L-Att dwar l-industrija b’emissjonijiet żero netti: insaħħu t-teknoloġiji nodfa fl-Ewropa

L-Ewropa għadha lura fl-użu ta’ teknoloġiji tal-enerġija nadifa, iżda l-leġiżlazzjoni l-ġdida tal-UE għandha l-għan li ttejjeb is-sitwazzjoni.

L-argument favur l-appoġġ għat-teknoloġiji ta’ enerġija nadifa

 

L-użu ta’ teknoloġiji tal-enerġija nadifa bħall-installazzjonijiet tal-enerġija solari u eolika iżda wkoll il-ħżin tal-karbonju huwa essenzjali biex jintlaħqu l-miri klimatiċi tal-Ewropa għall-2030 u l-2050. Fl-2030, l-emissjonijiet netti ta’ gassijiet serra jridu jonqsu b’55 fil-mija meta mqabbla mal-livelli tal-1990, filwaqt li sal-2050, l-emissjonijiet netti jridu jonqsu għal żero.

 

Skont rapport tal-2023 tal-Aġenzija Internazzjonali tal-Enerġija, jekk il-pajjiżi madwar id-dinja jimplimentaw bis-sħiħ il-wegħdiet tagħhom dwar l-enerġija u l-klima, is-suq għal teknoloġiji ewlenin tal-enerġija nadifa jista’ jiżdied aktar minn tliet darbiet sal-2030 meta mqabbel mal-valur attwali tiegħu, u l-impjiegi fis-settur jistgħu jiżdiedu minn 6 miljuni llum għal 14-il miljun.

 

Madankollu, s’issa l-Ewropa fil-biċċa l-kbira importat dawn it-teknoloġiji, filwaqt li pajjiżi barra l-UE espandew il-kapaċità tagħhom ta’ manifattura ta’ enerġija nadifa.

 

L-għanijiet tal-att dwar l-industrija b’emissjonijiet żero netti

 

F’Marzu 2023, il-Kummissjoni Ewropea pproponiet l-att dwar l-industrija b'emissjonijiet żero netti, bil-għan li tissaħħaħ il-kapaċità tal-manifattura Ewropea f’dak li għandu x’jaqsam mat-teknoloġiji tal-enerġija nadifa.

 

L-att huwa parti mill-Patt Ekoloġiku Ewropew u se jipprovdi l-bażi għal sistema ta’ enerġija nadifa affordabbli, affidabbli u sostenibbli. B'dan il-mod tiżdied il-kompetittività u r-reżiljenza tal-industrija tal-UE.

 

Il-leġiżlazzjoni hija maħsuba wkoll biex tnaqqas ir-riskju li d-dipendenza tal-UE fil-passat fuq il-fjuwils fossili Russi tiġi sostitwita b’dipendenzi strateġiċi ġodda.

Elementi ewlenin tal-att dwar l-industrija b’emissjonijiet żero netti

 

L-att jipproponi miżuri li għandhom l-għan li jiżguraw li sal-2030, l-UE tkun tista’ tipproduċi mill-inqas 40 % tal-ħtiġijiet tagħha stess għat-teknoloġiji ekoloġiċi. It-teknoloġiji li l-att għandu l-għan li jippromwovi jinkludu t-teknoloġiji solari; teknoloġiji rinnovabbli tal-enerġija mir-riħ fuq l-art u lil hinn mill-kosta; teknoloġiji tal-batteriji/tal-ħżin, il-pompi tas-sħana, l-idroġenu, il-bijogass, il-qbid u l-ħżin tal-karbonju, u t-teknoloġiji nukleari.

 

L-att jistabbilixxi mira li l-UE għandha tkun tista’ taħżen mill-inqas 50 miljun tunnellata ta’ CO2 kull sena sal-2030.

Proċessi aktar mgħaġġla għall-permessi

 

Impediment wieħed fl-iżvilupp ta’ teknoloġiji żero netti fl-UE kien il-proċess twil biex jinkisbu permessi tal-gvern għal attivitajiet industrijali ġodda. L-att għandu l-għan li jagħmel dan il-proċess aktar faċli u aktar mgħaġġel.

 

Se jiġu mħeġġa l-konċentrazzjonijiet ġeografiċi tal-industriji fil-parks tal-industrija, biex jgħinu fil-promozzjoni tal-kooperazzjoni u l-avvanz tal-ħiliet f’dan il-qasam.

Il-passi finali

 

Fi Frar 2024, il-Parlament laħaq ftehim mal-Kunsill. Il-Parlament ikkonferma dan il-ftehim lejn l-aħħar ta’ April 2024. Il-leġiżlazzjoni tidħol fis-seħħ wara il-konfirmazzjoni mill-Kunsill.