Id-dritt għat-tiswija: l-azzjoni tal-UE biex tippromwovi t-tiswija tal-prodotti

Wara li ilhom jagħmlu pressjoni għal dawn is-snin, il-Membri tal-PE adottaw leġiżlazzjoni li tiggarantixxi d-dritt li l-prodotti li jistgħu jissewwew, jiġu msewwija.

Raġel b’tornavit jirranġa magna tal-kafè fuq mejda tax-xogħol
Raġel b’tornavit jirranġa magna tal-kafè fuq mejda tax-xogħol

Ir-rimi ta’ oġġetti li jistgħu jissewwew għandu impatt ambjentali enormi peress li jwassal għal 35 miljun tunnellata ta’ skart fis-sena fl-UE. Id-dritt għat-tiswija huwa meqjus bħala pass ewlieni għall-pjan tal-UE biex tinkiseb ekonomija ċirkolari sal-2050 bħala parti mill-Patt Ekoloġiku Ewropew, il-pjan direzzjonali tal-UE biex tintlaħaq in-newtralità klimatika sal-2050.

 

F’April 2024 il-Parlament adotta d-direttiva dwar id-“dritt għat-tiswija” li għandha l-għan li tinkoraġġixxi konsum aktar sostenibbli, billi tagħmilha aktar faċli li jissewwew oġġetti difettużi, jitnaqqas l-iskart u jiġi appoġġat is-settur tat-tiswija.

 

Ir-rapporteur tal-Parlament René Repasi (S&D, DE) qal: “Id-dritt tal-konsumaturi li jsewwu l-prodotti issa se jsir realtà. Se jkun aktar faċli u irħas biex issewwi minflok tixtri oġġetti ġodda u għaljin. Din hija kisba sinifikanti għall-Parlament u l-impenn tiegħu li jagħti s-setgħa lill-konsumaturi fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima.”

Se jkun aktar faċli u irħas biex issewwi minflok tixtri oġġetti ġodda u għaljin.
René Repasi (S&D, DE), l-awtur tar-rapport tal-Parlament dwar il-leġiżlazzjoni dwar id-dritt tat-tiswija

Erba’ raġunijiet għad-dritt għat-tiswija tal-leġiżlazzjoni

 

  • Ostaklu ieħor għal konsum aktar sostenibbli huwa l-obsolexxenza: xi prodotti huma ddisinjati biex jieqfu jaħdmu wara ċertu żmien jew ammont ta’ użu. F’xi każijiet, il-komponenti tal-apparati jitwaħħlu b’tali mod li ma jkunux jistgħu jinħarġu u jinbidlu.
  • It-tiswijiet tal-apparat elettroniku huma tajbin għall-ambjent, u dan iwassal għal tnaqqis fl-użu tar-riżorsi, inqas emissjonijiet ta’ gassijiet b’effett ta’ serra u inqas konsum tal-enerġija.
  • L-elettronika hija l-aktar sors ta’ skart li qed jikber malajr fl-UE, iżda xorta waħda mhux qed tiġi riċiklata.

Dwar xiex inhi l-leġiżlazzjoni dwar id-dritt għat-tiswija?

 

Il-Parlament Ewropew kien favur it-titjib tad-dritt tal-konsumaturi għat-tiswija għal aktar minn għaxar snin u għamel għadd ta’ proposti konkreti lill-Kummissjoni biex tagħmel it-tiswijiet sistematiċi, kosteffiċjenti u attraenti.

 

Reċentement f’April 2022, il-Parlament talab għal proposta leġiżlattiva mill-Kummissjoni għal dritt ta’ tiswija li jkopri prodotti fit-tul li jistgħu jissewwew. Il-Kummissjoni ressqet proposta f’Marzu 2023.

 

Il-leġiżlazzjoni l-ġdida għandha l-għan li tagħmel it-tiswijiet aktar attraenti u disponibbli għall-konsumaturi:

 

  • Il-bejjiegħa se jkunu meħtieġa jipprijoritizzaw it-tiswija fil-perjodu tal-garanzija legali, jekk ikun irħas jew ugwali fl-ispiża għas-sostituzzjoni ta’ oġġett. Il-garanzija legali se tiġi estiża b’sena ladarba prodott ikun issewwa

  • Il-konsumaturi se jkollhom id-dritt li jitolbu tiswijiet għal prodotti bħal magni tal-ħasil tal-ħwejjeġ, vacuum cleaners u smartphones wara li tkun skadiet il-garanzija. Il-lista ta’ kategoriji ta’ prodotti eliġibbli għat-tiswija tista’ tiġi estiża maż-żmien.

  • Apparat ta’ sostituzzjoni għandu jiġi offrut b’self għat-tul ta’ żmien tat-tiswija. Jekk apparat ikun irreparabbli, il-konsumaturi jistgħu jagħżlu prodott rinnovata bħala alternattiva.

  • Se titwaqqaf pjattaforma online Ewropea b’sezzjonijiet nazzjonali biex tgħin lill-konsumaturi jsibu sewwejja lokali fiż-żona tagħhom

  • Il-konsumaturi se jiġu offruti inċentivi biex isewwu l-prodotti aktar milli jibdluhom b’oħrajn ġodda

  • Il-konsumaturi għandhom jiġu offruti sett armonizzat ta’ dettalji ta’ informazzjoni dwar il-possibbiltà ta’ tiswija tal-apparati sabiex ikunu jistgħu jivvalutaw u jqabblu s-servizzi ta’ tiswija

 

Id-direttiva tikkumplimenta regoli ġodda oħra tal-UE dwar l-Ekodisinn li timmarka bidla lejn approċċ aktar favur il-konsumatur u konxju mill-ambjent.

 

Il-passi li jmiss

 

Wara l-approvazzjoni tal-Parlament, ladarba l-Kunsill japprovaha, id-direttiva ser tiġi ppubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali tal-UE. Il-pajjiżi tal-UE mbagħad ikollhom 24 xahar biex jittrasponuha fil-liġijiet nazzjonali tagħhom.

 

Aktar dwar x'tagħmel l-Ewropa biex tikseb ekonomija ċirkolari: