal-plastik lejn pajjiżi li mhumiex membri tal-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi (OECD).
Għal aktar informazzjoni
- Ara l-progress leġiżlattiv dwar l-istrateġija Ewropea għall-plastik f'ekonomija ċirkolari [EN]
- Ir-riżoluzzjoni tal-PE dwar l-istrateġija Ewropea għall-plastik f'ekonomija ċirkolari
- Is-sit web tal-Kummissjoni dwar l-istrateġija Ewropea għall-plastik jiftaħ f'paġna ġdida
- Test adottat dwar il-projbizzjoni fuq il-plastik (27 ta' Marzu 2019)
- Is-sit web tal-Kummissjoni Ewropea dwar it-tniġġis mill-mikroplastik jiftaħ f'paġna ġdida
- Skeda informattiva: l-effiċjenza fl-użu tar-riżorsi u l-ekonomija ċirkolari