Skip to main content

Stqarrija ta’ privatezza speċifika – il-Portal Ewropew taż-Żgħażagħ

 

IL-PROTETEZZJONI TAD-DATA PERSONALI TIEGĦEK
Din l-istqarrija ta’ privatezza tipprovdi informazzjoni dwar 
l-ipproċessar u l-protezzjoni tad-data personali tiegħek.

 

Operazzjoni ta’ pproċessar: Stqarrija ta’ privatezza speċifika – il-Portal Ewropew taż-Żgħażagħ (EYP)

Kontrollur tad-Data: Il-Kummissjoni Ewropea – Id-Direttorat Ġenerali għall-Edukazzjoni, iż-Żgħażagħ, l-Isport u l-Kultura (DĠ EAC)/Direttorat B – Żgħażagħ, Edukazzjoni u Erasmus+/Unità B.3 – Solidarjetà taż-Żgħażagħ u Volontarjat

Referenza tar-rekord:DPR-EC-00371.3

 

1.    INTRODUZZJONI

Il-Kummissjoni Ewropea (minn hawn ’il quddiem “il-Kummissjoni”) hija marbuta li tipproteġi d-data personali tiegħek u tħares il-privatezza tiegħek. Il-Kummissjoni tiġbor u tipproċessa b’mod ulterjuri d-data personali skont ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data (li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001).

Din l-istqarrija tal-privatezza tispjega għalfejn nipproċessaw id-data personali tiegħek, il-mod kif niġbru u nittrattaw id-data personali kollha li tingħata u kif niżguraw il-protezzjoni tagħha, kif tintuża dik l-informazzjoni, u x’inhuma d-drittijiet tiegħek b’rabta mad-data personali tiegħek. Tispeċifika wkoll id-dettalji ta’ kuntatt tal-Kontrollur tad-Data responsabbli li tista’ teżerċita d-drittijiet tiegħek miegħu, kif ukoll tal-Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data u tal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data.

L-informazzjoni relatata mal-operazzjoni ta’ pproċessar DPR-EC-00371.3, dwar il-Portal Ewropew taż-Żgħażagħ (EYP) u s-servizzi online assoċjati tiegħu bħal siti web u applikazzjonijiet mobbli, imwettqa mid-Direttorat Ġenerali għall-Edukazzjoni, iż-Żgħażagħ, l-Isport u l-Kultura (DĠ EAC)/Direttorat B – Żgħażagħ, Edukazzjoni u Erasmus+/Unità B.3 – Solidarjetà taż-Żgħażagħ u Volontarjat (DĠ.EAC.B.3), hija ppreżentata hawn taħt.

 

2.    GĦALIEX U KIF NIPPROĊESSAW ID-DATA PERSONALI TIEGĦEK?

L-iskop tal-operazzjoni ta’ pproċessar: Id-DĠ.EAC.B.3 jiġbor u juża data personali biex jipprovdi informazzjoni u opportunitajiet liż-żgħażagħ fl-Ewropa kollha madwar it-temi tal-Programmi taż-Żgħażagħ tal-UE.

L-għanijiet tal-ġbir tad-data huma:

  • Għoti ta' informazzjoni

    • Jipprovdi informazzjoni ta’ kuntatt (fil-forma ta’ ismijiet u / jew indirizzi tal-email ta’ persuni assoċjati ma’ artikli, avvenimenti jew aħbarijiet) lil membri tal-pubbliku.

    • Jippermetti lill-utenti awtorizzati jirreġistraw mal-EYP bħala awturi / edituri, u jipprovdi għajnuna teknika meta jkun hemm bżonn.

  • Formola “Staqsi mistoqsija”

    • Jippermetti lill-individwi jistaqsu mistoqsija permezz tal-EYP u jirċievu tweġiba mingħand il-Eurodesk Brussels Link, in-network tal-Eurodesk u/jew l-amministraturi tal-EYP.

  • Korp Ewropew ta’ Solidarjetà

    • Jippermetti liż-żgħażagħ jirreġistraw biex jipparteċipaw fil-Korp billi jipprovdu l-informazzjoni bażika u d-dettalji ta’ kuntatt tagħhom. Jippermetti wkoll lir-reġistranti tal-Korp biex volontarjament jipprovdu informazzjoni ta’ kuntatt addizzjonali, id-dettalji dwar il-preferenzi tagħhom għat-tipi ta’ attivitajiet li jkunu interessati fihom, kif ukoll il-ħiliet u l-esperjenza li jistgħu jikkontribwixxu bihom fl-attivitajiet, sommarju tal-edukazzjoni u l-impjieg tagħhom u kwalunkwe esperjenza ta' volontarjat preċedenti.

    • Jippermetti lir-reġistranti tal-Korp jirċievu emails, newsletters u notifiki oħrajn relatati mal-Korp u ma’ inizjattivi oħrajn tal-Kummissjoni Ewropea / mhux tal-Kummissjoni Ewropea, kif ukoll stħarriġ u metodi oħrajn ta’ ġbir ta’ feedback mir-reġistranti. Hu possibbli għar-reġistranti tal-Korp li jiddefinixxu liema komunikazzjonijiet jixtiequ jirċievu.

    • Jippermetti lill-Korp jipprovdi opportunitajiet ta’ taħriġ għar-reġistranti tal-Korp.

    • Jippermetti lir-reġistranti tal-Korp jagħtu feedback dwar is-servizzi u l-proċessi.

    • Jippermetti lill-parteċipanti tal-Korp jirreġistraw l-eżiti tat-tagħlim mhux formali tagħhom fl-għodda esterna “Youthpass”.

    • Jippermetti lir-reġistranti tal-Korp jikkomunikaw ma’ xulxin permezz tal-karatteristiċi tal-bini tal-komunità tal-app mobbli tal-Korp. Dan jinkludi l-abbiltà li jippowstjaw kontenut iġġenerat mill-utenti relatat mal-esperjenzi tagħhom tal-Korp, kif ukoll li jaraw u jagħmlu kummenti dwar il-posts ta’ reġistranti oħrajn, jixxerjaw il-posts tagħhom stess fuq il-media soċjali, ifittxu/japplikaw għal attivitajiet, jieħdu sehem f’konkorsi u jużaw il-karatteristika taċ-chat one-to-one. Jistgħu wkoll jirrapportaw posts relatati magħhom lill-amministraturi tal-Korp. Dawn il-posts għandhom jikkonformaw mat-Termini u l-Kundizzjonijiet ta’ użu tal-Portal għaż-Żgħażagħ Ewropej, disponibbli online. Jistgħu wkoll japplowdjaw avatar fil-profil tagħhom, u jindikaw il-lokalità kurrenti tagħhom.

    • Jippermetti lil rappreżentanti awtorizzati ta' organizzazzjonijiet awtorizzati jmexxu l-attivitajiet tal-Korp biex iżommu l-profili tal-organizzazzjonijiet tagħhom, inklużi l-ismijiet u l-kunjomijiet u/jew l-indirizzi tal-emails ta’ nies assoċjati mal-organizzazzjonijiet u l-attivitajiet tal-Korp tagħhom.

    • Jippermetti lir-rappreżentanti awtorizzati tal-organizzazzjonijiet awtorizzati jmexxu l-attivitajiet tal-Korp, biex ifittxu fil-bażi tad-datatar-reġistranti tal-Korp biex isibu voluntiera potenzjali għall-attivitajiet tal-Korp, billi jqabblu d-dettalji tal-attività proposta mad-data personali u l-preferenzi pprovduti mir-reġistranti tal-Korp.

    • Jippermetti lil dawn ir-rappreżentanti awtorizzati jikkuntattjaw il-kandidati magħżulin, jekk dawn il-kandidati reġistrati jaqblu li jiġu kkuntattjati mill-organizzazzjoni.

    • Jippermetti lil dawn ir-rappreżentanti awtorizzati joffru attivitajiet speċifiċi għall-kandidati reġistrati tal-Korp, u jimmaniġġjaw l-offerti li saru.

    • Jippermetti lill-amministraturi tal-Korp jimmaniġġjaw il-bażi tad-data tar-reġistranti tal-Korp u jipprovdu assistenza lir-reġistranti tal-Korp.

    • Jippermetti lill-Aġenziji Nazzjonali responsabbli għall-implimentazzjoni ta’ Erasmus+ u tal-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà jwettqu l-kontrolli, l-awditi u l-evalwazzjonijiet tal-proġetti li jirċievu appoġġ mill-UE li fihom huma involuti r-reġistranti u jipprovdu assistenza lir-rappreżentanti awtorizzati tal-organizzazzjonijiet permezz tal-aċċess għall-bażi tad-data tal-Korp.

    • Jippermetti lill-amministraturi tal-Korp jimmaniġġjaw attivitajiet tal-Korp u l-proċessi ta’ tiftix/tqabbil tal-Korp u jipprovdu assistenza lir-rappreżentanti awtorizzati tal-organizzazzjonijiet awtorizzati li jmexxu attivitajiet tal-Korp.

    • Jippermetti lill-amministraturi tal-Korp u partijiet oħrajn fdati jibagħtu informazzjoni u notifiki dwar il-Korp u attivitajiet relatati oħrajn lir-reġistranti tal-Korp u r-rappreżentanti awtorizzati tal-organizzazzjonijiet.

    • Jippermetti lill-amministraturi tal-Korp janalizzaw id-data dwar ir-reġistranti u janalizzaw il-feedback tagħhom.

    • Jippermetti lill-amministraturi tal-Korp li jeżaminaw posts u kummenti sottomessi jew rappurtati mir-reġistranti, u jieħdu azzjoni neċessarja jekk dawn ma jkunux jikkonformaw mat-Termini u l-Kundizzjonijiet ta’ użu tal-Portal Ewropew taż-Żgħażagħ.

    • Jippermetti lid-Delegazzjonijiet tal-UE jiġu infurmati dwar il-parteċipanti tal-Korp skjerati fil-pajjiżi fejn jinsabu dawn id-Delegazzjonijiet.

  • Bażi tad-data ta’ organizzazzjonijiet u opportunitajiet

    • Tipprovdi informazzjoni ta’ kuntatt (fil-forma ta’ ismijiet u kunjomijiet u/jew indirizzi tal-email ta’ persuni assoċjati ma’ organizzazzjonijiet tal-Korp Ewropej ta’ Solidarjetà b’Tikketta tal-Kwalità) lill-membri tal-pubbliku.

    • Tippermetti lill-organizzazzjonijiet tal-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà b’Tikketta tal-Kwalità jimmaniġġjaw id-dettalji ta’ kuntatt ippubblikati tal-organizzazzjonijiet tagħhom.

    • Tippermetti lill-organizzazzjonijiet tal-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà b’Tikketta tal-Kwalità jirreklamaw l-opportunitajiet tagħhom lill-kandidati potenzjali u jippermettu liż-żgħażagħ jikkuntattjaw lil dawn l-organizzazzjonijiet.

    • Tippermetti lill-amministraturi tal-EYP jipprovdu assistenza teknika lill-organizzazzjonijiet.

  • DiscoverEU

    • Tippermetti liż-żgħażagħ japplikaw għall-inizjattiva billi jipprovdu l-informazzjoni personali bażika tagħhom, id-dettalji ta’ kuntatt, kif ukoll informazzjoni addizzjonali relatata mal-ivvjaġġar (ara t-Taqsima “Liema data personali niġbru fl-EYP?”).

    • Tippermetti lill-applikanti jirċievu emails u notifiki oħrajn relatati ma’ DiscoverEU u inizjattivi oħrajn tal-Kummissjoni Ewropea/mhux tal-Kummissjoni Ewropea mmirati lejn iż-żgħażagħ, kif ukoll stħarriġ u metodi oħrajn ta’ ġbir ta’ feedback mingħand l-applikanti, biex jirċievu aktar komunikazzjoni, materjali tal-kampanja, stediniet ta’ avvenimenti relatati ma’ inizjattivi tal-KE/mhux tal-KE, biss wara li l-applikanti jipprovdu l-kunsens espliċitu rispettiv tagħhom għall-Kummissjoni Ewropea u l-kuntratturi awtorizzati tagħha biex jikkuntattjawhom.

    • Tippermetti lill-amministraturi ta’ DiscoverEU u l-kuntrattur awtorizzat jikkuntattjaw applikanti magħżulin u dawk fil-lista ta’ riżerva permezz ta’ email jew bit-telefown.

    • Tippermetti lill-Aġenziji Nazzjonali responsabbli għall-implimentazzjoni ta’ Erasmus+ jikkuntattjaw lill-applikanti magħżulin u lill-applikanti fuq il-lista ta’ riżerva bl-email jew bit-telefown bl-għan li jibagħtu stediniet għall-avveniment.

    • Tippermetti lill-mezzi tal-media stampata, tat-TV jew tar-radju magħżulin mill-Kummissjoni Ewropea jikkuntattjaw l-applikanti magħżulin, biss wara li l-applikanti magħżulin jagħtu l-kunsens espliċitu tagħhom li jiġu kkuntattjati.

    • Tippermetti lill-kuntrattur awtorizzat joffri pass tal-ivvjaġġar għal kull applikant magħżul.

    • Tippermetti lill-amministraturi ta’ DiscoverEU biex ikollhom aċċess għad-data maħżuna online tal-applikanti u jipproċedu bl-għażla tal-applikanti kif ukoll jipprovdu assistenza lill-applikanti ta’ DiscoverEU (it-tieni livell ta’ appoġġ). L-ewwel livell ta’ appoġġ isir permezz tal-Eurodesks.

    • Tippermetti lill-amministraturi ta’ DiscoverEU janalizzaw id-data dwar l-applikanti u janalizzaw il-feedback tal-applikanti.

    • Tippermetti lill-kuntrattur awtorizzat joffri Karta Ewropea taż-Żgħażagħ (EYCA) lil kull applikant mhux magħżul (abbażi tal-kunsens tiegħu).

Kunsiderazzjonijiet komuni:

Għal uħud mill-karatteristiċi msemmijin hawn fuq, il-Portal Ewropew taż-Żgħażagħ u s-subportals tiegħu jorganizzaw, minn żmien għal żmien, kompetizzjonijiet, li jistgħu jeħtieġu s-sottomissjoni ta’ data personali. Il-parteċipazzjoni f’kompetizzjonijiet bħal dawn hi fakultattiva għalkollox; il-parteċipanti prospettivi huma infurmati dwar kwalunkwe implikazzjoni ta’ data personali qabel is-sottomissjoni.

Biex jaċċessaw xi funzjonalitajiet, l-utenti jistgħu jintalbu jagħmlu l-login u jawtentikaw ruħhom qabel ma jkunu jistgħu jużaw xi wħud minn dawn il-karatteristiċi. Biex jagħmel dan, l-EYP jista’ juża s-Sistema ta' Ġestjoni tal-Identità (IMS) tal-Kummissjoni Ewropea, permezz tas-sistema ta' EU Login. Dik is-sistema għandha l-Istqarrija ta’ Privatezza tagħha stess.

Il-Kummissjoni Ewropea u l-organizzazzjonijiet responsabbli għall-implimentazzjoni tal-karatteristiċi tal-Portal Ewropew taż-Żgħażagħ mhuma se jipproċessaw id-data personali miġbura għal ebda skop ieħor għajr dawk deskritti hawn fuq.

Id-data personali tiegħek mhijiex se tintuża biex jittieħdu deċiżjonijiet b’mod awtomatizzat, inkluż it-tfassil ta’ profili.

 

Il-bażijiet ġuridiċi ewlenin għall-ipproċessar tad-data personali għall-Portal Ewropew taż-Żgħażagħ huma r-Regolament (UE) 2021/888 li jistabbilixxi l-programm tal-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà u li jħassar ir-Regolamenti (UE) 2018/1475 u (UE) Nru 375/2014, ir-Regolament (UE) 2021/817 li jistabbilixxi l-programm Erasmus+ u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 1288/2013, u d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea dwar il-programmi ta’ ħidma annwali tal-2018, l-2019 u l-2020 għall-azzjoni preparatorja “DiscoverEU: Pass tal-ivvjaġġar b’xejn għall-Ewropej li jagħlqu t-18-il sena”.

Nipproċessaw id-data personali tiegħek għaliex: 

(a) l-ipproċessar ikun meħtieġ għat-twettiq ta’ xi kompitu li jsir fl-interess pubbliku jew fl-eżerċizzju ta’ awtorità uffiċjali mogħtija lill-istituzzjoni jew lill-korp tal-Unjoni;

(b) l-ipproċessar ikun meħtieġ għall-konformità ma’ obbligu legali li l-kontrollur hu soġġett għalih;

(c) is-suġġett tad-data jkun ta l-kunsens għall-ipproċessar tad-data personali tiegħu għal skop speċifiku wieħed jew aktar.

L-attivitajiet ta’ pproċessar li ġejjin huma bbażati fuq il-kunsens espliċitu tal-parteċipanti: 

  • L-użu tad-dettalji ta’ kuntatt (l-indirizzi tal-email) tal-parteċipanti biex jippermettilhom jirċievu emails u notifiki oħrajn relatati ma’ DiscoverEU u inizjattivi oħrajn tal-Kummissjoni Ewropea/mhux tal-Kummissjoni Ewropea mmirati lejn iż-żgħażagħ, kif ukoll stħarriġ u metodi oħrajn ta’ ġbir ta’ feedback mingħand l-applikanti, biex jirċievu aktar komunikazzjoni, materjali tal-kampanja, stediniet ta’ avvenimenti relatati ma’ inizjattivi tal-KE/mhux tal-KE, biss wara li l-applikanti jipprovdu l-kunsens espliċitu rispettiv tagħhom għall-Kummissjoni Ewropea u l-kuntratturi awtorizzati tagħha biex jikkuntattjawhom.

  • Il-kuntatt mill-mezzi tal-media stampata, tat-TV jew tar-radju magħżulin mill-Kummissjoni Ewropea tal-applikanti magħżulin, wara li dawn l-applikanti jagħtu l-kunsens espliċitu tagħhom li jiġu kkuntattjati.

  • L-ipproċessar tad-data personali biex il-kuntrattur awtorizzat ikun jista’ joffri Karta Ewropea taż-Żgħażagħ (EYCA) lil kull applikant mhux magħżul (abbażi tal-kunsens tiegħu).

  • L-għoti ta’ informazzjoni għal artikli, aħbarijiet, avvenimenti u stejjer. Dawn jiddaħħlu u jinżammu manwalment mill-Eurodesk Brussels Link u n-network ta’ organizzazzjonijiet nazzjonali tal-Eurodesk. Il-wiri u l-pubblikazzjoni ta’ data personali f’dawn l-artikli, aħbarijiet, avvenimenti u stejjer huma soġġetti għall-kunsens espliċitu ta’ dawk ikkonċernati.

  • Il-permess lir-reġistranti/lill-parteċipanti tal-Korp li jsegwu l-konkorsi permezz tal-app. L-applikazzjoni mobbli tal-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà tirrifletti wħud mill-karatteristiċi tal-EYP. Għalhekk, din l-istqarrija ta’ privatezza tkopri wkoll l-app. Hekk kif ir-reġistranti/il-parteċipanti jipparteċipaw fil-konkors, il-kunsens tagħhom se jintalab b’mod attiv fl-app.

Il-kunsens biex id-data personali tiġi pproċessata għall-finijiet identifikati hawn fuq jingħata mis-suġġetti tad-data fil-mument li jirreġistraw fil-Korp jew japplikaw għal DiscoverEU billi jimmarkaw kaxxa, li ma tiġix immarkata b’mod awtomatiku. Fir-rigward tal-kontenut ippubblikat fuq il-Portal Ewropew taż-Żgħażagħ, il-kunsens jingħata bl-użu ta’ formoli ta’ kunsens, li jiġu ffirmati qabel ma jiġi ppubblikat il-kontenut.

 

4.    LIEMA HI D-DATA PERSONALI LI NIĠBRU U NKOMPLU NIPPROĊESSAW? 

Sabiex titwettaq din l-operazzjoni ta’ pproċessar l-unità DĠ.EAC.B.3 tiġbor il-kategoriji ta’ data personali li ġejjin:

  • Għoti ta' informazzjoni

    • Membri individwali tal-pubbliku marbutin ma’ artiklu, avveniment jew aħbar: l-isem, il-kunjom, l-indirizz tal-email.

    • Staff mill-Eurodesk Brussels Link jew min-network ta’ organizzazzjonijiet tal-Eurodesk: l-isem, il-kunjom, l-indirizz tal-email, il-pajjiż.

  • Formola “Staqsi mistoqsija”

    • Membri individwali tal-pubbliku li jiddeċiedu li jagħmlu mistoqsija permezz tal-formola speċifika jridu jipprovdu isimhom u l-indirizz tal-email tagħhom.

  • Korp Ewropew ta’ Solidarjetà

    • Membri individwali tal-pubbliku li jiddeċiedu li jingħaqdu mal-Korp iridu jipprovdu l-informazzjoni bażika li ġejja: l-isem, il-kunjom, id-data tat-twelid, il-ġeneru, il-pajjiż ta’ residenza legali, in-nazzjonalità, l-indirizz tal-email, il-lingwa ta’ kuntatt preferuta, it-tipi ta’ attivitajiet tal-Korp li huma interessati fihom, l-għarfien u l-esperjenza preċedenti, u indikazzjoni li huma jaċċettaw il-Missjoni u l-Prinċipji tal-Korp.

    • Wara l-proċess inizjali ta’ reġistrazzjoni biex jissieħbu mal-Korp, jistgħu b’mod volontarju, jipprovdu informazzjoni addizzjonali dwarhom infushom: indirizz postali, numri tat-telefown, sommarju ta’ edukazzjoni u impjieg, dettalji ta’ esperjenzi ta’ volontarjat preċedenti, ħiliet lingwistiċi, disponibbiltà għal attivitajiet tal-Korp, motivazzjoni biex jivvolontarjaw għal attività tal-Korp, motivazzjoni biex jipparteċipaw f’attività tal-Korp, pajjiżi fejn jixtiequ jagħmlu volontarjat, xogħol mixtieq, kwalunkwe informazzjoni addizzjonali li jixtiequ jipprovdu l-utenti, rieda li jirċievu emails, newsletters, notifiki u komunikazzjonijiet oħrajn mingħand il-Korp. Meta japplikaw għal opportunità reklamata mill-organizzazzjonijiet, huma jistgħu jipprovdu wkoll informazzjoni addizzjonali li l-organizzazzjonijiet jistgħu jkunu qed jitolbu.

    • Jistgħu wkoll japplowdjaw is-CV personali tagħhom fil-forma ta’ dokument, bil-fehim li l-informazzjoni kollha fis-CV, inklużi d-dettalji ta’ kuntatt u kwalunkwe data personali oħra, tkun għad-dispożizzjoni tar-rappreżentanti tal-organizzazzjonijiet awtorizzati li jmexxu l-attivitajiet tal-Korp, u li jistgħu jużawha bħala parti mill-proċessi tagħhom biex jagħżlu reġistranti għall-attivitajiet tagħhom.

    • Permezz tal-app mobbli tal-Korp, huma jistgħu wkoll jippowstjaw kontenut iġġenerat mill-utenti relatat mal-esperjenza tagħhom tal-Korp u jissottomettu kummenti dwar posts magħmulin minn reġistranti oħrajn. Dawn il-posts għandhom jikkonformaw mat-Termini u l-Kundizzjonijiet ta’ użu tal-Portal Ewropew taż-Żgħażagħ.

    • Jistgħu wkoll japplowdjaw avatar fil-profil tagħhom fuq l-app mobbli tal-Korp, jindikaw il-lokalità kurrenti tagħhom u jfittxu u japplikaw għal attivitajiet.

    • Bl-użu tal-app mobbli tal-Korp, tinġabar data addizzjonali llinkjata mal-identifikaturi tal-utent (ID tal-utent, ID tal-apparat), l-użu (interazzjoni tal-prodott: it-tnedija tal-app u l-paġni li wieħed ikun ra kif ukoll data oħra dwar l-użu: tip ta’ apparat u ta’ browser) u d-dijanjostika (crash data)

    • Il-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà se jservi ta’ pjattaforma sabiex jiffaċilita lill-organizzazzjonijiet u lill-individwi jingħaqdu flimkien u mhux se titwettaq evalwazzjoni mid-DĠ EAC tal-aspetti personali tas-suġġett tad-data.

    • Ir-rappreżentanti awtorizzati tal-organizzazzjonijiet awtorizzati li jmexxu l-attivitajiet tal-Korp: l-isem, il-kunjom, il-username, l-indirizz tal-email, l-organizzazzjoni(jiet) li l-persuna intitolata tamministra, l-aċċettazzjoni tal-Missjoni u l-Prinċipji tal-Korp.

  • Bażi tad-data ta’ organizzazzjonijiet u opportunitajiet

    • Membri individwali tal-pubbliku marbutin ma’ organizzazzjonijiet tal-Korp Ewropej ta’ Solidarjetà b’Tikketta tal-Kwalità: l-isem, il-kunjom, l-indirizz tal-email.

    • Maniġers ta’ Organizzazzjonijiet: l-isem, il-kunjom, il-username, l-indirizz tal-email, l-organizzazzjoni(jiet) li l-persuna intitolata tamministra.

  • DiscoverEU

    • Membri individwali jew il-kapijiet ta’ grupp li jiddeċiedu li japplikaw għandhom jipprovdu l-informazzjoni bażika li ġejja: l-isem, il-kunjom, id-data tat-twelid, il-ġeneru, il-pajjiż ta’ residenza legali, in-nazzjonalità, l-indirizz tal-email, in-numru tal-ID jew tal-passaport, in-numru tat-telefown, l-okkupazzjoni. L-applikanti jridu jwieġbu wkoll sett ta’ mistoqsijiet relatati mal-ivvjaġġar bħall-perjodu ta’ żmien li jixtiequ jivvjaġġaw, jekk din hix l-ewwel darba li qed jivvjaġġaw lejn pajjiż ieħor tal-UE, jekk din hix l-ewwel darba li qed jivvjaġġaw mingħajr il-ġenituri/l-indukraturi tagħhom, x’jixtiequ jitgħallmu minn din l-esperjenza, liema attivitajiet jixtiequ jagħmlu matul il-vjaġġ tagħhom, kif se jiffinanzjaw l-ispejjeż tagħhom, u kif saru jafu dwar l-inizjattiva.

    • Fil-każ ta’ applikazzjoni ta’ grupp, il-kap tal-grupp għandu jipprovdi l-istess informazzjoni. Wara jiġi ġġenerat kodiċi li jrid jintuża mill-membri l-oħrajn tal-grupp sabiex jimlew id-data personali tagħhom.

    • L-indirizz tal-email u n-numru tat-telefown tal-applikanti magħżulin jistgħu jiġu xxerjati mal-mezzi tal-media magħżulin mill-Kummissjoni Ewropea wara l-qbil espliċitu mal-applikanti li għandhom jiġu kkuntattjati minn mezzi tal-media kif ukoll mar-Rappreżentanzi tal-Kummissjoni Ewropea u s-Servizz tal-Kelliem tal-Kummissjoni Ewropea (SPP). Ladarba l-applikanti jaqblu li jipprovdu l-emails tagħhom lill-mezzi tal-media, jeħtieġ li jkunu konxji li huma soġġetti għall-istqarrija ta’ privatezza rispettiva tal-mezzi tal-media responsabbli.

    • Il-Kummissjoni Ewropea tista’ tixxerja d-data personali tal-applikanti magħżulin ta’ DiscoverEU (speċifikament l-isem, il-kunjom, l-indirizz tal-email, in-numru tat-telefown, id-data tat-twelid, il-pajjiż) mal-kuntrattur awtorizzat tagħha inkarigat mill-attivitajiet ta’ komunikazzjoni eżempju għall-iskop li jintbagħtu stediniet għal avvenimenti jew booking ta’ biljett tal-ivvjaġġar biex wieħed jattendi avveniment.

    • Il-Kummissjoni Ewropea tista’ tixxerja d-data personali tal-applikant magħżul u fuq il-lista ta' riżerva ta’ DiscoverEU (speċifikament l-isem, il-kunjom, l-indirizz tal-email, in-numru tat-telefown, id-data tat-twelid, il-pajjiż) mal-Aġenziji Nazzjonali tal-Erasmus+ għall-fini li jintbagħtu stediniet għall-avveniment.

    • Il-Kummissjoni Ewropea tista’ tixxerja data personali tal-applikanti ta’ DiscoverEU mhux magħżula (speċifikament l-isem, l-indirizz tal-email, in-numru tat-telefown, id-data tat-twelid, il-pajjiż) mal-kuntrattur sabiex ikunu jistgħu jingħataw il-kard tal-EYCA

L-għoti ta’ data personali huwa obbligatorju biss biex jiġu ssodisfati r-rekwiżiti għall-parteċipazzjoni fil-programmi DiscoverEU u l-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà. Jekk ma tipprovdix id-data personali tiegħek, ma titħalliex tipparteċipa fil-programmi.

 
5.    GĦAL KEMM ŻMIEN NIBQGĦU NŻOMMU D-DATA PERSONALI TIEGĦEK?

Aħna nżommu d-data personali tiegħek biss għaż-żmien meħtieġ biex jintlaħqu l-finijiet tal-ġbir jew tal-ipproċessar ulterjuri.

Id-data personali inkluża fl-artikli, fl-aħbarijiet, fl-istejjer u fl-avvenimenti jiġu arkivjati, flimkien mal-kontenut oriġinali, sentejn wara l-pubblikazzjoni tagħhom. 

Id-data personali li tinsab f’kontijiet tal-utent maħluqin għal edituri u awturi miżmuma fil-Portal Ewropew taż-Żgħażagħ tiġi arkivjata sentejn wara l-aħħar darba li l-utenti lloggjaw fl-EYP bl-użu ta’ dawn il-kontijiet.

Id-data personali li tinsab fil-kontijiet tal-utenti tal-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà titħassar tliet snin wara li jilħqu l-limitu ta’ età superjuri tal-eliġibbiltà għall-parteċipazzjoni fil-Korp, ħlief jekk l-utent qabel li jissieħeb fi kwalunkwe skema ta’ alumni li tista’ tkun fis-seħħ f’dak iż-żmien, ma jkunx esprima interess permezz ta’ email li jżomm il-kont tal-utent jew ikun ibbenefika minn finanzjament tal-UE permezz tal-parteċipazzjoni fil-programm, f’liema każ id-data tinżamm għal 5 snin mill-aħħar tranżazzjoni finanzjarja skont il-lista komuni ta’ ritenzjoni.

Id-data personali li tinsab f’applikazzjonijiet tal-utenti mhux magħżulin għal DiscoverEU titħassar sentejn wara li jkunu ssottomettew l-applikazzjoni tagħhom, sakemm ma jkunux esprimew interess li jiġu infurmati dwar servizzi oħrajn tal-EYP jew involuti fihom, f’liema każ id-data tinżamm għal massimu ta’ ħames snin. Wara dak iż-żmien, id-data personali tagħhom se tiġi anonimizzata u tinżamm biss għal skop statistiku. 

Id-data personali li tinsab f’applikazzjonijiet tal-utenti magħżulin għal DiscoverEU titħassar ħames snin wara d-data tal-ibbukkjar tal-vjaġġ skont il-lista komuni ta’ ritenzjoni sakemm l-utent ma jkunx esprima l-interess tiegħu li jirtira mill-istatus ta’ “utent magħżul” u ma jkunx ibbenefika minn finanzjament tal-UE permezz tal-inizjattiva, f’liema każ id-data tinżamm għal massimu ta’ sentejn.

 
6.    KIF NIPPROTEĠU U NISSALVAGWARDJAW ID-DATA PERSONALI TIEGĦEK?

Id-data personali kollha f’format elettroniku (l-emails, id-dokumenti, il-bażijiet tad-data, il-lottijiet tad-data applowdjati, eċċ.) tinħażen fis-servers tal-Kummissjoni Ewropea. L-operazzjonijiet ta’ pproċessar jitwettqu kollha skont id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE, Euratom) 2017/46 tal-10 ta' Jannar 2017 dwar is-sigurtà tas-sistemi ta' komunikazzjoni u informazzjoni fil-Kummissjoni Ewropea.

Il-kuntratturi tal-Kummissjoni huma marbutin bi klawżola kuntrattwali speċifika għal kull operazzjoni ta’ pproċessar tad-data tiegħek f’isem il-Kummissjoni, kif ukoll bl-obbligi ta’ kunfidenzjalità li jitnisslu mir-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data (“GDPR” ir-Regolament (UE) 2016/679).

Korp Ewropew ta’ Solidarjetà:

Meta taċċetta din l-Istqarrija ta' Privatezza Speċifika, organizzazzjoni awtorizzata li tmexxi attivitajiet taqbel li tuża s-sistemi tal-IT tal-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà biex tfittex biss reġistranti tal-Korp għal attivitajiet, kif ukoll biex tikkuntattja u toffri attività lir-reġistranti tal-Korp. Dawn l-attivitajiet jistgħu jkunu impenn tagħhom stess, jew l-impenn ta’ organizzazzjoni oħra rappreżentata uffiċjalment mill-organizzazzjoni awtorizzata.

B’mod speċifiku, l-organizzazzjoni awtorizzata timpenja ruħha li tadotta miżuri ta’ sigurtà tekniċi u operattivi rilevanti għar-riskju inerenti fl-ipproċessar tagħha ta’ data personali tar-reġistranti, sabiex:

  • tipprevjeni lil kwalunkwe persuna mhux awtorizzata milli jkollha aċċess għal sistemi tal-kompjuter li jipproċessaw data personali, u speċjalment

    • li jinqraw, jiġu kkupjati, jinbidlu jew jitneħħew b’mod mhux awtorizzat il-mezzi tal-ħżin;

    • li tiddaħħal id-data b’mod mhux awtorizzat, kif ukoll li tiġi żvelata, tinbidel jew titħassar id-data personali maħżuna b’mod mhux awtorizzat;

    • li persuni mhux awtorizzati jużaw is-sistemi għall-ipproċessar tad-data permezz tal-faċilitajiet tat-trażmissjoni tad-data;

  • tiżgura li l-utenti awtorizzati ta’ sistema għall-ipproċessar tad-data jkollhom aċċess biss għad-data personali li għaliha jirreferi d-dritt tal-aċċess tagħhom;

  • tirreġistra liema data personali tkun ġiet ikkomunikata, meta jkun sar dan u lil min din tkun intbagħtet;

  • tiżgura li d-data personali qed tkun ipproċessata b’mod konformi mad-dispożizzjonijiet tal-protezzjoni tad-data stabbiliti fil-leġiżlazzjoni nazzjonali;

  • tiżgura li, matul il-komunikazzjoni tad-data personali u t-trasport tal-mezzi tal-ħżin, id-data ma tkunx tista’ tinqara, tiġi kkupjata jew titħassar mingħajr awtorizzazzjoni;

  • tiddisinja l-istruttura organizzattiva tagħha b’mod li jiġu ssodisfati r-rekwiżiti tal-protezzjoni tad-data.
    Sabiex tipproteġi d-data personali tiegħek, il-Kummissjoni daħħlet fis-seħħ għadd ta’ miżuri tekniċi u organizzattivi. Il-miżuri tekniċi jinkludu azzjonijiet xierqa biex jindirizzaw is-sigurtà online, ir-riskju ta’ telf tad-data, it-tibdil tad-data jew l-aċċess mhux awtorizzat, b’kunsiderazzjoni tar-riskju ppreżentat mill-ipproċessar u n-natura tad-data personali li tkun qed tiġi pproċessata. Il-miżuri organizzattivi jinkludu r-restrizzjoni tal-aċċess għad-data personali għall-persuni awtorizzati biss bi ħtieġa leġittima ta’ tagħrif għall-iskopijiet ta’ din l-operazzjoni ta’ pproċessar.

 
7.    MIN GĦANDU AĊĊESS GĦAD-DATA PERSONALI TIEGĦEK U LIL MIN TIĠI ŻVELATA?

L-aċċess għad-data personali tiegħek jingħata lill-istaff tal-Kummissjoni responsabbli biex iwettaq din l-operazzjoni ta’ pproċessar u lill-istaff awtorizzat skont il-prinċipju tal-“ħtieġa ta’ tagħrif”. Dan l-istaff jimxi ma’ ftehimiet ta’ kunfidenzjalità statutorji, u meta meħtieġ, ma’ oħrajn addizzjonali.

  • Għoti ta' informazzjoni

    • Il-pubbliku ġenerali se jara d-dettalji ta’ kuntatt personali rilevanti ta’ kull persuna miżjuda mill-edituri awtorizzati tal-EYP għal artikli, aħbarijiet jew avvenimenti, pereżempju l-persuna ta’ kuntatt pubbliku għal avveniment jew aħbar.

    • Dawn id-dettalji huma aċċessibbli wkoll mill-istaff tal-Eurodesk fil-Eurodesk Brussels Link u n-network ta’ organizzazzjonijiet nazzjonali tal-Eurodesk.

    • L-amministraturi tal-EYP ukoll għandhom aċċess għal din l-informazzjoni.

  • Formola “Staqsi mistoqsija”

    • Id-dettalji ta’ kuntatt se jkunu aċċessibbli għall-Eurodesk Brussels Link, in-network tal-organizzazzjonijiet nazzjonali tal-Eurodesk u l-amministraturi tal-EYP.

  • Korp Ewropew ta’ Solidarjetà

    • Il-pubbliku ġenerali se jara d-dettalji ta’ kuntatt personali tar-rappreżentanti tal-organizzazzjonijiet awtorizzati li jmexxu attivitajiet tal-Korp, jekk l-organizzazzjoni nfisha żżid din l-informazzjoni mal-profil tal-Korp tagħha li tippubblika fuq il-paġni web tal-Korp.

    • Il-pubbliku ġenerali se jkun jista’ jara wkoll il-kontenut iġġenerat mill-utent u l-kummenti ppowstjati u xxerjati mir-reġistranti tal-Korp dwar l-esperjenzi tagħhom tal-Korp, flimkien mal-avatar u l-lokalità, jekk dawn ikunu ġew speċifikati.

    • Ir-reġistranti tal-Korp jistgħu jaraw u jżommu d-data personali tagħhom billi jidħlu fil-kont tagħhom tal-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà. Huma responsabbli għall-kwalità tad-data tagħhom stess u għandhom id-dritt li jħassru l-kont tagħhom fi kwalunkwe ħin.

    • Permezz tal-app mobbli tal-Korp, ir-reġistranti tal-Korp jistgħu wkoll jaraw, jixxerjaw, jeditjaw u jħassru l-posts li jibagħtu dwar l-esperjenza tagħhom tal-Korp. Jistgħu wkoll jaraw u jikkummentaw dwar posts ta’ reġistranti oħrajn, u jirrapportaw posts lill-amministraturi tal-Korp jekk iqisu li dawn jiksru t-Termini u l-Kundizzjonijiet ta’ użu. Ir-reġistranti tal-Korp jistgħu wkoll japplowdjaw, jemendaw jew iħassru l-avatar u l-lokalità fil-profil tagħhom fl-app mobbli tal-Korp.

    • Id-data tar-reġistranti tal-Korp hi aċċessibbli mir-rappreżentanti awtorizzati tal-organizzazzjonijiet awtorizzati li jmexxu l-Korp.

    • Id-data personali tar-reġistranti tal-Korp hi aċċessibbli għall-Aġenziji Nazzjonali responsabbli għall-implimentazzjoni ta’ Erasmus+ u tal-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà biex tingħata assistenza lir-rappreżentanti awtorizzati tal-organizzazzjonijiet, kif ukoll għall-fini tat-twettiq tal-kontrolli, tal-awditi u tal-evalwazzjonijiet tal-proġetti li jirċievu l-appoġġ tal-UE li fihom ikunu involuti r-reġistranti.

    • Id-data personali tar-reġistranti tal-Korp hi aċċessibbli wkoll għall-amministraturi tal-Korp u l-amministraturi tal-programmi differenti tal-UE li permezz tagħhom l-organizzazzjonijiet awtorizzati jipprovdu l-attivitajiet tal-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà.

    • Id-data personali tista’ tiġi xxerjata ma’ servizzi oħrajn tal-Kummissjoni Ewropea li jista’ jkollhom interess li jikkuntattjaw lir-reġistranti.

    • Id-data personali tal-kandidati magħżulin tista’ tiġi xxerjata ma’ mezzi tal-media stampati, tat-televiżjoni jew tar-radju magħżulin mill-Kummissjoni Ewropea wara l-qbil espliċitu tal-applikanti magħżulin.

    • Id-data personali limitata tar-reġistranti tal-Korp (l-isem, il-kunjom, id-data tat-twelid, il-pajjiż ta’ residenza, in-nazzjonalità, l-indirizz tal-email) tista’ tintbagħat lil għodod oħrajn immaniġġjati mid-DĠ EAC u aċċessibbli għall-organizzazzjonijiet awtorizzati, l-Aġenziji Nazzjonali u l-amministraturi tal-Korp.

    • Data personali limitata tal-parteċipanti tal-Korp (l-isem, il-kunjom, id-data tat-twelid, il-pajjiż ta’ residenza, in-nazzjonalità, l-indirizz tal-email, il-ġeneru) se tintbagħat lill-kuntrattur tal-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà biex jimmaniġġja l-kopertura tal-assigurazzjoni tal-parteċipanti tal-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà. Il-parteċipanti se jkunu koperti minn fornitur tal-assigurazzjoni differenti skont il-perjodu li fih iseħħ il-proġett tagħhom. L-Avviż dwar il-Protezzjoni tad-Data tal-assigurazzjoni tas-CIGNA huwa validu għall-proġetti li qed iseħħu taħt il-Qafas Finanzjarju Pluriennali (QFP) 2014-2020 u għall-proġetti li bdew qabel is-7 ta’ Frar 2023 taħt il-QFP attwali 2021-2027. L-Avviż dwar il-Protezzjoni tad-Data tal-assigurazzjoni ta’ Henner huwa validu għall-proġetti li bdew fis-7 ta’ Frar 2023 taħt il-QFP attwali 2021-2027.

    • Id-data personali limitata tal-parteċipanti tal-Korp (l-isem, il-kunjom, id-data tat-twelid, l-indirizz tal-email, il-pajjiż ta’ residenza) se tintbagħat lill-għodda esterna “Youthpass” biex il-parteċipanti jkunu jistgħu jirreġistraw l-eżiti tat-tagħlim mhux formali tagħhom jekk jixtiequ jagħmlu dan.

    • Id-data personali limitata tar-reġistranti/tal-parteċipanti tal-Korp (l-isem, il-kunjom, l-indirizz tal-email, il-username tal-EU Login, il-lingwa ta’ kuntatt, il-pajjiż ta’ residenza, il-belt (jekk definita)) interessati li jsegwu l-korsijiet ta’ Taħriġ Online Ġenerali jew it-taħriġ tal-Volontarjat fil-qasam tal-Għajnuna Umanitarja se tintbagħat lill-pjattaforma tal-Akkademja tal-UE biex tippermetti lir-reġistranti/lill-parteċipanti jkollhom aċċess għal dawn il-korsijiet. Ir-reġistranti/il-parteċipanti tal-Korp se jiġu infurmati dwar l-Avviż dwar il-Protezzjoni tad-Data tat-Taħriġ Online Ġenerali qabel ma d-data tagħhom tiġi ttrasferita mill-EYP għall-pjattaforma tal-Akkademja tal-UE. Din il-pjattaforma għandha l-Istqarrija ta’ Privatezza tagħha stess disponibbli fil-paġna web tagħha. Barra minn hekk, ir-reġistranti tal-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà li esprimew l-interess tagħhom fil-Volontarjat fil-qasam tal-Għajnuna Umanitarja se jkollhom il-possibbiltà li jsegwu taħriġ speċifiku fuq il-pjattaforma tal-Akkademja tal-UE, aċċessibbli permezz tal-profil tal-Korp tagħhom. Ir-reġistranti se jiġu infurmati dwar l-Avviż dwar il-Protezzjoni tad-Data ta’ dan it-Taħriġ fil-qasam tal-Għajnuna Umanitarja qabel ma d-data tagħhom tiġi ttrasferita mill-EYP għall-pjattaforma tal-Akkademja tal-UE.

    • Il-kontenut iġġenerat mill-utenti u l-kummenti ppowstjati mir-reġistranti tal-Korp dwar l-esperjenza tagħhom tal-Korp huma aċċessibbli wkoll għall-amministraturi tal-Korp.

    • Data personali limitata tal-parteċipanti tal-Korp (l-isem, il-kunjom, is-sess, l-indirizz tal-email, in-nazzjonalità, il-pajjiż ta’ residenza) tista’ tintbagħat lid-Delegazzjonijiet tal-UE biex jinżammu infurmati dwar min huwa skjerat fil-pajjiżi fejn jinsabu dawn id-Delegazzjonijiet.

  • Bażi tad-data ta’ organizzazzjonijiet u opportunitajiet

    • Il-pubbliku ġenerali jista’ jikkonsulta d-dettalji ta’ kuntatt personali tal-persuni marbuta mal-organizzazzjonijiet tal-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà b’Tikketta tal-Kwalità.

    • Ir-rappreżentanti awtorizzati ta’ organizzazzjoni tal-Korp Ewropej ta’ Solidarjetà b’Tikketta tal-Kwalità jistgħu jaċċessaw id-dettalji ta’ kuntatt personali tal-persuni marbuta ma’ dawn l-organizzazzjonijiet partikolari u l-proġetti tagħhom.

  • DiscoverEU

    • L-applikant hu responsabbli għall-kwalità tad-data tiegħu stess.

    • Id-data personali tal-applikanti hi aċċessibbli għall-amministraturi ta’ DiscoverEU.

    • Id-data personali tista’ tiġi xxerjata ma’ servizzi oħrajn tal-Kummissjoni Ewropea li jista’ jkollhom interess li jikkuntattjaw lir-reġistranti.

    • Id-data personali tal-applikazzjonijiet magħżulin tista’ tiġi xxerjata ma’ mezzi tal-media stampati, tat-televiżjoni jew tar-radju magħżulin mill-Kummissjoni Ewropea wara l-qbil espliċitu tal-applikanti magħżulin.

    • L-applikanti magħżulin mill-Kummissjoni Ewropea, jistgħu jiġu kkuntattjati bl-email jew bit-telefown mill-Aġenziji Nazzjonali tal-Erasmus+ jew mill-kuntrattur awtorizzat tal-Kummissjoni Ewropea responsabbli għall-attivitajiet tal-komunikazzjoni. Meta applikabbli, u jekk l-applikant magħżul jaqbel, il-kuntrattur jista’ jibbukkja biljett tal-ivvjaġġar għall-applikant magħżul biex jattendi avveniment. Il-kuntrattur jagħżel l-aktar operaturi ta’ trasport ta’ partijiet terzi kompetittivi u adatti (f’ferroviji prinċipali).

    • Għall-finijiet tal-ibbukkjar tal-biljetti tal-ivvjaġġar, il-kuntrattur jista’ jixxerja mal-applikanti l-operatur tal-ivvjaġġar identifikat u jillinkja mal-formoli tal-ibbukkjar online ta’ dak l-operatur ta’ trasport ta’ partijiet terzi u mal-istqarrija ta’ privatezza applikabbli tiegħu. L-applikant se jkollu bżonn jimla dawn il-formoli tal-ibbukkjar biex jibbukkja l-biljetti u jagħmel check-in online. Kun af li tali operaturi tat-trasport ta’ partijiet terzi ma joperawx taħt il-kontroll tal-Kummissjoni Ewropea jew tal-kuntrattur awtorizzat tal-Kummissjoni Ewropea u li l-prattiki ta' privatezza ta' dawk il-partijiet terzi jistgħu jvarjaw minn din l-istqarrija ta’ privatezza. La l-Kummissjoni Ewropea u lanqas il-kuntrattur awtorizzat mhuma responsabbli għal dawn il-prattiki ta’ privatezza ta’ partijiet terzi jew għall-istqarrijiet ta’ privatezza relatati. L-applikanti magħżulin iridu jkunu u jibqgħu konxji tal-istqarrijiet ta’ privatezza ta’ dawn il-partijiet terzi meta applikanti magħżulin jagħtu l-kunsens tagħhom għax-xiri jew l-ibbukkjar permezz tas-sit web jew l-applikazzjoni tal-operatur tat-trasport. Inħeġġuk taqra l-istqarrijiet ta’ privatezza rispettivi tal-partijiet terzi tat-trasport għal aktar dettalji dwar il-prattiki ta’ privatezza rispettivi tagħhom.

    • Sabiex jiksbu l-pass tal-ivvjaġġar u s-servizzi anċillari, inkluż l-ibbukkjar tal-ivvjaġġar, il-parteċipanti magħżulin (inklużi l-persuni fil-lista ta’ riżerva meta tintuża) se jiġu infurmati dwar l-Avviż dwar il-Protezzjoni tad-Data ta’ DiscoverEU qabel ma d-data tagħhom tiġi ttrasferita lill-kuntrattur awtorizzat.

    • Id-data personali ta’ applikanti mhux magħżulin tista’ tiġi trażmessa lill-kuntrattur għall-fini li jirċievu l-karta tal-EYCA.

Barra minn hekk, id-data personali se tkun aċċessibbli għal:

  • L-istaff tal-unitajiet tad-DĠ EAC responsabbli għall-implimentazzjoni tas-servizzi permezz tal-Portal Ewropew taż-Żgħażagħ;

  • L-istaff tal-unità tal-informatika (IT) tad-DĠ EAC.

  • L-istaff ta’ Servizzi kompetenti oħrajn tal-Kummissjoni Ewropea koresponsabbli għall-implimentazzjoni tas-servizzi permezz tal-Portal Ewropew taż-Żgħażagħ.

Jekk ikun meħtieġ, id-data personali tista’ tiġi żvelata lil:

  • L-istaff tal-Kapaċità tal-Awditjar Intern tad-DĠ EAC

  • L-istaff tad-DĠ IAS

  • L-istaff tal-OLAF

Il-proċessuri esterni li ġejjin jistgħu jaċċessaw id-data personali kif awtorizzati mill-Kummissjoni Ewropea:

  • Eurodesk Brussels Link;

  • Organizzazzjonijiet nazzjonali tal-Eurodesk;

  • Organizzazzjonijiet awtorizzati tal-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà;

  • Kuntrattur tal-assigurazzjoni tal-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà;

  • Gruppi ta’ Ħidma Nazzjonali tad-Djalogu tal-UE maż-Żgħażagħ;

  • Kuntratturi u sottokuntratturi ta’ DiscoverEU;

  • Aġenziji Nazzjonali għall-Erasmus+ u l-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà (inkluż in-Network RAY tagħhom);

  • Sottoproċessuri awtorizzati tal-Aġenziji Nazzjonali;

  • Delegazzjonijiet tal-UE.

Tista’ ssib id-dettalji ta’ kuntatt ta’ dawn il-proċessuri esterni permezz ta’ dan il-link: https://youth.europa.eu/privacy/external-processors_en.  

Barra minn hekk, id-DĠ EAC u l-EACEA jaġixxu bħala kontrolluri konġunti fir-rigward ta’ DiscoverEU minħabba li jipproċessaw b’mod konġunt id-data personali tal-applikanti li jissottomettu applikazzjoni fil-Portal Ewropew taż-Żgħażagħ sabiex jirċievu l-passes tal-ivvjaġġar ta’ DiscoverEU.

Trasferimenti internazzjonali ta’ data: 

Id-data personali tar-reġistranti tal-Korp tiġi ttrasferita lill-organizzazzjonijiet minn pajjiżi terzi barra mill-UE/miż-ŻEE bit-Tikketta tal-Kwalità tal-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà (pajjiżi tal-programm u pajjiżi sħab) iżda li għalihom m’hemm ebda deċiżjoni ta’ adegwatezza (inkluż lejn pajjiżi tal-programm – it-Turkija, is-Serbja u l-Maċedonja ta’ Fuq). F’dan il-każ, il-livell ta’ protezzjoni tad-data personali tiegħek jiddependi mil-liġi jew il-prattika ta’ dak il-pajjiż terz. Madankollu, id-drittijiet tiegħek fir-rigward tal-protezzjoni tad-data jistgħu ma jkunux ekwivalenti għal dawk f’pajjiż tal-UE/taż-ŻEE jew pajjiż b’deċiżjoni ta’ adegwatezza.

 

8.    X’INHUMA DRITTIJIETEK U KIF TISTA’ TEŻERĊITAHOM?

Inti għandek drittijiet speċifiċi bħala “suġġett tad-data” skont il-Kapitolu III (l-Artikoli 14-25) tar-Regolament (UE) 2018/1725, b’mod partikolari d-dritt li taċċessa d-data personali tiegħek u li tirranġaha f’każ li din id-data ma tkunx eżatta jew ma tkunx kompluta. Fejn ikun applikabbli, għandek id-dritt li tħassar id-data personali tiegħek, li tillimita l-ipproċessar tad-data personali tiegħek, li toġġezzjona għall-ipproċessar u d-dritt għall-portabbiltà tad-data.

Inti tajt il-kunsens tiegħek li tipprovdi d-data personali tiegħek lid-DĠ.EAC.B.3 għal din l-operazzjoni ta’ pproċessar. Inti tista’ tirtira l-kunsens tiegħek fi kwalunkwe ħin billi tinnotifika lill-Kontrollur tad-Data. L-irtirar mhux se jaffettwa l-legalità tal-ipproċessar imwettaq qabel ma tkun irtirajt il-kunsens.

Tista’ teżerċita d-drittijiet tiegħek billi tikkuntattja lill-Kontrollur tad-Data, jew f’każ ta’ kunflitt lill-Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data. Jekk ikun meħtieġ, tista’ tindirizza wkoll lill-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data. L-informazzjoni tal-kuntatt tagħhom tinsab fl-Intestatura 9 ta’ hawn taħt. 

Meta tkun tixtieq teżerċita d-drittijiet t tiegħek fil-kuntest ta’ operazzjoni ta’ pproċessar speċifika waħda jew aktar, fit-talba tiegħek ipprovdi d-deskrizzjoni tagħhom (jiġifieri r-referenza/i tar-rekord(s) tagħhom kif speċifikat fl-Intestatura 10 ta’ hawn taħt).

Ladarba tkun lesta u ppubblikata, din l-istqarrija ta’ privatezza tista’ tiġi kkonsultata fil-Portal Ewropew taż-Żgħażagħ (https://youth.europa.eu/privacy_mt), fit-taqsima “Privatezza” f’qiegħ il-paġna. Barra minn hekk, l-istqarrija ta’ privatezza se tiġi xxerjata mas-suġġetti tad-data immedjatament ladarba l-indirizz tal-email tagħhom ikun magħruf.

 
9.    INFORMAZZJONI TA’ KUNTATT
  • Il-Kontrollur tad-Data
    Jekk tixtieq teżerċita drittijietek skont ir-Regolament (UE) 2018/1725, jew jekk għandek xi kummenti, mistoqsijiet jew tħassib, jew jekk tixtieq tressaq ilment rigward il-ġbir u l-użu tad-data personali tiegħek, ikkuntattja lill-Kontrollur tad-Data: Head of Unit, Youth, Volunteer Solidarity and Traineeships Office, Rue Joseph II 70, B-1049, Brussels, email: EAC-EYP@ec.europa.eu.

  • L-Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data (UPD) tal-Kummissjoni
    Tista’ tikkuntattja lill-Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data (DATA-PROTECTION-OFFICER@ec.europa.eu) dwar kwistjonijiet relatati mal-ipproċessar tad-data personali tiegħek skont ir-Regolament (UE) 2018/1725.

  • Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data (EDPS)

Għandek id-dritt għal rikors (jiġifieri tista’ tressaq ilment) mal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data (edps@edps.europa.eu) jekk jidhirlek li d-drittijiet tiegħek skont ir-Regolament (UE) 2018/1725 inkisru b’riżultat tal-ipproċessar tad-data personali tiegħek mill-Kontrollur tad-Data.

 
10.    FEJN TISTA’ SSIB INFORMAZZJONI AKTAR IDDETTALJATA?

L-Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data tal-Kummissjoni (UPD) jippubblika r-reġistru tal-operazzjonijiet kollha ta’ pproċessar tad-data personali mill-Kummissjoni, li jkunu ġew dokumentati u notifikati lilu. Tista’ taċċessa r-reġistru permezz tal-link li ġejja: http://ec.europa.eu/dpo-register. 

Din l-operazzjoni ta’ pproċessar speċifika ġiet inkluża fir-reġistru pubbliku tal-UPD bir-referenza tar-rekord li ġejja: DPR-EC-00371.3.