Il-Premju Karlu Manju għaż-Żgħażagħ Ewropej 2025: intgħaraf għall-proġett tiegħek
Il-Premju Karlu Manju għaż-Żgħażagħ Ewropej jagħtik l-opportunità li takkwista l-appoġġ għall-proġett Ewropew tiegħek immexxi miż-żgħażagħ. Applika issa għall-edizzjoni tal-2025.
Il-Premju Karlu Manju għaż-Żgħażagħ Ewropej għandu l-għan li jippremja proġetti mmexxija minn żgħażagħ li jrawmu d-demokrazija, jippromwovu ċ-ċittadinanza attiva u jlaqqgħu flimkien il-komunitajiet.
Kif tapplika għall-premju
Jekk int resident tal-UE ta’ bejn is-16 u t-30 sena bi proġett li qed jagħmel differenza fil-komunità tiegħek jew lil hinn minnha, tista’ tapplika għall-Premju Karlu Manju għaż-Żgħażagħ Ewropej sat-30 ta’ Jannar f’23:59 CET. Tista’ tissottometti proġett jew bħala applikant individwali jew f’isem organizzazzjoni jew grupp ta’ żgħażagħ.
Il-proċess tal-għażla
Il-proġetti kollha ppreżentati l-ewwel se jiġu evalwati mill-ġuriji nazzjonali, li se jagħżlu nomina waħda għal kull pajjiż, imħabbra fit-13 ta’ Marzu 2025. Ir-rappreżentanti tar-rebbieħa nazzjonali kollha se jiġu mistiedna għaċ-ċerimonja tal-għoti tal-premjijiet f’Aachen, il-Ġermanja, fis-27 ta’ Mejju, fejn se jitħabbru l-aħjar tliet proġetti fil-livell tal-UE.
Il-proġetti li jirbħu l-ewwel, it-tieni u t-tielet premju se jintgħażlu minn fost is-27 rebbieħ nazzjonali minn ġurija Ewropea. Dawn ir-rebbieħa se jkollhom l-opportunità li jżuru l-Parlament Ewropew fi Brussell jew Strażburgu, u rappreżentant wieħed minn kull proġett rebbieħ Ewropew se jiġi offrut Traineeship Schuman.
Il-Premju Karlu Manju għaż-Żgħażagħ Ewropej
Kull sena l-Parlament Ewropew u l-Fondazzjoni Internazzjonali tal-Premju Karlu Manju f'Aachen jagħtu l-Premju Karlu Manju għaż-Żgħażagħ Ewropej biex jiċċelebraw il-ħidma importanti li ż-żgħażagħ jagħmlu kuljum biex isawru identità Ewropea komuni u jagħmlu impatt dejjiemi fuq il-futur tal-Ewropa.
L-ewwel premju huwa ta' €7,500, it-tieni premju ta' €5,000 u t-tielet premju ta' €2,500.
B’kollox, 6,520 proġett ikkompetew għall-premju mill-2008 ’l hawn.
Il-Premju Karlu Manju għaż-Żgħażagħ Ewropej fuq il-midja soċjali
Skopri aktar dwar il-proġetti fuq il-midja soċjali u ingħaqad mad-diskussjoni billi tuża l-hashtag #ECYP2025.