Pagamenti istantanji: il-benefiċċji għall-klijenti u n-negozju

Il-pagamenti istantanji jippermettu li l-flus jiġu ttrasferiti f'sekondi. Skopri kif dan jgħin lill-klijenti, in-negozju u l-ekonomija b’mod ġenerali.

Raġel li juża terminal għal ħlas bla kuntatt b'smart watch f’kafetterija
Raġel li juża terminal għal ħlas bla kuntatt b'smart watch f’kafetterija

Tiddejjaq li trid tistenna jiem sħaħ biex jidħlu l-pagamenti bankarji? Għandna aħbar tajba: issa hemm alternattivi aktar mgħaġġla li jippermettulek tibgħat u tirċievi l-flus f’ħakka ta’ għajn.

 

Il-benefiċċji ta’ pagamenti istantanji

 

Il-pagamenti istantanji jippermettu lin-nies u lin-negozji jħallsu u jirċievu pagamenti b’mod aktar konvenjenti u effiċjenti.

 

Bil-pagamenti istantanji, in-nies jistgħu faċilment jaqsmu kont restorant mal-ħbieb u jirċievu l-fondi immedjatament.

 

In-negozji, speċjalment l-SMEs, jistgħu jkunu aktar fil-kontroll tal-fluss tal-flus tagħhom. Barra minn hekk, bl-użu ta’ pagamenti istantanji, in-negozjanti jnaqqsu l-ispejjeż operattivi tagħhom u jistgħu jipprovdu servizz aħjar (eż. joffru rifużjonijiet istantanji).

 

L-istituzzjonijiet pubbliċi jistgħu jibbenefikaw minn ġestjoni mtejba tal-fluss tal-flus b’mod simili għan-negozji. B’pagamenti istantanji, il-NGOs u l-organizzazzjonijiet tal-karità jistgħu jagħmlu użu mill-kontribuzzjonijiet aktar malajr. Il-banek jistgħu jużaw pagamenti istantanji bħala xprun biex jiżviluppaw servizzi finanzjarji innovattivi u jsaħħu l-pożizzjoni kompetittiva tagħhom.

Is-sitwazzjoni fl-UE

 

Fil-bidu tal-2022, 11 % biss tat-trasferimenti ta’ kreditu kollha tal-euro fl-UE saru fi ftit sekondi. Hemm kważi €200 biljun marbuta fi tranżitu fis-sistema finanzjarja kuljum.

 

Fl-istess ħin, id-disponibbiltà ta’ pagamenti istantanji u tariffi relatati jvarjaw ħafna bejn il-pajjiżi tal-UE.


Ftehim dwar pagamenti istantanji

 

F’Ottubru 2022, il-Kummissjoni ħarġet bi proposta leġiżlattiva biex tagħmel pagamenti istantanji f’euro, disponibbli għaċ-ċittadini u n-negozji kollha li għandhom kont bankarju fl-UE kif ukoll fl-Iżlanda, in-Norveġja u l-Liechtenstein. F’Novembru 2023, in-negozjaturi tal-Parlament Ewropew laħqu ftehim mal-Kunsill dwar it-test leġiżlattiv finali.

 

Fi Frar 2024, il-Parlament u l-Kunsill it-tnejn qablu dwar it-test finali.

 

Skont il-leġiżlazzjoni:

  • It-trasferiment ta' kreditu istantanju għandu jsir irrispettivament mill-jum jew is-siegħa u jiġi pproċessat immedjatament, fi żmien 10 sekondi, u min iħallas għandu jirċievi rċevuta malajr kemm jista’ jkun.
  • Fornitur ta’ servizzi ta’ pagament għandu immedjatament jikkonverti l-ammont ta’ tranżazzjoni f’euro, jekk il-pagament jiġi sottomess minn kont li mhuwiex denominat f’euro.
  • Il-fornituri ta’ servizzi ta’ pagament għandu jkollhom detezzjoni tal-frodi robusta u aġġornata u għandhom jieħdu miżuri li jipprevjenu li trasferiment jintbagħat lil benefiċjarju mhux intenzjonat.
  • Il-fornituri ta’ servizzi ta’ pagament iridu jintroduċu wkoll miżuri addizzjonali biex jipprevjenu attivitajiet kriminali (eż. ħasil tal-flus jew finanzjament tat-terroriżmu).
  • L-ebda ħlas żejjed ma għandu jiġi applikat għall-ħlas istantanju meta mqabbel mat-tranżazzjonijiet tradizzjonali bl-euro.
  • L-Istati Membri li l-munita tagħhom mhijiex l-euro se jkollhom japplikaw ukoll ir-regoli, iżda wara perjodu itwal ta’ tranżizzjoni.

 

Il-leġiżlazzjoni se tkun operattiva għalkollox mill-2025. Hija marbuta ma’ firxa ta’ inizjattivi oħra fil-qasam ekonomiku li għandhom l-għan li jiżguraw li l-UE timxi id f'id mal-avvanzi teknoloġiċi: dan ifisser li sservi liċ-ċittadini u n-negozji, u tipproteġi s-sistema finanzjarja u l-ekonomiji tagħna mill-kriminalità organizzata. Dawn l-inizjattivi jkopru ħlasijiet immedjati, servizzi ta’ ħlas, kriptoassi, u regoli kontra l-ħasil tal-flus.