Volontarjat
Il-biċċa l-kbira tal-opportunitajiet permezz tal-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà huma attivitajiet ta’ volontarjat transfruntieri.
Dawn il-proġetti huma opportunità eċċellenti biex il-parteċipanti jiġu megħjuna fejn meħtieġ, jitgħallmu ħiliet ġodda, iqattgħu żmien barra mill-pajjiż, forsi jitgħallmu lingwa – u żgur jiġu lura b’memorji li mhu se jinsew qatt.
Bil-firxa wiesgħa ta’ kwistjonijiet koperti mill-proġetti (bħall-ambjent, is-saħħa, l-inklużjoni, it-teknoloġiji diġitali, il-kultura, l-isport), żgur li se ssib xi ħaġa li taqbel mal-interessi u l-isfond tiegħek.
Għandek l-għażla bejn il-volontarjat b’mod individwali u f’timijiet.
Volontarjat individwali
- jista’ jdum minn xahrejn sa 12-il xahar
- huwa full-time (bejn 30 u 38 siegħa fil-ġimgħa)
- jippermettilek tikkontribwixxi għall-ħidma ta’ kuljum ta’ organizzazzjoni li tkun qed twettaq attivitajiet ta’ benefiċċju għall-komunità lokali
- ġeneralment ikun “transfruntier” – jiġifieri f’pajjiż differenti minn dak fejn tgħix (għalkemm jista’ jseħħ f’pajjiżek ukoll – dawn jissejħu proġetti “ġewwa l-pajjiż”)
- f’xi każijiet, tista’ tieħu sehem għal perjodu iqsar (minn ġimagħtejn sa xahrejn) – pereżempju għal parteċipanti b’inqas opportunitajiet, jew b’diżabbiltajiet
Volontarjat f’tim
Jekk ma tistax timpenja ruħek għal perjodu twil, iżda xorta tixtieq tgħin lill-komunità, mela ċċekkja l-volontarjat f’tim, li:
- jista’ ddum bejn ġimagħtejn u xahrejn
- huwa full-time (bejn 30 u 38 siegħa fil-ġimgħa)
- fih tkun voluntier ma’ nies minn tal-anqas 2 pajjiżi differenti
- il-grupp se jkun bejn 10 u 40 voluntier u jinkludi persuni b’inqas opportunitajiet
- normalment ikun f’pajjiż barrani, għalkemm jista’ jkun f’pajjiżek
Organizzazzjonijiet ta’ appoġġ u ospitanti
Jekk se tmur barra pajjiżek għal volontarjat individwali, ikunu involuti 2 organizzazzjonijiet:
- l-organizzazzjoni ta’ appoġġ – ibbażata f’pajjiżek, se tgħinek tipprepara għall-esperjenza tiegħek f’pajjiż ieħor (qabel kienet tissejjaħ “organizzazzjoni li tibgħat”).
- l-organizzazzjoni ospitanti – se tirċevik u se tgħinek fil-pajjiż ta’ destinazzjoni tiegħek.
Tista’ tfittex għal organizzazzjoni ta’ appoġġ potenzjali fuq il-bażi tad-data tal-organizzazzjonijiet akkreditati/b’Tikketta tal-Kwalità.
/!\ Jekk qed tagħmel volontarjat f’tim, m’għandekx bżonn organizzazzjoni ta’ appoġġ.
Min jista’ jkun voluntier?
L-attivitajiet ta’ volontarjat tal-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà huma miftuħin għal persuni ta’ bejn 18 u 30 sena li joqogħdu f’pajjiżi parteċipanti u pajjiżi sħab.
X’inhu kopert?
- Int kopert b’assigurazzjoni komplementari
- Tista’ taċċessa firxa ta’ servizzi ta’ appoġġ bħall-appoġġ lingwistiku u t-taħriġ
- L-ispejjeż bażiċi tiegħek se jkunu koperti (l-ivvjaġġar tiegħek lejn u mill-proġett, l-akkomodazzjoni u l-ikel)
- Se tirċievi wkoll allowance żgħira għall-ispejjeż personali (€3-6 kuljum, skont il-pajjiż)
- Jekk għandek ħtiġijiet speċifiċi (eż. diżabbiltà), dawn l-ispejjeż jistgħu jiġu koperti wkoll
/!\ Din il-kopertura tapplika għall-voluntieri fl-attivitajiet tal-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà.
Jekk tintgħażel permezz tal-portal tal-Korp minn organizzazzjoni, li hija ffinanzjata permezz tat-8 programmi ta’ finanzjament tal-ewwel fażi tal-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà, allura l-attività tiegħek taqa’ taħt ir-regoli u l-proċeduri ta’ dak il-programm ta’ finanzjament u mhux is-servizzi kollha msemmija hawn fuq se japplikaw għalik. Jekk jogħġbok iċċekkja l-Mistoqsijiet Frekwenti (FAQs) għall-programmi ta’ finanzjament addizzjonali li jappoġġjaw lill-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà.
Kif tirreġistra
Biex tibda tirreġistra:
- irreġistra issa jew
- ikklikkja Irreġistra fil-menù.
L-ewwel darba li tirreġistra, se tintalab toħloq kont (EU Login, is-servizz ta’ awtentikazzjoni tal-utent tal-Kummissjoni Ewropea) qabel ma toħloq il-profil tiegħek.
Ladarba toħloq il-profil tiegħek, ikollok aċċess għad-dashboard personali tiegħek, minn fejn tista’ tapplika għall-opportunitajiet reklamati, taċċessa t-taħriġ ġenerali online, tipparteċipa fil-konkorsi, tara ċ-ċertifikati tiegħek u ħafna aktar.
/!\ Ir-reġistrazzjoni fil-Korp ma tiggarantix li se tieħu sehem f’attività.