Skip to main content

Il-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà

B’Saħħitna fl-Għaqda.

Avviż dwar il-Protezzjoni tad-Data marbut mat-Taħriġ Online Ġenerali tal-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà

L-Aġenzija Eżekuttiva Ewropea għall-Edukazzjoni u għall-Kultura (“EACEA”) hija impenjata li tippreserva l-privatezza tiegħek. Id-data personali kollha tiġi ttrattata f’konformità mar-Regolament (UE) 2018/1725 dwar il-protezzjoni tad-data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni* (“ir-regolament dwar il-protezzjoni tad-data”).

L-avviż dwar il-Protezzjoni tad-Data li ġej jiddeskrivi l-politiki li bihom l-EACEA tiġbor, timmaniġġja u tuża d-data personali tal-individwi kkonċernati fi ħdan l-operazzjoni tal-ipproċessar tad-data ta’ Taħriġ Ġenerali Online (“GOT”).

L-ipproċessar ta’ data personali li sseħħ fuq il-Portal Ewropew taż-Żgħażagħ huwa ġestit mid-Direttorat Ġenerali għall-Edukazzjoni, iż-Żgħażagħ, l-Isport u l-Kultura tal-Kummissjoni Ewropea (“DĠ EAC”). Ara l-Istqarrija ta’ Privatezza tal-Portal Ewropew taż-Żgħażagħ.

L-utenti tal-GOT jiġu infurmati dwar l-għażla li jiġu ridirezzjonati lejn l-Akkademja tal-UE jekk ikunu jridu jaċċessaw il-korsijiet tal-GOT, permezz tal-Avviż dwar il-Protezzjoni tad-Data tal-GOT disponibbli fuq id-dashboard tal-Portal Ewropew taż-Żgħażagħ tagħhom. Ladarba jkunu fl-Akkademja tal-UE, l-utenti jridu jagħtu l-kunsens tagħhom lill-JRC, li qed jimmaniġġja l-pjattaforma tal-Akkademja tal-UE. Ladarba jingħata l-kunsens għall-Akkademja tal-UE, l-utenti tal-GOT se jkollhom il-korsijiet tal-GOT disponibbli fuq id-dashboard tal-Akkademja tal-UE tagħhom, inkluża s-serje tat-Taħditiet maż-Żgħażagħ. L-ipproċessar kollu tad-data personali permezz tal-Akkademja tal-UE jsir skont l-Istqarrija ta’ Privatezza tal-Akkademja tal-UE.

1. Min hu responsabbli għall-ipproċessar tad-data personali tiegħek (kontrollur tad-data)?

Il-Kummissjoni Ewropea rrappreżentata mid-Direttorat Ġenerali għall-Edukazzjoni, iż-Żgħażagħ, l-Isport u l-Kultura (DĠ EAC.B3 Żgħażagħ, Solidarjetà tal-Voluntiera u Uffiċċju tat-Traineeships) minn naħa waħda, u l-Aġenzija Eżekuttiva Ewropea għall-Edukazzjoni u l-Kultura (EACEA.A5 Żgħażagħ, il-Korp ta’ Solidarjetà tal-UE u l-Voluntiera tal-Għajnuna) min-naħa l-oħra, huma kontrolluri konġunti.

Il-persuna maħtura inkarigata mill-operazzjoni tal-ipproċessar fl-EACEA hija l-Kap tal-Unità A5, iż-Żgħażagħ, il-Korp ta’ Solidarjetà tal-UE u l-Voluntiera tal-Għajnuna
Email: EACEA-SOLIDARITY-CORPS@ec.europa.eu

2. Liema data personali tiġi pproċessata?

1. Id-data tal-utenti reġistrati tal-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà indikata hawn taħt tiġi ttrasferita mill-Portal Ewropew taż-Żgħażagħ għall-Akkademja tal-UE:

  • Email (obbligatorja)
  • Username tal-EU Login (obbligatorju)
  • Isem (obbligatorju):
  • Kunjom (obbligatorju):
  • Lingwa ta’ kuntatt (obbligatorja)
  • Pajjiż ta’ residenza (obbligatorju)
  • Belt (mhux obbligatorja)

2. Jekk l-utent jaqbel li jwieġeb għall-istħarriġ ta’ feedback online dwar l-Akkademja tal-UE wara t-tlestija tal-kors, il-kontrollur tad-data u l-proċessur tad-data tal-GOT (fornitur estern tas-servizzi kkuntrattat mill-EACEA) jista’ jkollhom aċċess għal din id-data biex iwettqu rapporti personalizzati anonimizzati.

3. Id-data li ġejja disponibbli fuq l-Akkademja tal-UE tista’ tiġi pproċessata mill-kontrollur tad-data u l-proċessur tad-data tal-GOT (fornitur estern tas-servizzi kkuntrattat mill-EACEA): aċċess għall-korsijiet u data dwar it-tlestija tal-korsijiet, reġistrazzjoni tal-korsijiet, data dwar il-progress tal-korsijiet. Din id-data se tintuża b’mod aggregat u anonimizzat, għall-monitoraġġ tal-progressi u għall-finijiet statistiċi. 

3. Għal liema skop nipproċessaw id-data tiegħek?

L-ipproċessar tad-data huwa meħtieġ għall-finijiet li ġejjin:

L-ipproċessar kollu tad-data personali permezz tal-Akkademja tal-UE jsir skont l-Istqarrija ta’ Privatezza tal-Akkademja tal-UE.

A. Sabiex jiġi żgurat aċċess għall-utenti reġistrati tal-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà għas-sett ta’ korsijiet tat-Taħriġ Online Ġenerali tal-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà ospitat fuq l-Akkademja tal-UE u biex ikun jista’ jsir rapportar għas-servizzi tal-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà tad-DĠ EAC u EACEA, kif ukoll biex tkun tista’ tiġi ppreżentata analiżi aggregata tal-użu tal-kors, skont il-karatteristiċi ewlenin tal-utenti, f’rapport statistiku ta’ kull xahar. 

B. Biex tkun tista’ tiġi ppreżentata analiżi aggregata tat-tweġibiet tal-istħarriġ, inkluż permezz tal-karatteristiċi ewlenin tar-rispondenti, f’rapport statistiku ta’ kull xahar. Id-data tiġi anonimizzata għal dan l-għan.

C. Biex jiġi mmonitorjat il-progress tal-utenti u għal finijiet statistiċi f’rapporti ddedikati. Id-data tiġi anonimizzata għal dan l-għan.

4. Minn fejn tinġabar id-data?

Mill-Portal Ewropew taż-Żgħażagħ, l-Akkademja tal-UE u mingħandek direttament għall-finijiet A, B u C deskritti taħt 3 hawn fuq.

5. Min għandu aċċess għad-data personali tiegħek u lil min tiġi żvelata?

L-aċċess għad-data personali tiegħek jista’ jingħata abbażi ta’ ħtieġa ta’ tagħrif lir-riċevituri li ġejjin:

  • Staff maħtur tal-Kummissjoni Ewropea, DĠ EAC
  • Staff maħtur tal-Kummissjoni Ewropea, JRC, tim tal-Akkademja tal-UE
  • Staff maħtur tal-EACEA
  • Staff awtorizzat tal-kuntrattur tal-Kuntratt ta’ servizzi qafas Nru SI2.1334: konsorzju bejn ICF S.A., ICF Next S.A. UP learning B. V., MDF Training & Consultancy B.V, b’mod partikolari l-Amministraturi tas-Sistema u l-inġiniera tekniċi tat-tagħlim UP, l-istaff tal-proġett tal-ICF, l-istaff tal-proġett MDF, u l-kuntratturi li se jissostitwixxuhom fi tmiem il-kuntratt. 

It-trasferiment ta’ data lil partijiet terzi oħra huwa pprojbit. Id-data personali miġbura qatt mhi se tintuża għal skopijiet ta’ kummerċjalizzazzjoni.

Barra minn hekk, f’każ ta’ kontroll jew tilwim, id-data personali tista’ tiġi kondiviża ma’ u pproċessata mill-korpi inkarigati b’kompitu ta’ monitoraġġ jew spezzjoni fl-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni f’konformità mar-regoli applikabbli dwar il-protezzjoni tad-data u fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-kompiti tagħhom fdati mil-leġiżlazzjoni rilevanti. Din tinkludi, b'mod partikolari, ir-riċevituri li ġejjin:
Il-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja jew imħallef nazzjonali kif ukoll l-avukati u l-aġenti tal-partijiet f’każ ta’ proċedura legali;

  • L-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF)
  • Is-Servizz tal-Awditjar Intern tal-Kummissjoni 
  • L-Uffiċċju ta’ Investigazzjoni u Dixxiplina tal-Kummissjoni (“IDOC”) 
  • Il-Qorti Ewropea tal-Awdituri 
  • L-Ombudsman Ewropew 
  • L-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew
  • Il-qrati tal-UE u l-awtoritajiet nazzjonali

F’każ ta’ kontroll jew tilwim, il-korpi inkarigati b’kompitu ta’ monitoraġġ jew spezzjoni fl-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni (eż. is-Servizz tal-Awditjar Intern, il-Kummissjoni Ewropea, l-OLAF, il-Qrati tal-UE, eċċ.).

Id-data personali pproċessata mill-kuntrattur ICF S.A. se tiġi pproċessata fiż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE) u fir-Renju Unit. Abbażi tad-deċiżjoni dwar il-protezzjoni adegwata tad-data personali mir-Renju Unit, adottata fit-28 ta’ Ġunju 2021, id-data personali tista’ tgħaddi mill-UE lejn ir-Renju Unit mingħajr ma tkun meħtieġa ebda salvagwardja ulterjuri.

6. Għal kemm żmien tinżamm id-data personali tiegħek?

Għall-finijiet stabbiliti f’A, B u C, il-perjodu ta’ ħżin, inklużi logs tal-aċċess, huwa konformi mal-perjodu ta’ żamma tal-Portal Ewropew taż-Żgħażagħ: Id-data personali li tinsab fil-kontijiet tal-utenti tal-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà titħassar tliet snin wara li jilħqu l-limitu ta’ età superjuri tal-eliġibbiltà għall-parteċipazzjoni fil-Korp, ħlief jekk l-utent qabel li jissieħeb fi kwalunkwe skema ta’ alumni li tista’ tkun fis-seħħ f’dak iż-żmien, ma jkunx esprima interess permezz ta’ email li jżomm il-kont tal-utent jew ikun ibbenefika minn finanzjament tal-UE permezz tal-parteċipazzjoni fil-programm, f’liema każ id-data tinżamm għal 5 snin mill-aħħar tranżazzjoni finanzjarja skont il-lista komuni ta’ żamma.

Il-kontributi fil-proċessi ta’ konsultazzjoni online se jiġu anonimizzati (jiġifieri r-rabta bejn l-utent u l-kontributi / voti li jkunu għamlu se jitneħħew) fi żmien sentejn wara t-tmiem ta’ kull konsultazzjoni sħiħa u l-proċess ta' rappurtar / feedback.

Il-politika ta’ żamma tal-Akkademja tal-UE jista’ jkollha wkoll impatt fuq il-politika ta’ żamma tal-GOT.

7. X’inhuma d-drittijiet tiegħek dwar id-data personali tiegħek u kif tista’ teżerċitahom?

Skont id-dispożizzjonijiet tar-regolament dwar il-protezzjoni tad-data, għandek id-dritt li:

  • Titlob biex taċċessa d-data personali li l-EACEA għandha dwarek.
  • Titlob rettifika tad-data personali tiegħek fejn meħtieġ.
  • Titlob it-tħassir tad-data personali tiegħek.
  • Titlob ir-restrizzjoni tal-ipproċessar tad-data personali tiegħek.
  • Titlob biex tirċievi jew biex id-data tiegħek tiġi ttrasferita lil organizzazzjoni oħra f’format standard li jinqara minn magna li jintuża b’mod komuni (portabbiltà tad-data).

Peress li dan l-ipproċessar tad-data personali tiegħek huwa bbażat fuq l-interess pubbliku tal-Artikolu 5(1)(a) tar-regolament dwar il-protezzjoni tad-data, jekk jogħġbok innota li għandek id-dritt li toġġezzjona għall-ipproċessar tad-data personali tiegħek għal raġunijiet relatati mas-sitwazzjoni partikolari tiegħek skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 23 tar-regolament dwar il-protezzjoni tad-data.

Għall-ipproċessar tad-data personali tiegħek li huwa bbażat fuq il-kunsens tiegħek skont l-Artikolu 5(1)(d) tar-regolament dwar il-protezzjoni tad-data, jekk jogħġbok innota li tista’ tirtiraha fi kwalunkwe ħin, u dan se jkollu effett mill-mument tar-retrazzjoni tiegħek. L-ipproċessar ibbażat fuq il-kunsens tiegħek qabel l-irtirar tiegħu se jibqa’ legali.

L-Artikolu 25 tar-Regolament (UE) 2018/1725 jipprevedi li, fi kwistjonijiet relatati mal-operat tal-istituzzjonijiet u l-korpi tal-UE, dawn tal-aħħar jistgħu jirrestrinġu ċerti drittijiet tal-individwi f’ċirkostanzi eċċezzjonali u bis-salvagwardji stabbiliti f’dak ir-Regolament. Tali restrizzjonijiet huma previsti fir-regoli interni adottati mill-EACEA u ppubblikati f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Kwalunkwe tali restrizzjoni tkun limitata fiż-żmien, proporzjonata u tirrispetta l-essenza tad-drittijiet imsemmija hawn fuq. Din titneħħa hekk kif iċ-ċirkostanzi li jiġġustifikaw ir-restrizzjoni ma jibqgħux applikabbli. Se tirċievi avviż aktar speċifiku dwar il-protezzjoni tad-data meta dan il-perjodu jkun għadda.

Bħala regola ġenerali inti tiġi infurmat dwar ir-raġunijiet prinċipali għal restrizzjoni sakemm din l-informazzjoni ma tikkanċellax l-effett tar-restrizzjoni bħala tali.

Għandek id-dritt li tressaq ilment lill-EDPS dwar il-kamp ta’ applikazzjoni tar-restrizzjoni.

8. Id-dritt tiegħek li tirrikorri f’każ ta’ kunflitt dwar kwalunkwe kwistjoni ta’ data personali

F’każ ta’ kunflitt dwar kwalunkwe kwistjoni ta’ protezzjoni tad-data personali tista’ tindirizza ruħek lill-Kontrollur fl-indirizz u l-kaxxa postali funzjonali msemmija hawn fuq.

Tista’ tikkuntattja wkoll lill-Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data tal-EACEA fl-indirizz tal-email li ġej: eacea-data-protection@ec.europa.eu.

Tista’ tressaq ilment quddiem il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data fi kwalunkwe ħin: http://www.edps.europa.eu.

9. Fuq liema bażi legali qed nipproċessaw id-data personali tiegħek?

Skont l-Artikolu 5(1) tar-Regolament dwar il-protezzjoni tad-data, il-punti: 

(a)    l-ipproċessar ikun neċessarju għat-twettiq ta’ kompitu li jsir fl-interess pubbliku jew fl-eżerċitar ta’ awtorità uffiċjali mogħtija lill-istituzzjoni jew lill-korp tal-Unjoni (li jird jiġi stabbilit fil-Liġi tal-Unjoni). 

Il-bażi legali ewlenija tal-ipproċessar tad-data personali hija:

ir-Regolament (UE) 2021/888 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Mejju 2021 li jistabbilixxi l-Programm tal-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà u li jħassar ir-Regolamenti (UE) 2018/1475 u (UE) Nru 375/2014

kif ukoll 

(d)    is-suġġett tad-data jkun ta l-kunsens għall-ipproċessar ta’ data personali tiegħu għal skop speċifiku wieħed jew aktar. 

  • L-utenti tal-GOT taw kunsens addizzjonali biex jiġu mistiedna għall-intervisti bit-telefown. L-intervisti bit-telefown ma għadhomx jinġabru mill-2021.

------------

*Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE Test b'rilevanza għaż-ŻEE, ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39.