TITOLU V : RELAZZJONIJIET MA’ ISTITUZZJONIJIET U KORPI OĦRA U RESPONSABBILTÀ POLITIKA
KAPITOLU 2 : STQARRIJIET
Artikolu 138 : Dikjarazzjonijiet li jispjegaw l-użu tal-Artikolu 122 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea bħala bażi legali
1. Meta l-Kummissjoni tippjana li tadotta proposta għal att legali bbażata fuq l-Artikolu 122 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, il-President għandu jistieden lill-President tal-Kummissjoni biex jagħmel dikjarazzjoni lill-Parlament fejn jispjega r-raġunijiet għall-għażla ta’ dik il-bażi legali, kif ukoll jiddeskrivi l-objettivi u l-elementi ewlenin tal-proposta. Id-dikjarazzjoni għandha ssir qabel l-adozzjoni formali tal-proposta mill-Kummissjoni. Fin-nuqqas ta’ dan, din għandha tiġi inkluża fl-abbozz tal-aġenda tal-ewwel sessjoni parzjali wara l-adozzjoni tal-proposta mill-Kummissjoni, sakemm il-Konferenza tal-Presidenti ma tiddeċidix mod ieħor. Il-Konferenza tal-Presidenti għandha tiddeċiedi jekk id-dikjarazzjoni għandhiex tiġi segwita minn dibattitu. L-Artikolu 136(2) sa (8) rigward it-tqegħid fuq il-Mejda ta’ mozzjonijiet għal riżoluzzjonijiet u l-votazzjoni fuqhom għandu japplika mutatis mutandis.
Meta tali dikjarazzjoni ma titqegħidx fuq l-aġenda tal-ewwel sessjoni parzjali wara l-adozzjoni tal-proposta msemmija fl-ewwel subparagrafu, il-kumitat responsabbli għas-suġġett għandu jistieden lill-Kummissarju responsabbli biex jipprovdi l-informazzjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu f’waħda mil-laqgħat tiegħu li jkun imiss.
2. Il-President għandu jirreferi l-proposta lill-kumitat responsabbli għall-affarijiet legali għal verifika tal-bażi legali. Jekk dak il-kumitat jiddeċiedi li jikkontesta l-validità, jew x-xerqien tal-bażi legali, huwa għandu jirrapporta l-konklużjonijiet tiegħu lill-Parlament, jekk ikun meħtieġ oralment. Għandu japplika l-Artikolu 155(3) sa (5).
3. Meta proposta għal att legali bbażata fuq l-Artikolu 122 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea jkollha implikazzjonijiet potenzjali apprezzabbli għall-baġit tal-Unjoni, il-Parlament għandu jitlob li tinbeda l-proċedura ta’ skrutinju baġitarju prevista fid-dikjarazzjoni konġunta tal-
Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni tas-16 ta’ Diċembru 2020
(1).
Id-delegazzjoni tal-Parlament għall-Kumitat Konġunt prevista fid-dikjarazzjoni konġunta msemmija fl-ewwel subparagrafu għandha tkun magħmula minn membru wieħed tal-kumitat tiegħu responsabbli għal kwistjonijiet baġitarji minn kull grupp politiku u membru wieħed minn kwalunkwe kumitat responsabbli għas-suġġett.
4. Mhux aktar kmieni minn tliet xhur wara d-dħul fis-seħħ tal-att legali bbażat fuq l-Artikolu 122 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u f’intervalli xierqa minn hemm ’il quddiem, il-President għandu jistieden lill-Kummissarju responsabbli biex jagħmel dikjarazzjoni lill-Parlament li tirrapporta dwar l-implimentazzjoni tal-att legali kkonċernat u dwar il-ħtieġa li jinżammu d-dispożizzjonijiet tiegħu fid-dawl tar-rekwiżiti tat-Trattati. Il-proċedura stabbilita fil-paragrafu 1 għandha tapplika mutatis mutandis.
Dikjarazzjoni konġunta tal-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni tas-16 ta’ Diċembru 2020 dwar l-iskrutinju baġitarju ta’ proposti ġodda bbażati fuq l-Artikolu 122 TFUE b’implikazzjonijiet potenzjali apprezzabbli għall-baġit tal-Unjoni (ĠU C 444 I, 22.12.2020, p. 5).