Kif l-UE tippromwovi l-konsum sostenibbli

Ir-regoli Ewropej għandhom l-għan li jippromwovu kultura ta’ tiswija, jiżguraw li l-prodotti ma jagħmlux ħsara lill-ambjent u li r-reklamar ma jqarraqx bil-konsumaturi.

L-UE trid tibni ekonomija newtrali għall-klima u li tuża mill-ġdid u tirriċikla r-riżorsi. Pass importanti lejn il-bini ta' ekonomija ċirkolari bħal din huwa l-bidla għal mudell ta' konsum li jġib kwalità ta' ħajja aħjar iżda li jfittex ukoll li jimminimizza l-impatt fuq l-ambjent u l-ġenerazzjonijiet futuri. L-UE diġà introduċiet ħafna miżuri biex dan iseħħ.

Id-dritt għat-tiswija

 

F’April 2024, il-Parlament adotta d-direttiva dwar id-dritt għat-tiswija, li tintroduċi regoli li għandhom jagħmlu t-tiswijiet xi ħaġa sempliċi u affordabbli. Il-konsumaturi għandhom jirċievu informazzjoni aħjar dwar it-tiswijiet u inċentivi biex isewwu aktar milli jissostitwixxu l-prodotti. Il-bejjiegħa għandhom jagħtu prijorità wkoll lit-tiswija meta tkun irħas jew ugwali fil-kost għas-sostituzzjoni ta’ oġġett.

L-ekodisinn

 

F’April 2024, il-Parlament approva regoli riveduti dwar l-ekodisinn, biex jiġi żgurat li jitqiesu l-kunsiderazzjonijiet ambjentali diġà fl-istadju tad-disinn tal-prodotti.

 

Ir-regoli jwessgħu b’mod sinifikanti l-kamp ta’ applikazzjoni tal-prodotti li japplikaw għalihom u jintroduċu rekwiżiti addizzjonali u standards minimi għad-durabbiltà, il-possibbiltà ta’ tiswija, l-effiċjenza enerġetika u r-riċiklaġġ. Il-prodotti se jkollhom bżonn Passaport Diġitali tal-Prodotti, li jipprovdi lix-xerrejja bl-informazzjoni rilevanti biex jieħdu deċiżjonijiet infurmati.

Il-greenwashing

 

F'Jannar 2024, il-Membri tal-PE approvaw regoli ġodda dwar reklamar aktar responsabbli biex jitwaqqaf il-greenwashing, jiġifieri meta l-kumpaniji jagħtu l-impressjoni li prodott huwa aktar ekoloġiku milli fil-fatt huwa.

 

L-UE trid tiżgura li l-informazzjoni kollha dwar l-impatt ta’ prodott fuq l-ambjent, il-lonġevità, il-possibbiltà ta’ tiswija, il-kompożizzjoni, il-produzzjoni u l-użu tkun appoġġata minn sorsi verifikabbli. Il-konsumaturi għandhom ukoll ikunu konxji bis-sħiħ tal-perjodu ta' garanzija tal-prodotti.

Il-batteriji

 

Il-batteriji qed isiru dejjem aktar importanti, speċjalment fid-dawl taż-żieda fl-użu tal-vetturi elettriċi. Il-Parlament Ewropew aġġorna d-direttiva tal-UE dwar il-batteriji f’Ġunju 2023, biex jiżgura li l-batteriji jkunu aktar sostenibbli, effiċjenti u durabbli.

Iċ-ċarġer komuni

 

F’Ottubru 2022, il-Parlament approva regoli biex il-USB-C isir l-istandard komuni tal-iċċarġjar għall-ismartphones u apparati mobbli oħra. Ir-regoli għandhom l-għan li jnaqqsu l-iskart ekoloġiku billi jippermettu lill-konsumaturi jużaw ċarġer wieħed biss għall-apparati kollha tagħhom.