Kif l-UE qed tindirizza l-vjolenza abbażi tal-ġeneru

Il-vjolenza abbażi tal-ġeneru u dik domestika għadhom mifruxa fl-Ewropa, u jaffettwaw b'mod speċjali lin-nisa u lill-bniet. L-UE qed tieħu miżuri biex twaqqaf dan.

Kif l-UE qed tindirizza l-vjolenza abbażi tal-ġeneru
©AdobeStock_Me Studio

Il-biċċa l-kbira tal-pajjiżi tal-UE għandhom liġijiet li jindirizzaw il-vjolenza kontra xi ħadd minħabba l-ġeneru jew l-orjentazzjoni sesswali, iżda n-nuqqas ta’ regoli komuni biex tiġi indirizzata l-kwistjoni kabbar il-problema. Huwa għalhekk li l-Parlament Ewropew insista fuq leġiżlazzjoni ġdida tal-UE dwar dan.

 

Għalkemm in-nisa u l-bniet huma l-vittmi ewlenin tal-vjolenza abbażi tal-ġeneru, iżda tista’ taffettwa wkoll lill-irġiel. Il-persuni LGBTIQ+ ta’ spiss ikunu wkoll fil-mira. Għandha konsegwenzi negattivi fil-livell individwali kif ukoll fil-familja, fil-komunità u fil-livell ekonomiku.

Regoli tal-UE dwar il-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa


F’April 2024 il-Parlament adotta l-ewwel regoli tal-UE dwar il-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa. L-għan huwa li tiġi evitata l-vjolenza abbażi tal-ġeneru u jiġu protetti l-vittmi, speċjalment in-nisa u l-vittmi tal-vjolenza domestika. Id-direttiva tappella għal liġijiet aktar b’saħħithom kontra l-vjolenza ċibernetika, assistenza aħjar għall-vittmi, passi għall-prevenzjoni tal-istupru u ż-żieda fil-fehim tal-kunsens sesswali.


Ir-regoli l-ġodda jipprojbixxu wkoll il-mutilazzjoni ġenitali femminili u ż-żwieġ furzat u jelenkaw linji gwida partikolari għal reati mwettqa online. Il-leġiżlazzjoni ser tinkludi wkoll lista itwal ta’ ċirkostanzi aggravanti għal reati li għandhom iġorru pieni aktar severi, bħal reati kontra personalitajiet pubbliċi, ġurnalisti, jew difensuri tad-drittijiet tal-bniedem.

Ir-regoli jipprevedu li s-sikurezza u l-benesseri tal-vittmi għandhom jingħataw prijorità, inkluż billi jiġi offrut aċċess għal akkomodazzjoni protetta. Il-kura tas-saħħa għandha tkun aċċessibbli, inklużi s-servizzi tas-saħħa sesswali u riproduttiva.

Ir-regoli l-ġodda ser jidħlu fis-seħħ għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tagħhom fil-Ġurnal Uffiċjali tal-UE u l-istati membri għandhom tliet snin biex jimplimentawhom.

Id-dritt għall-abort jikkostitwixxi dritt fundamentali

 

F’riżoluzzjoni adottata f’April 2024, il-Membri tal-PE ħeġġew lill-Kunsill iżid il-kura tas-saħħa sesswali u riproduttiva u d-dritt għal abort sikur u legali mal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UEtalba li għamlu diversi drabi.

 

It-test iħeġġeġ lill-istati membri biex jiddekriminalizzaw bis-sħiħ l-abort f’konformità mal-linji gwida tal-WHO tal-2022. Il-Membri tal-PE jistiednu lill-Kummissjoni tiżgura li l-organizzazzjonijiet li jaħdmu kontra l-ugwaljanza bejn il-ġeneri u d-drittijiet tan-nisa, inklużi d-drittijiet riproduttivi, ma jirċevux finanzjament mill-UE.

 

Vjolenza minn sieħeb/sieħba f’battalji ta’ kustodja


Huwa stmat li 22 % tan-nisa esperjenzaw vjolenza fiżika u/jew sesswali minn sieħeb attwali jew minn ex sieħeb u 43 % esperjenzaw vjolenza psikoloġika, li fil-biċċa l-kbira ma tiġix irrappurtata.

 

F’Ottubru 2021, il-Parlament appella għal miżuri urġenti biex jiġu protetti l-vittmi inkluż f’battalji ta’ kustodja fejn ikun hemm suspett ta’ vjolenza. Dawn is-seduti ta’ smigħ għandhom isiru f’ambjent adattat għat-tfal minn professjonisti mħarrġa. Il-Membri tal-PE talbu wkoll li l-pajjiżi tal-UE jgħinu lill-vittmi jiksbu indipendenza finanzjarja, li tippermettilhom iħallu relazzjonijiet abbużivi u vjolenti.

 

F’April 2022, il-Membri tal-PE appellaw lill-Kummissjoni Ewropea biex tipproponi linji gwida komuni tal-UE biex tipproteġi d-drittijiet tat-tfal fi proċedimenti tad-dritt ċivili, amministrattiv u tal-familja. Riżoluzzjoni adottata dwar dan qalet li s-smigħ tat-tfal għandu jitmexxa minn imħallef jew espert imħarreġ u m’għandha ssir l-ebda pressjoni, inkluż mill-ġenituri. Il-Membri tal-PE appellaw ukoll lill-pajjiżi tal-UE biex jadottaw miżuri biex jgħaqqdu l-kawżi kriminali u ċivili sabiex jipprevjenu kwalunkwe diskrepanza bejn deċiżjonijiet ġudizzjarji u deċiżjonijiet legali oħra li huma ta’ ħsara għat-tfal.

 

Fastidju sesswali u vjolenza ċibernetika

 

F’Diċembru 2021, il-Membri tal-PE talbu lill-UE tadotta definizzjoni komuni ta’ vjolenza ċibernetika abbażi tal-ġeneru u tagħmilha punibbli bil-liġi, b’penali minimi u massimi armonizzati għall-pajjiżi kollha tal-UE. Is-sejħa tibni minn rapport tal-Parlament dwar il-fastidju online mill-2016.

 

Fost l-azzjonijiet li għandhom jiġu kkastigati, il-Parlament jelenka l-fastidju ċibernetiku; l-istalking ċibernetiku; ksur tal-privatezza; ir-reġistrazzjoni u l-qsim ta’ ritratti jew filmati ta’ attakki sesswali; kontroll jew sorveljanza remota (inklużi spy apps); theddid u sejħiet għall-vjolenza; diskors ta’ mibegħda sessista; it-twassil għall-ħsara li persuna tagħmel fuqha nnifisha; aċċess illegali għal messaġġi jew kontijiet tal-media soċjali; ksur tal-projbizzjonijiet ta’ komunikazzjoni imposti mill-qrati; kif ukoll it-traffikar tal-bnedmin.

 

Il-Konvenzjoni ta’ Istanbul

 

Il-finalizzazzjoni tal-adeżjoni tal-UE għall-Konvenzjoni ta’ Istanbul tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa u l-vjolenza domestika tibqa’ prijorità politika. Il-pajjiżi kollha tal-UE ffirmawha, iżda xi wħud għad iridu jirratifikawha. F’Jannar 2021, il-Parlament laqa’ l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tipproponi miżuri biex jintlaħqu l-objettivi tal-Konvenzjoni ta’ Istanbul fl-2021 jekk xi stati membri jkomplu jimblokkaw ir-ratifika tagħha mill-UE.

 

Il-mutilazzjoni ġenitali femminili

 

Il-Parlament adotta liġijiet u riżoluzzjonijiet biex jgħin fl-eliminazzjoni tal-mutilazzjoni ġenitali femminili madwar id-dinja. Għalkemm il-prattika hija illegali fl-UE u xi Stati Membri jħarrku anke meta titwettaq barra mill-pajjiż, huwa stmat li madwar 600,000 mara li jgħixu fl-Ewropa ġew soġġetti għall-mutilazzjoni ġenitali femminili u 180,000 tifla oħra jinsabu f’riskju għoli fi 13-il pajjiż Ewropew biss.

 

Fl-2019, the Restorers, grupp ta’ ħames studenti mill-Kenja li żviluppaw app li tgħin lill-bniet jittrattaw il-mutilazzjoni ġenitali femminili, ġew magħżula għall-Premju Sakharov tal-Parlament għal-Libertà tal-Ħsieb.

 

Nisa: il-vittmi ewlenin

 
• Waħda minn kull tliet nisa fl-UE esperjenzat vjolenza fiżika u/jew sesswali mill-età ta’ 15-il sena ‘l fuq
• Aktar minn nofs in-nisa kollha ġew iffastidjati sesswalment
• F’kważi wieħed minn kull ħames każijiet ta’ vjolenza kontra n-nisa l-aggressur huwa sieħeb intimu

 
(Sors: Il-vjolenza fuq in-nisa, stħarriġ madwar l-UE kkummissjonat mill-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali fl-2014)