Inwaqqfu l-greenwashing: kif l-UE tirregola l-asserzjonijiet ekoloġiċi

L-UE għandha l-għan li ttemm il-greenwashing u tipprovdi aktar informazzjoni lill-konsumaturi dwar id-durabbiltà tal-prodotti li jixtru.

Sabiex jiġu protetti aħjar id-drittijiet tal-konsumaturi, jiġu promossi deċiżjonijiet favur l-ambjent u tinbena ekonomija ċirkolari li tuża mill-ġdid u tirriċikla l-materjali, il-Parlament Ewropew qed jaħdem fuq aġġornament tar-regoli eżistenti dwar il-prattiki kummerċjali u l-protezzjoni tal-konsumatur.

 

Projbizzjoni tal-greenwashing

 

Naturali, eko, favur l-ambjent ... Ħafna prodotti għandhom dawn it-tikketti, iżda ħafna drabi, dawk l-affermazzjonijiet mhumiex ippruvati. L-UE trid tiżgura li l-informazzjoni kollha dwar l-impatt ta’ prodott fuq l-ambjent, il-lonġevità, il-possibbiltà ta’ tiswija, il-kompożizzjoni, il-produzzjoni u l-użu tkun appoġġjata minn sorsi verifikabbli.

X’inhu l-greenwashing?

Il-prattika fejn tingħata impressjoni falza tal-impatti jew il-benefiċċji ambjentali ta’ prodott, li tista’ tqarraq bil-konsumaturi.

Biex jinkiseb dan, l-UE se tipprojbixxi:

 

  • dikjarazzjonijiet ambjentali ġeneriċi dwar prodotti mingħajr prova
  • dikjarazzjonijiet li prodott għandu impatt newtrali, imnaqqas jew pożittiv fuq l-ambjent minħabba li l-produttur qed jikkumpensa l-emissjonijiet
  • tikketti ta’ sostenibbiltà li mhumiex ibbażati fuq skemi ta’ ċertifikazzjoni approvati jew stabbiliti minn awtoritajiet pubbliċi

 

 

Il-promozzjoni tad-durabbiltà tal-prodotti

 

Il-Parlament Ewropew irid jiżgura li l-konsumaturi jkunu konxji bis-sħiħ tal-perjodu ta’ garanzija, li matulu l-konsumaturi jkunu jistgħu jitolbu tiswija ta’ prodotti difettużi għad-detriment tal-bejjiegħ. Skont il-liġi tal-UE, il-prodotti għandhom garanzija ta’ minimu ta’ sentejn. Ir-regoli aġġornati dwar il-protezzjoni tal-konsumatur jintroduċu tikketta ġdida għall-prodotti b’perjodu ta’ garanzija estiż.

 

L-UE se tipprojbixxi wkoll:

 

  • reklamar ta’ oġġetti li għandhom karatteristiċi ta’ disinn li jistgħu jnaqqsu l-ħajja ta’ prodott
  • dikjarazzjonijiet ta’ durabbiltà mhux ippruvati f’termini ta’ ħin jew intensità tal-użu f’kundizzjonijiet normali
  • il-preżentazzjoni tal-oġġetti bħala xi ħaġa li tista' tissewwa meta dan ma jkunx il-każ

86 %

tal-konsumaturi tal-UE jridu informazzjoni aħjar dwar id-durabbiltà

Sfond u l-passi li jmiss

 

F’Marzu 2022, il-Kummissjoni Ewropea pproponiet aġġornament fir-regoli tal-konsumatur tal-UE biex tiġi appoġġjata t-tranżizzjoni ekoloġika. F’Settembru 2023, il-Parlament u l-Kunsill laħqu qbil proviżorju dwar ir-regoli aġġornati.

 

Il-Membri tal-PE approvaw il-ftehim waqt is-sessjoni plenarja ta' Strasburgu f'Jannar 2024, u l-Kunsill approvah fi Frar 2024. L-Istati Membri għandhom 24 xahar biex jinkorporaw l-aġġornament fil-liġi nazzjonali tagħhom.

 

X’qed tagħmel aktar l-UE biex tippromwovi l-konsum sostenibbli?

 

L-UE qed taħdem fuq files oħra bl-għan li tipproteġi lill-konsumaturi u tippromwovi l-konsum sostenibbli:

 

  • Dikjarazzjonijiet ekoloġiċi: din id-direttiva tikkumplimenta l-projbizzjoni tal-UE dwar il-greenwashing u tintroduċi sistema ta’ verifika għall-kumpaniji li jridu jagħmlu stqarrijiet relatati mal-ambjent. Qabel ma jużaw tali stqarrijiet għall-prodotti tagħhom, il-kumpaniji jkollhom bżonn jissottomettu evidenza għalihom u jiksbu approvazzjoni minn qabel minn verifikaturi assenjati mill-pajjiżi tal-UE. Il-Membri tal-PE adottaw il-pożizzjoni tagħhom dwar dan il-file f'Marzu 2024 u l-Parlament il-ġdid se jkompli jaħdem fuqu wara l-elezzjonijiet Ewropej.
  • L-ekodisinn: l-UE trid tintroduċi standards minimi fl-iżvilupp tal-prodotti biex tagħmel kważi l-prodotti kollha fis-suq tagħha sostenibbli, durabbli u ekoloġiċi
  • Id-dritt għat-tiswija: l-UE trid tiggarantixxi d-dritt tal-konsumaturi li jissewwew il-prodotti u li tippromwovi t-tiswija tal-iskart u x-xiri ta’ prodotti ġodda.

 

Tgħallem kif l-UE qed taħdem biex tibni ekonomija ċirkolari: